Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 13 PQ #15174 Sitting 345 2020-06-17 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex – tenders, direct orders u quotations għal tabelli u sinjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il tender/direct order/quotation ħarġet mit-8 ta' Marzu 2013 sad-data meta tigi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari mill-Ministeru għal Għawdex għal xogħol ta' tabelli u sinjali, fejn saru, min tefa' t-tenders, quotation jew ingħata d-direct order u l-ammont? Jista' jindika min ħa t-tender, quotation jew direct order?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 13 PQ #15199 Sitting 345 2020-06-17 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Gozo Channel – Bars – żieda fil-prezzijiet

Question

Jista' l-Ministu jgħid liema prezzijiet ta' ikel u xorb li jinbiegħu mill-bars tal-Gozo Channel żdied il-prezz tagħhom matul l-aħħar xahrejn? Jista' jgħid kemm kienet iż-żieda fil-prezz ta' dawn il-prodotti u r-raġuni għaliex l-kumpanija Gozo Channel ħasset li proprju f'dan iż-żmien diffiċli, tiddeċiedi li tgħolli dawn il-prezzijiet?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li matul l-aħħar xahrejn il-kafetterija tal-vapur kienet magħluqa. Apparti l-fatt li l-informazzjoni mitluba hija ta' natura kummerċjali, ngħarraf lill-Interpellant li l-prezzijiet tal-prodotti li jinbiegħu mill-kafetteria jiġu aġġustati kontinwament. Dan jiddependi minn diversi fatturi.
Leg 13 PQ #15200 Sitting 345 2020-06-17 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Gozo Channel — skema ta' inċentivi fuq il-pagi tal-ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Kumpanija Gozo Channel applikatx għal xi skema ta' inċentivi fuq pagi tal-ħaddiema tagħha mingħand il-Malta Enterprise matul iż-żmien tal-pandemija? Jekk iva meta applikat? Ġiet aċċettata l-applikazzjoni tal-Gozo Channel? Jekk le x'kienet ir-raġuni li ma ġietx aċċettata? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-applikazzjoni u r-risposta tal-Malta Enterprise?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li iva, il-kumpanija Gozo Channel (Operations) Ltd applikat mal-Malta Enterprise għall-COVID-19 Wage Supplement.
Leg 13 PQ #15444 Sitting 345 2020-06-17 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għal Għawdex

Tiġrijiet f’Għawdex

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 15204 jista’ l-Ministru għal Għawdex jgħid min qed jorganizza t-tiġrijiet f’Għawdex jekk il-Gozo Horse Racing Association ġie xolt u mhux jiffunzjona? Kemm qed jiġi jiswa kull meeting?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tiġrijiet taż-żwiemel fil-Korsa tax-Xhajma qed ikunu organizzati mill-Gozo Sports Board fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex. Kull tiġrija tiġi tiswa lill-Ministeru s-somma ta’ bejn €1,567.16 u €2,047.16. Madankollu dan jiddependi fuq il-parteċipazzjoni taż-żwiemel u t-tip ta’ tiġrija, jekk tkunx conditional jew championship race.
Leg 13 PQ #15448 Sitting 345 2020-06-17 Oral · Final From: CLAUDIO GRECH To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — entitajiet, aġenziji, korporazzjonijiet u kumpaniji - tmexxija

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 14354 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista sħiħa tal-entitajiet, aġenziji, korporazzjonijiet u kumpaniji kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu u għal kull entità jgħid minn min hi komposta t-tmexxija tagħha (chairperson, diretturi, senior management) u x’inhuma l-karigi rispettivi tal-persuni fit-tmexxija?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex għandu żewġ entitajiet li jaqew taħtu. Il-Gozo Channel (Operations) Limited liema bord ta' Diretturi huwa kompost minn Chairperson, Company Secretary u tmien membri. Mal-istess entita' hemm ukoll erba' mjegati f'senior positions liema gradi huma; Operations Manager, Commercial Manager, Financial Controller u Human Resources Manager. L-entita' l-oħra hija l-Gozo Heliport, u l-bord ta' Diretturi huwa kompost minn Chairperson u żewġ membri.
Leg 13 PQ #14917 Sitting 344 2020-06-16 Oral · Final From: CLAUDIO GRECH To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati persuni f’kull entita/dipartiment/aġenzija/korporazzjoni/kumpanija li jaqgħu taħtu, xahar b’xahar, minn Jannar 2017 ‘il hawn u jaqsam l-informazzjoni skont l-entità u jagħti l-informazzjoni grad bi grad (mingħajr ma’ jagħti l-ismijiet tal-persuni)?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn Jannar 2017 ’il hawn ġew impjegati fil-Ministeru 89 persuna (2017), sitta (2018), 34 (2019) u sitta (2020*) u fil-Gozo Channel tnejn (2017), sitta (2018), sitta (2019) u xejn (2020*). L-informazzjoni tal-2020 tirreferi sal-ewwel ġimgħa ta’ Ġunju.
Leg 13 PQ #15171 Sitting 344 2020-06-16 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Gozo Sport Complex – ftuħ ta’ premises

