Excess Mortality u Temperature Attributable Mortality
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3184 u jgħid jekk il-Gvern jikkalkulax l-excess mortality u t-temperature-attributable mortality waqt temperaturi estremi u heatwaves u, jekk iva, jispeċifika:
(a) is-snin u l-perjodu użati sabiex jiġi stabbilit il-baseline tal-imwiet mistennija;
(b) jekk il-baseline jiġix aġġustat għat-tkabbir u t-tixjiħ tal-popolazzjoni, ix-xejriet fit-tul u l-varjazzjoni staġjonali;
(c) liema kejl tat-temperatura jintuża u jekk jiġux ikkunsidrati l-umdità, it-temperaturi minimi ta’ billejl, it-tul u l-intensità tal-heatwave;
(d) jekk jiġux ikkunsidrati l-effetti differiti tas-sħana fuq il-mortalità fil-jiem ta’ wara;
(e) jekk l-analiżi tiġix aġġustata għal fatturi oħra, fosthom it-tniġġis tal-arja u l-prevalenza ta’ mard infettiv; u
(f) liema definizzjoni operattiva ta’ heatwave tintuża mill-awtoritajiet tas-saħħa f’Malta?
Jista’ jiddentifika d-dati tal-heatwaves jew tal-livelli ta’ twissija tas-saħħa relatati mas-sħana bejn Ġunju u Settembru tas-snin 2023, 2024, 2025 u 2026? Jekk il-Gvern ma jikkalkulax l-excess mortality jew it-temperature-attributable mortality, jista’ jgħid għaliex dawn l-istimi ma jsirux u jekk hemmx il-ħsieb li tiġi stabbilita sistema nazzjonali ta’ monitoraġġ tal-mard u tal-mortalità attribwibbli għas-sħana?
Kriterji kliniċi użati għall-imwiet bi sħana eċċessiva
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3183 u jgħid liema definizzjoni, kriterji kliniċi, kriterji epidemioloġiċi u metodoloġija jintużaw mill-awtoritajiet tas-saħħa sabiex mewta tiġi identifikata u kklassifikata bħala relatata mas-sħana eċċessiva?
Jista’ jispeċifika:
(a) liema kodiċijiet tal-ICD-10 jintużaw, inklużi X30 u T67 u s-sottokategoriji tagħhom;
(b) jekk jiġux eżaminati kemm il-kawża prinċipali kif ukoll il-kawżi sekondarji jew kontributorji fuq iċ-ċertifikat tal-mewt;
(c) jekk jitqisux ir-rekords mediċi u tal-isptar, iċ-ċirkostanzi tal-esponiment u d-data meteoroloġika;
(d) kif jiġu identifikati każijiet fejn is-sħana aggravat kundizzjoni kronika jew kundizzjoni eżistenti; u
(e) jekk il-metodoloġija hijiex konformi mal-linji gwida tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa u mal-prattika Ewropea rikonoxxuta?
Persuni li mietu b’heatstrokes fl-2023, 2024, 2025 u 2026
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3182 u jgħid f’Malta u f’Għawdex, separatament, matul ix-xhur ta’ Ġunju, Lulju, Awwissu u Settembru tas-snin 2023, 2024, 2025 u 2026, kemm ġew irreġistrati mwiet li fihom minħabba l-esponiment għal sħana naturali eċċessiva, heatstroke, sunstroke, ipertermija jew kundizzjoni oħra relatata mas-sħana kienu rreġistrati bħala:
(a) il-kawża prinċipali tal-mewt; jew
(b) kawża sekondarja, kontributorja jew fattur li kkontribwixxa għall-mewt?
Jista’ jaqsam din l-informazzjoni skont ix-xahar, separatament għal Malta u Għawdex, is-sess, gruppi ta’ età 0–64, 65–74, 75–84 u 85 sena jew aktar?
