Jista' l-Ministru jgħid kemm se jiswew flus lil Transport Malta r-rotot ġodda tat-trasport pubbliku u li l-Arriva trid tiġi kumpensata għalihom?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-maġġor parti tal-ispejjeż għat-tibdil fir-rotot qed jiġu mħallsa minn Arriva hekk kif ġie mħabbar fit-22 ta’ Lulju 2011. Barra minn dawn it-tibdiliet fir-rotot, Transport Malta se tkun qed tiffinanzja xi tibdil fir-rotot oħra li diġà ġew imħabbra nhar is-Sibt 15 ta’ Ottubru 2011 skont kif stipulat fil-kuntratt bejn l-istess Transport Malta u Arriva Malta Ltd, liema spejjeż għadhom mhux ikkalkulati imma huma meqjusin ferm aktar baxxi mis-sussidju li kien jingħata lil Assoċjazzjoni tat-Trasport Pubbliku. Dawn l-ispejjeż għadhom qedin jiġu diskussi.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew jew qegħdin jiswew flus it-tined li nbnew sabiex iservu ta' shelters għan-nies fil-bus termini tal-Belt u Bugibba u għal karozzini fix-xatt tal-Belt separatament?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
żieda ta' karozzzi tal-linja li jitilqu mill-Belt — alterazzjonijiet fil-bus terminus
Question
B'referenza għat-tibdil fir-rotot tat-trasport pubbliku li ġie mħabbar li se jfisser li ħafna aktar karozzi tal-linja se jitilqu mill-Belt, jista' l-Ministru jgħid x'alterazzjonijiet hemm bżonn li jsiru fil-bus terminus ġdid tal-Belt biex jakkomodaw din iż-żieda ta' karozzi?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li n-numru ta’ rotot li gew miżjuda sabiex joperaw mill-Belt Valletta mhuwiex sinifikanti biżżejjed li minħabba f’hekk għandhu jsir xi tibdil kbir fil-venda tal-Belt.
Infurmat ukoll li għalkemm dan is-suġġett għadu qed jiġi diskuss, hemm il-probabbiltà li jkun hemm il-bżonn li jiżdiedu bejn 2 u 4
bus
bays
addizzjonali, liema
bus bays
jistgħu jkunu żviluppati in konformità mal-venda eżistenti fiż-żona li għadha ma ġietx żviluppata.
Jista' l-Ministru jara jekk hux possibli li l-junction fit-tarf ta' Birkirkara bypass, (fejn il-Bathroom Design), Balzan, tiġi disinjata b'mod li tiġi kkontrollata bit-traffic lights għax ir-roundabout li hemm bħalissa qegħda tagħti lok għal konġestjoni kbira tat-traffiku b'mod partikolari fir-rush hours?
Response (GATT, AUSTIN)
Għaddejt is-suġġeriment lil Transport Malta biex jiġi kkunsidrat .
Transport Malta — loading u unloading bays - policies
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma l-policies imħaddma minn Transport Malta għal dak li jikkonċerna eliġibilità għal loading/unloading bays fil-każ ta' ħwienet tan-negozju?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li sezzjoni 5.8 tal-policy intitolata "Guidelines for the Implementation of Traffic Management and Safety Measures and Temporary Diversions of Traffic" imħaddma minn Transport Malta tistipula l-kriterji tal-eliġibilità għal loading/unloading bays.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dan id-dokument.
Ġaladarba l-bini ġo Triq Nazju Ellul fil-Gżira issa tlesta, jista' l-Ministru jara jekk Transport Malta jikkunsidrawx li jagħtu t-tarmac lil din it-triq principali li tagħti minn Sliema Road, Gżira sat-tarf tal-istess triq, forsi b'xi parteċipazzjoni min-naħa tal-kunsill lokali?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Riforma tal-Karozzi tal-Linja — parkeġġ f'Bieb il-Belt
Question
Peress li issa r-rotot tal-karozzi tal-linja kollha se jidħlu l-Belt Valleta minn kull belt jew raħal, jista' l-Ministru jgħid fejn se jipparkjaw dawn il-vetturi peress li l-pjanijiet ta' Bieb il-Belt ma jinkorporawx l-ipparkjar tal-istess vetturi?
Response (GATT, AUSTIN)
Nirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 29211.
Issa li t-tieħdet id-deċiżjoni li s-sistema tat-trasport pubbliku reġgħet ġiet imreġġa' għall-istat li kienet qabel it-3 ta' Lulju, jista' l-Ministru jgħid kemm sa jibda jkun in-numru ta' vetturi?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Sistema tat-trasport pubbliku — esperti/konsulenti
Question
Jista' l-Ministru jgħid, issa li s-sistema dwar it-trasport pubbliku se titreġġa' lura għal li kienet, hux qegħdin jiġu appuntati esperti/konsulenti sabiex tiġi implimentata din ir-reviżjoni?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li s-sistema tat-trasport pubbliku qed tiġi aġġustata biex jerġa jkollha konnessjonijiet diretti mill-lokalitajiet kollha lejn il-Belt Valletta u l-Isptar Mater Dei. Dan l-eżerċizzju tħejja bejn Transport Malta u Arriva Malta u għal dan il-għan ma ntużawx konsulenti esterni.