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gozo Sports Complex hux ser jerġa’ jiftaħ il-premises tiegħu mill-4 ta' Ġunju 2020 biex l-isportivi Għawdxin ikunu jistgħu jipprattikaw id-diversi dixxiplini sportivi ġewwa dan l-uniku kumpless sportiv tal-gvern fil-gżira Għawdxija?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa l-iSports Complex ma jistax jintuża għax apparti li bħalissa huwa okkupat mic-CPD, daqt ser jibdew xogħlijiet prepatorji relatati mal- bini tal-pixxina.
Leg 13 PQ #15232 Sitting 344 2020-06-16 Oral · Final From: DAVID THAKE To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex – karozzi mixtrija/mikrija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm karozzi mikrija jew mixtrija li jintużaw mill-Ministeru tiegħu jew entitajiet li jaqgħu taħtu u f’liema sena ġew mixtrija jew mikrija?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 13 PQ #15443 Sitting 344 2020-06-16 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għal Għawdex

Korsa ta’ Xħajma – impjegati full-time

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 15204, jista’ l-Ministru jgħid meta ġew impjegati l-11-il ħaddiem full-time mal-Korsa ta’ Xħajma f’Għawdex u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 13 PQ #14983 Sitting 343 2020-06-15 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Faċilitajiet Sportivi - rinnovar u mmodernizzar

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' rinnovar u immodernizzar sar fil-faċilitajiet sportivi f'Għawdex li jaqgħu taħt il-Ministeru għal Għawdex f'dawn l-aħħar tliet xhur waqt li l-istess faċilitajiet kienu kollha magħluqin?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li waqt li l-faċilitajiet sportivi kienu magħluqin f’dawn l-aħħar tlett xhur minħabba l-imxija tal-COVID19, f’dawn l-istess faċilitajiet sar xogħol ta’ rinovar u modernizzar kif indikat: Korsa Ta’ Xħajma: · Beda xogħol ta’ rinovar tat -toilets kemm tan-nisa kif ukoll tal-irġiel · Beda xogħol ta’ rinovar tal-uffiċini/bdil ta’ bibien u twieqi · Żdied ir-ramel tal-Korsa u xogħol ieħor konness mal- upkeep tal-istess korsa · Ġie finalizzat il-proċess għal xiri ta ’ tractor ġdid Żebbuġ Shooting Range: · Inxtara Grass-cutter ġdid. · Intefgħet applikazzjoni mal-Awtorita’ tal-Ippjanar għall-izvilupp u rinovar tax-Shooting Range fiż-Żebbuġ, Għawdex. Gozo Aquatic Centre: · Baqa’ għaddej x-xogħol fuq il-proġett tal-pixxina u l-innovar tal-Kumpless Sportiv fejn fil-ġimgħat li ġejjin għandu jibda x-xogħol.
Leg 13 PQ #14988 Sitting 343 2020-06-15 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Bajjiet - decking u railings

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ippjanati li jsiru decking u railings ġodda fil-bajjiet f'Għawdex għas-sajf 2020 u f’liema bajjiet se jsiru u kemm hi ppjanata li tkun l-ispiża fuq dan ix-xogħol li diġà sar jew għad irid isir din is-sena?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 13 PQ #15075 Sitting 343 2020-06-15 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Il-Fontana Għawdex — Triq Mons Mikiel F Buttigieg - xogħlijiet fuq triq

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hu maħsub li jsir ix-xogħol fuq Triq Mons Mikiel F Buttigieg fil-Fontana, Għawdex peress li parti sostanzjali minn din it-triq għadha sal-lum bla wiċċ? Jista' jgħid jekk ix-xogħol fuq din it-triq hux se jsir sal-aħħar tas-sena 2020 u jekk inħarġitx tender sabiex isir dan ix-xogħol?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol f’din it-triq huwa maħsub li jsir.
Leg 13 PQ #15230 Sitting 343 2020-06-15 Oral · Final From: DAVID THAKE To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex – impjieg ta’ persuna

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament għandhiex xi impjieg jew kuntratt ta’ xi forma mal-Ministeru tiegħu?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna li d-dettalji dwarha ngħataw separatament ma għandha l-ebda’ tip ta’ impjieg ma’ dan il-Ministeru.
Leg 13 PQ #15231 Sitting 343 2020-06-15 Oral · Final From: DAVID THAKE To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex – ħlas lil persuna

Question

Jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni dwar kull ħlas li qatt sar mill-baġit tal-Ministeru tiegħu lill-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament mill-2013 sal-lum? Jista’ jagħti t-total għal kull sena bir-raġun għall-ħlas?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma sar l-ebda’ ħlas minn dan il-Ministeru lill-persuna li d-dettalji dwarha ngħataw separatament.
Leg 13 PQ #15358 Sitting 343 2020-06-15 Oral · Final From: IVAN BARTOLO To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – Ix-Xlendi – bini ta’ flats

