Tista' l-Ministru tgħid matul din is-sena skolastika li għadha kemm intemmet kemm kien hemm studenti li ngħataw permess jitilqu mill-iskola qabel għalqu s-sittax-il sena? Kemm kienu subien u kemm bniet? X'kienu r-raġunijiet prinċipali? Kemm kienu jattendu skejjel tal-gvern, tal-knisja u dawk indipendenti?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nirreferi l-Onor. Membru għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari numru 1426.
Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm vakanzi ta' għalliema mal-Gvern bħalissa? F'liema suġġetti u f'liema livell? Tista' tgħid ukoll kemm hemm il-ħsieb li jiġu mpjegati supply teachers għas-sena skolastika li jmiss u f'liema suġġetti u livelli?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Informata li bħalissa il-vakanzi ta’ l-għalliema fl-iskejjel tal-Gvern huma skond it-tabella li ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Dan għaliex l-impjieg ta’ Supply Teachers jiġi terminat fi tmiem is-sena skolastika.
Mhux possibli li jingħata tagħrif dwar kemm se jiġu mpjegati
Supply Teachers
għas-sena skolastika li jmiss. Dan minħabba l-fatt li wieħed irid jistenna r-riżultati ta’ l-għalliema ġodda u ċ-ċaqlieq li jsir internament ta’ għalliema li jiġu maħtura Assistenti Kapijiet kif ukoll ir-rikjesti li jkun hemm minn għalliema biex jiedu l-
Parental Leave
.
Tista' l-Ministru tgħid fl-iskejjel tal-Gvern, tal-Knisja u dawk indipendenti separatament kemm hemm għalliema li għandhom temporary warrant? Tinżamm statistika ta' liema suġġetti qed jgħallmu?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Informata li fil-preżent hemm 151 għalliem fl-iskejjel tal-Gvern u 123 għalliem fl-iskejjel tal-Knisja u 98 fl-iskejjel indipendenti li għandhom warrant temporanju.
Tabella bid-dettalji ta’ liema suġġetti qed jgħallmu ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' l-Ministru tgħid fl-ewwel sitt xhur ta' din is-sena finanzjarja kemm intnefaq fuq fuel li jintuża biex tissaħħan il-pixxina nazzjonali f'Tal-Qroqq? Liema kumpannija tissuplixxi l-fuel? Meta ngħata l-kuntratt?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Infurmata li n-nefqa fuq fuel li jintuża biex tissaħħan il-pixxina nazzjonali f’Tal-Qroqq fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena jammonta għal EUR 184,480. Il-kumpanija li tissupplixxi l-fuel hija Falzon Services Station Limited u l-kuntratt ingħata fit-2 ta’ Marzu 2007.
Tista' l-Ministru tgħid x'kienu l-fondi tas-Central Public Library għal din is-sena? Jidhrilha li l-fondi huma biżżejjed? Huwa minnu li l-fondi diġa' spiċċaw, u fil-każ kemm ilhom li spiċċaw?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Infurmata li l-fondi allokati għal din is-sena kurrenti lil-Librerija Pubblika jammontaw għal 612,160 Ewro. S’issa ntefqu 336,583.83 Ewro biex baqa’ bilanċ ta’ 275,576.17 Ewro.L-allokazzjoni għal din is-sena tidher li hija sodisfaċenti għall-operat preżenti.
Tista' l-Ministru tgħid kemm studenti li jinstabu fil-Form 5 talbu li jispiċċaw qabel it-tmiem tas-sena skolastika jew qabel jilħqu l-eta' ta' 16-il sena? Tista' tagħti din l-informazzjoni separata għall-iskejjel statali, indipendenti u tal-Knisja u kemm huma bniet u kemm subien?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Infurmata li kien hemm 7 subien u 6 bniet li talbu biex jispiċċaw s-sena skolastika qabel għalqu is-
16-il sena , waqt li kienu hemm 11 subien u 5 bniet li għalqu is-16-il sena iżda li talbu li jispiċċaw is-sena skolastika qabel it-tmiem tagħha. Dawn kollha ġejjin minn skejjel ta’ l-istat. Ma kienx hemm każijiet simili li ġejjin mill-qasam ta’ l-iskejjel indipendenti u tal-knisja.