Sistema tat-Trasport Pubbliku — spiża stmata għat-tibdiliet
Question
Jista' l-Ministru jgħid, issa li ġie mħabbar li s-sistema ta' trasport pubbliku se terġa' lura għal li kienet, kemm hija stmata l-ispiża sabiex isiru l-arranġamenti meħtieġa fid-diversi bus termini?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Peress li ħdejn l-Isptar Ġenerali ta' Għawdex hemm bus stop imma m'hemmx bus shelter biex jistkennu n-nies, jista' l-Ministru jara li appuntu jsir bus shelter?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-infrastruttura tal-lokalità in kwestjoni ma tippermettix li jiġi stallat bus shelter. Madanakollu, Transport Malta se tagħmel studju sabiex issib post alternattiv f’din il-lokalità sabiex jitwaħħal bus shelter
Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni — informazzjoni dwar ħaddiema
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu ħaddiema u f'liema grad huma u kemm minnhom huma abbażi ta' kuntratt u kemm minnhom huma impjegati maċ-Ċivil direttament mal-Ministeru u entitajiet fid-dekasteru tiegħu matul l-ewwel disa' xhur tas-sena 2011?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Billi l-istazzjonijiet tal-televizjoni f'Malta li kienu jittrasmettu s-sistema analogue qed jintalbu biex sal-aħħar t'Ottubru 2011 ma jibqgħux ixandru fuq il-frekwenzi li għandhom bħalissa u li huma mistennija jgħaddu dawn il-frekwenzi lill-Awtorità tal-Komunikazzjoni ta' Malta, jista' l-Ministru jgħid jekk dawn l-istazzjonijiet tat-televiżjoni Maltin hux se jingħataw kumpens talli qed jilliberizzaw il-frekwenzi li se jkunu qed jintużaw għal skopijiet oħra mill-Awtorità tal-Komunikazzjoni ta' Malta u biex jagħmlu tajjeb għal spejjeż oħra li kellhom jidħlu għalihom dawn l-istazzjonijiet?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li mhux se jingħata l-ebda kumpens biex jintfew it-trasmissionijiet minn fuq dawn il-frequenzi.
Ta' min jinnota li meta l-kumpaniji kienu ngħataw il-liċenzji biex ixandru dawn ma kenux mitluba biex jagħmlu xi pagamenti addizzjonali biex jużaw il-frekwenzi.
Tant hu hekk li llum stazzjon li kellu frekwenza
analogue
kif ukoll dawk li jxandru lokalment imma fuq pjattaforma kummerċjali jħallsu l-istess ammont lill-Awtorità tax-Xandir għal-liċenzja.
Ta’ min ukoll jinnota li l-użu ta’ dawn il-frekwenzi
analogue
jifformaw parti minn liċenzja li it-terminu tagħha jgħalaq fl-aħħar ta’ Ottubru 2011.
Għaldaqstant hu meqjus li m’hemmx lok għal kumpens f’dawn iċ-ċirkustanzi.
xogħol fuq it-triq prinċipali bejn San Pawl il-Baħar u Burmarrad
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li jsir ix-xogħol fuq it-triq prinċipali li twassal minn ħdejn il-Knisja ta' Burmarrad, sa ħdejn id-daħla ta' San Pawl il-Baħar (Triq Erba' Mwieżeb), billi partijiet minnha jeħtieġu li jinbidlilhom il-wiċċ?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li dan ix-xogħol jagħmel parti mill-pjan ta' manutenzjoni ta’ Transport Malta, liema xogħol hu ppjanat li se jsir sal-aħħar ta' din is-sena.
xogħol fuq triq li tieħu minn Burmarrad saż-Żebbiegħ
Question
Billi numru ta' toroq li għandhom funzjoni li jgħaqqdu rħula flimkien, matul l-aħħar xhur ingħataw wiċċ ta' tarmak u dan biex jiġi faċilitat l-aċċess f'dawn it-toroq waqt li jkun qed isir xogħol ieħor f'toroq arterjali, jista' l-Ministru jara li Transport Malta tagħti wiċċ lit-triq li twassal minn Burmarrad saż-Żebbiegħ (fil-partijiet li għadhom mhux mogħtija t-tarmak), għaliex din it-triq qed tintuża minn numru kbir ta' persuni li jkunu qed jivvjaġġaw bejn l-Imġarr u San Pawl il-Baħar u viċi versa?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li din it-triq mhix waħda mit-toroq li sejrin isiru din is-sena.
Infurmat ukoll li din it-triq se tiġi kkunsidrata, flimkien ma’ toroq oħra, għal programm ta’ toroq li jmiss.
karozzi l-antiki li spiċċaw mis-servizz tat-transport pubbliku
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'jista' jsir mill-karozzi l-antiki li spiċċaw mis-servizz tat-transport pubbliku?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li Transport Malta ftehmet ma' Heritage Malta dwar iż-żamma ta' madwar tmenin karozza tal-linja antika. Rigward x'se jsir minnhom, nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-gvern għandux f'moħħu li jiftaħ xi mużew tat-trasport pubbliku ta' Malta fil-qarib ġejjieni? Jekk iva, fejn se jkun u x'beħsiebu jesponi f'dan il-mużew?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jara fiex wasal il-kaz ta' anzjana, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li applikat għal reserved parking u għadha bla risposta?
Response (GATT, AUSTIN)
Ma naħsibx li għandi ngħaddi din l-informazzjoni personali sakemm ma jkollix il-kunsens tal-individwu konċernat.
Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni — impjieg ta' persuni b'diżabilità
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati persuni b’diżabilità f’dawn l-aħħar sitt xhur mill-ministeru u mid-dipartimenti u enitajiet kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li ma ġie impjegat l-ebda persuna b'diżabilità f'dawn l-aħħar sitt xhur fil-Ministeru, d-dipartimenti u l-entitajiet fid-dekasteru tiegħi.
Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni — nefqa fuq safar
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa għas-safar matul l-ewwel disa' xhur tas-sena 2011 li saru mill-Ministeru, entitajiet u dekasteri eċċ. li jaqgħu taħtu?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li n-nefqa għas-safar matul l-ewwel 9 xhur ta' din is-sena mill-Ministeru u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi kienet ta' €548,478.80.