Question

B’referenza għall-applikazzjoni għall-bini ta' aktar flats fuq ir-raba' sular fix-Xlendi Għawdex li permezz tagħhom jitgħatta għal kollox il-blat naturali, jista’ l-Ministru jgħid l-għaliex qiegħed iħalli lill-Awtorità tal-Ippjanar tinjora l-oġġezzjonijiet tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) u saħansitra tmur kontrihom? Peress li l-ERA hija ffinanzjata mit-taxxi tal-poplu, min qiegħed u se jerfa' dawn ir-responsabbilitajiet u kif se jerfagħhom?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqija parlamentari lill-Ministru kkonċernat.
Leg 13 PQ #73 Sitting 341 2020-06-09 Written · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Għajnsielem - Ix-Xatt l-Aħmar - tneħħija ta' ġebel

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hu maħsub li jitneħħa l-ġebel li waqa' fix-Xatt l-Aħmar f'Għajnsielem, Għawdex? Jista' jgħid kif dan il-ġebel ilu li waqa' minn Novembru li għadda u issa beda l-istaġun tal-għawm u għadu ma tneħħiex? Jista' jara li dan jitneħħa fi żmien qasir peress li dan il-ġebel qed jagħlaq parti mill-bajja inkluż qed jagħlaq numru ta' boathouses?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru ssotometta applikazzjoni mal-ERA bin-numru NP/0222/20.
Leg 13 PQ #15204 Sitting 341 2020-06-09 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għal Għawdex

Korsa ta' Xħajma — impjegati

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-persuni impjegati full-time u part-time fil-korsa ta' Xħajma, informazzjoni dwar ir-rwol tagħhom u l-kundizzjoni tax-xogħol tagħhom? Jista' jgħid ukoll minn min hu kompost il-kumitat li qiegħed jorganizza t-tiġrijiet fil-korsa ta' Xħajma?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa fil-korsa ta’ Xħajma hemm 11 il-ħaddiem full-time u dawn jagħmlu xogħol; wieħed ta’ Foreman, 3 ġardinara u 7 ħaddiema li jagħmlu manutenzjoni tal-post. Fir-rigward tal-Kumitat Gozo Horse Racing Association, ninforma lill-Interpellant li dan huwa xolt.
Leg 13 PQ #14564 Sitting 340 2020-06-08 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — Ħaddiema li rriżenjaw

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm persuni li kienu impjegati fis-Segretarjat tal-Ministru/Segretarju Parlamentari u li wara l-25 ta’ Jannar 2020 u sal-jum li fih tkun imwieġba din l-interpellanza, telqu/irriżenjaw minn dan l-impjieg? Jekk iva, kemm?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ebda persuna ma riżżenjat mis-Segretarjat minn nhar l-25 ta’ Jannar 2020 ‘l hawn.
Leg 13 PQ #14880 Sitting 340 2020-06-08 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

WORLD TOURISM DAY – GALA DINNER

Question

B’referenza għar-risposta tiegħu għall-mistoqsija parlamentari 14230, jista’ l-Ministru jgħid: a. kemm kienu l-persuni preżenti għall-ikla tal-gala dinner għall-World Tourism Day li saret matul is-sena 2019; b. kemm kien hemm persuni mistiedna u kemm fil-fatt attendew; c. is-servizzi ta' din l-attività li ngħataw b'direct order lil min ingħataw u kemm kien l-ammont għal kull servizz li ngħata?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpallant li mill-persuni kollha mistiedna għall-attivita’ ta’ Gala Dinner fl-okkażjoni tal-World Tourism Day li saret matul is-sena 2019 – li kienu jinkludu fost l-oħrajn, l-Ambaxxaturi, il-Konsli Onorarji kollha għal Malta, flimkien ma’ ġurnalist minn kull pajjiż rappreżentat u kif ukoll entitajiet relatati mas-settur tat-turiżmu - attendew madwar 90 persuna. Min-naħa l-oħra, din l-attivita’ ġiet tiswa s-somma ta’ €36,152.37 (VAT eskluż). Is-servizzi marbutin ma’ din l-attivita gew ingaġġati permess ta’ direct order. L-attivita’ saret fil-Villa Rundle u għaldaqstant ma kien hemm l-ebda spejjeż relatati ma’ kera. Il-lista sħiħa tal-ispejjeż marbutin ma’ din l-attivita qiegħda titpoġġa fuq il-mejda tal-kamra.
Leg 13 PQ #14677 Sitting 339 2020-06-03 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Daħlet Qorrot fin-Nadur – xogħol fuq ħajt

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 14031, jista' l-Ministru jgħid min hu l-Perit li qed iħejji r-rapport tekniku fuq il-parti mit-Triq li tagħti għall-bajja ta' Daħlet Qorrot fin-Nadur li ċediet u qiegħda f'periklu għal kull min juża din it-triq? Jista' jgħid meta ġie nkarigat dan il-Perit biex iħejji dan ir-rapport u meta hu mistenni jitlesta? Jista' jagħti żmien meta dan ix-xogħol għandu jsir biex jitneħħa dan il-periklu?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Perit inkarigat huwa Perit tal-Ministeru għal Għawdex. Dan ir-rapport tekniku tlesta u bħalissa qed jiġi analizzat, bix-xogħol ippjanat li jibda fil-ġimgħat li ġejjin.