Jista’ jgħid ukoll, għall-istess perjodi, kemm kienu:
(a) l-imwiet osservati minn kull kawża;
(b) l-imwiet mistennija skont il-baseline użat mill-awtoritajiet;
(c) l-excess all-cause mortality waqt perjodi ta’ temperaturi estremi u heatwaves; u
(d) l-għadd stmat ta’ mwiet attribwibbli għal temperaturi għoljin, inklużi mwiet li fihom is-sħana ma ġietx imniżżla fuq iċ-ċertifikat tal-mewt iżda setgħet wasslet għall-aggravament ta’ kundizzjoni eżistenti, fosthom mard kardjovaskulari, ċerebrovaskulari, respiratorju jew renali, id-dijabete u kundizzjonijiet relatati mas-saħħa mentali?
Jista’ jipprovdi dawn l-istimi bħala għadd ta’ mwiet u bħala rata għal kull 100,000 persuna, flimkien mal-intervalli ta’ kunfidenza jew miżura oħra tal-inċertezza statistika? Fejn id-data għall-2026 għadha mhix finalizzata, jista’ jipprovdi l-aħħar data proviżorja disponibbli, jindika d-data sa meta tkopri u jgħid meta mistennija tkun disponibbli d-data finali?
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hi l-lista ta’ stennija biex persuna tidħol f’dar tal-anzjani fil-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (BORG, IAN)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari numru 1518.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk il-mediċina Insulin Aspart, li tingħata permezz tal-Programm tal-Gvern għall-Mediċini (POYC), kinitx indisponibbli għal perjodu ta’ mill-inqas erba’ ġimgħat matul is-sena 2026? Jekk iva, jista’ jindika matul liema perjodu seħħet din in-nuqqas ta’ disponibbiltà, x’kienet ir-raġuni għaliha u jekk ġewx ipprovduti mediċini alternattivi lill-pazjenti affettwati, sabiex tiġi żgurata l-kontinwità fit-trattament tagħhom?
Response (BORG, IAN)
Ninsab infurmat li l-Insulina Aspart qatt ma kienet out of stock mill-POYC fl-2026.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk il-mediċina Perindopril, li tingħata permezz tal-Programm tal-Gvern għall-Mediċini (POYC), kinitx out of stock għal perjodu ta’ seba’ ġimgħat matul is-sena 2026? Jekk iva, jista’ jindika matul liema perjodu seħħet din in-nuqqas ta’ disponibbiltà, x’kienet ir-raġuni għaliha u jekk il-pazjenti ngħatawx mediċini alternattivi?
Response (BORG, IAN)
Ninsab infurmat li l-mediċina Perindopril 4mg qatt ma kienet out of stock mill-POYC fl-2026.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk il-mediċina Amlodipine, li tingħata permezz tal-Programm tal-Gvern għall-Mediċini (POYC), kinitx out of stock għal perjodu ta’ seba’ ġimgħat matul is-sena 2026? Jekk iva, jista’ jindika matul liema perjodu seħħet din in-nuqqas ta’ disponibbiltà, x’kienet ir-raġuni għaliha u jekk il-pazjenti ngħatawx mediċini alternattivi?
Response (BORG, IAN)
Ninsab infurmat li l-mediċini Amlodipine 5mg u 10mg qatt ma kienu out of stock mill-POYC fl-2026.
Ħaż-Żebbuġ – Triq it-Twila – Ilmenti dwar duħħan eċċessiv
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk daħlux ilmenti relatati mas-saħħa pubblika u sanità rigward duħħan eċċessiv li joħroġ minn ċumniji fiż-żona ta’ Triq it-Twila f’Ħaż-Żebbuġ? Jista’ jgħid ukoll x’miżuri ttieħdu?
Response (BORG, IAN)
Ninsab infurmat li, wara li d-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali rċieva xi lmenti rigward emissjonijiet minn forn li jinsab fi Triq it-Twila, Ħaż-Żebbuġ, saru diversi spezzjonijiet minn uffiċjali tad-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali.