B'referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 231 u 892, tista' l-Ministru twieġeb fejn waslu dawn id-diskussjonijiet minħabba li din hija materja urġenti minħabba mpenji internazzjonali li x-Shooting Federation ġiet fdata bihom?
Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar jekk hux possibli li s-Sirens Water Polo Club jingħata xi forma ta' kumpens bħala parti mill-ħlas biex tissewwa l-ħsara fil-pitch u l-madwar, wara l-maltemp ta' xi xhur ilu?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-Kunsill Malti għall-iSport għandu talba għall-għajnuna mill-imsemmi klabb li saret wara li ġew diskussi u deċiżi t-talbiet għall-assistenza skond l-iskema tal-Kunsill Malti għall-iSport għas-sena 2008. Din it-talba ser tkun diskussa f’laqgħa tal-Bord tad-Diretturi flimkien ma’ talbiet oħra urġenti li daħlu f’din is-sena.
Tista' l-Ministru tgħid kemm studenti se jispċċaw l-aħħar sena primarja, skola skola u maqsumin fi bniet u subien? Kemm minnhom resqu biex jagħmlu l-eżami tal-Junior Lyceum skola skola u maqsumin fi bniet u subien?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' l-Ministru tgħid jekk fil-Kulleġġ San Benedittu sarux jew le l-annual exams tal-foundation classes? Jekk dawn ma sarux, għaliex u min huwa responsabbli għal dan? Kif ġew milquta dawn l-istudenti u kif se jsir il-kejl biex jinqasmu l-klassijiet fis-sena skolastika li jmiss?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Infurmata li l-foundation classes ma jkollhomx annual exams imma school-based tests. L-amministrazzjoni ta’ l-iskola għamlet dak li setgħet biex dawn iseħħu. Finalment dan ma setgħax isir minħabba direttiva ta’ l-MUT. Minflok saru class-based tests mill-għalliema ta’ dawn il-klassijiet.
Tista' l-Ministru tgħid jekk il-Fondazzjoni għall-Iskejjel t'Għada hux se tiġi amalgamata jew tifforma parti minn wieħed mid-Direttorat ta' l-Edukazzjoni ?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ma hemm l-ebda ħsieb li l-Fondazzjoni ta’ l-Iskejjel t’Għada tiġi amalgamata jew tifforma parti minn ma’ wieħed miż-żewġ Direttorati ta’ l-Edukazzjoni.
Tista' l-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni li l-istudenti ta' l-MCAST li qed jagħmlu xogħol fis-Sajf ma jitħallsux bħal studenti oħra tal-Junior College u l-Universita'? Kemm hemm studenti ta' l-MCAST li qed jagħmlu xogħol fis-sajf? Kull student fl-MCAST huwa obbligat li jagħmel xi tip ta' xogħol fis-sajf? Jekk fl-affermattiv, x'inhi r-raġuni għal dan u kif isir l-assessment tax-xogħol li jkunu għamlu għall-fini tal-kors li jkunu qed isegwu fl-MCAST?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Infurmata li:
1. Mhux l-istudenti kollha li jattendu l-MCAST huma obbligati jagħmlu xogħol fis-sajf. Huma biss l-istudenti li jinsabu fi tmiem ta’ l-ewwel sena ta’ l-Apprendistat li jikkwalifikaw għal perjodu ta’ Osservazzjoni fis-Sajf (Summer Observation Period) bi ħlas ta’ €232.94 fix-xahar. Xi studenti oħra li m’humiex fuq skema ta’ Apprendistat jingħataw l-opportunita’ biex jieħdu esperjenza ta’ xogħol minn meta jispiċċaw f’Ġunju (Summer Placement). Dawn jitħallsu bir-rata ta’ €4.193 għal kull jum ta’ xogħol. Il-perjodu mhux soltu jaqbeż it-tlett ġimgħat.
2. In-numru ta’ studenti fuq dawn iż-żewġ skemi fis-Sajf ta’ l-2007 kien hekk:
(a) Perjodu ta’ osservazzjoni fis-Sajf – 318
(b) Summer Placement – 177
3. Kif spjegat aktar il-fuq, mhux kull student fl-MCAST huwa obbligat li jagħmel perjodu ta’ xogħol fis-Sajf.
4. Fiż-żewġ każi msemmija hawn fuq, jiġifieri dak tas-Summer Placement u dak tas-Summer Observation Period, in-natura tax-xogħol huwa wieħed ta’ osservazzjoni u li m’huwiex parti integrali mill-assessment. Għaldaqstant matul dan il-perjodu ma jsir l-ebda assessjar.