Matul dawn l-ispezzjonijiet ma ġew osservati ebda rregolaritajiet fir-rigward tal-liġijiet u r-regolamenti sanitarji applikabbli. Konsegwentement, ma setgħet tittieħed ebda azzjoni ta’ infurzar minn dan id-Direttorat.
Fid-dawl tan-natura tal-ilmenti u r-riżultat tal-ispezzjonijiet li saru, il-każ ġie riferut lill-Pulizija sabiex tieħu kwalunkwe azzjoni ulterjuri jew twettaq l-investigazzjonijiet li tqis meħtieġa min-naħa tagħha.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm kien hemm riferti għal mole mapping f’dawn l-aħħar ħames snin u x’kien il-perjodu ta’ stennija, maqsuma sena b’sena?
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm kien hemm każijiet ta’ għazz (moles) li tneħħew minħabba li kien hemm riskju ta’ kanċer, kemm minnhom kienu kanċer u kemm minnhom kienu severely dysplastic?
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk hemmx pjan biex il-ħaddiema tal-laboratorji (biomedical scientists) ikollhom uniformi?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li iva, huwa ppjanat li l-Biomedical Scientists jiġu provduti b’uniformi fil-futur.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm kien hemm nies li mietu kawża ta’ sħana matul Lulju 2026?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li skond ir-Reġistru Nazzjonali tal-imwiet, in-numru ta’ persuni li mietu b’konsegwenza diretta tal-effett tas-sħana f’Malta u Għawdex f’Lulju ta’ 2026, kien ta’ għoxrin (20). Fil-biċċa l-kbira ta’ dawn il-każijiet, il-pazjenti kellhom ukoll kundizzjonijiet mediċi oħra li setgħu kkontribwew għall-mewt tagħhom
Kundizzjoni tal-Awtiżmu – Lista ta’ stennija għall-assessjar
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm tfal fuq il-lista ta’ stennija biex isirilhom assessjar għall-kundizzjoni tal-awtiżmu?
Response (BORG, IAN)
Ninsab infurmat li l-proċess ta’ evalwazzjoni għall-awtiżmu/adhd fi ħdan CAYS ma jikkonsistix f’appuntament jew assessjar wieħed, iżda huwa parti minn proċess kliniku multidixxiplinarju li jinvolvi diversi stadji u professjonisti, skont il-ħtiġijiet individwali ta’ kull tifel u tifla.
Matul dan il-proċess, it-tfal jistgħu jkunu diġà qed jibbenefikaw minn evalwazzjonijiet, osservazzjonijiet kliniċi, konsultazzjonijiet u interventi minn professjonisti differenti, anke qabel ma tiġi konkluża l-evalwazzjoni dijanjostika għall-awtiżmu.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm tfal fuq il-lista ta’ stennija għas-Servizzi għat-Tfal, l-Adolexxenti u ż-Żgħażagħ (CAYS)?
Response (BORG, IAN)
Ninsab infurmat li fil-preżent, m’hemmx lista ta’ stennija għall-ewwel appuntament fi ħdan CAYS li jista jsir minn professjonisti varji. Ir-riferimenti jiġu skedati mal-ewwel punt ta’ kuntatt skont il-ħtiġijiet tal-każ.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk skont il-Patient Charter, wara kemm-il ġimgħa jew xahar, il-pazjent għall-MRI, bil-katarretti jew knee jew hip replacement għandu dritt ifittex rimedji privati bi spejjeż għall-Gvern?
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm ilha tistenna l-persuna li ilha l-aktar fuq il-lista ta’ stennija għal dawn l-interventi:
a. MRI;
b. Katarretti;
ċ. Knee replacement; u
d. Hip replacement?
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm persuni fil-lista ta’ stennija għal dawn l-interventi:
a. MRI;
b. Katarretti;
ċ. Knee replacement; u
d. Hip replacement?