Tista' l-Ministru tgħid kemm issellfu kotba mil-libreriji pubbliċi matul is-sena 2007? Kemm minn dawk li ssellfu l-kotba kienu tfal taħt 16-il sena u kemm kien hemm adulti? Minn liema librerija pubblika l-aktar li ssellfu kotba? Kemm hija l-ispiża tal-Gvern kull sena sabiex iżomm dawn il-libreriji aġġornati bl-aħħar kotba fis-suq?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Matul l-2007 issellfu 747,050 ktieb mill-Libreriji Pubbliċi. Dan is-self sar minn libreriji diversi skond tabella li ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
L-iktar librerija pubblika li minnha ssellfu kotba hi l-Librerija tal-Furjana. L-aktar librerija li selfet kotba minn fost il-libreriji reġjonali kienet dik ta’ Birkirkara. Minnha sselfu 68,503 ktieb.
Mill-banda l-oħra l-aktar librerija li selfet kotba minn fost il-libreriji friegħi kienet dik tal-Fgura. Minna sselfu 18,564 ktieb.
L-ispiża tal-Gvern kull sena biex iżomm dawn il-libreriji aġġornati tvarja minn sena għal oħra. In-nefqa fis-sena 2006 kienet ta’ Euro 18,635 (Lm 8000). Fis-sena 2007 intefqu Euro 15,374 (Lm 6600). Filwaqt li din is-sena diġa’ ntefqu Euro 12,500 (Lm 5366).
Tista' l-Ministru tgħid jekk hux se tingħata prijorita' lill-lokalita' ta' Marsaskala sabiex ikun hemm ground tal-football jew inkella xi faċillita' sportiva oħra ħalli tkun tista' tintuża minn persuni li l-ewwel u qabel kollox jgħixu fl-istess lokalita' u dan anke fid-dawl li l-istess lokalita' kibret u qed tkompli tikber fil-popolazzjoni u li l-istess popolazzjoni hija ta' eta' żgħira?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-Kunsill Malti għall-iSport nieda skema li permezz tagħha l-entitajiet konċernati jistgħu japplikaw għal assistenża. Il-lokalita ta’ Marsaskala tista’ tapplika taħt din l-iskema.
Tista' l-Ministru tgħid kemm studenti mill-Iskejjel Speċjali se jiġu transferiti għall-Adult Training Centres f'Lulju li ġej? X'tip ta' transizzjoni saret biex dawn l-istudenti jintegraw ruħhom tajjeb u b'mod effiċjenti f'dawn iċ-ċentri?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Infurmata li m’hemm l-ebda studenti li ser jiġu trasferiti għall-Adult Training Centres f’Lulju li ġej.
Tista' l-Ministru tgħid kemm se jispiċċaw studenti mill-Form 5 fl-aħħar ta' din is-sena skolastika mill-iskejjel statali, indipendenti u tal-Knisja separatament? Kemm minnhom huma bniet u kemm subien?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Infurmata li n-numru ta’ studenti, subien u bniet, li ser jispiċċaw il-Form V fis-sena skolastika 2007 – 2008 mill-iskejjel Statali, tal-Knisja u Indipendenti hu kif ġej:
Subien Bniet Total
Skejjel Statali 1711 1759 3470
Skejjel tal-Knisja 808 679 1487
Skejjel Indipendenti 259 210 469
Total 2778 2648 5426
Tista' l-Ministru tgħid jekk kienx hemm proċess sabiex jinħatar direttur tal-programmi ta' l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Ministeru?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Infurmata li l-Koordinatur Nazzjonali tal-programmi ta’ l-Unjoni Ewropea ġie ‘detailed’ bħala Uffiċjal Pubbliku mal-European Union Programmes Agency b’effett mill-4 ta’ Mejju 2007 għal perjodu indefinit u dan ‘on grounds of public policy’.Dan ġara wara li l-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku irtrat s-sejħa għal applikazzjonijiet.