Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid x’ħidma saret mill-ambaxxata ta’ pajjiżna fil-Kajr matul is-sena 2024 u matul l-ewwel disa’ xhur tas-sena 2025?
Response (BORG, IAN)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija fil-Mistoqsija Parlamentari Numru 28539 li tiddeskrivi l-ħidma u l-inizjattivi li ttieħdu mill-Ambaxxata ta’ pajjiżna għall-Eġittu fl-2024. Filwaqt li dak ir-rispons jibqa’ validu, jiġi nnutat li għall-sena 2025 saru l-aġġornamenti li ġejjin:
Introduzzjoni
L-Ambaxxatur Roberto Pace serva bħala l-Ambaxxatur ta’ Malta ġewwa l-Eġittu, akkreditat ukoll għas-Sudan, sal-21 ta’ Settembru 2025, meta temm il-mandat tiegħu. Bħalissa, l-Ambaxxata qed tistenna l-ħatra ta’ Ambaxxatur ġdid.
Fl-ewwel disa’ xhur tal-2025 saru diversi laqgħat bilaterali ma’ Ministri u uffiċjali Eġizzjani li saħħew il-kooperazzjoni bejn Malta u l-Eġittu. Fl-istess żmien, l-Ambaxxata baqgħet issegwi l-aħħar żviluppi fil-gwerra fis-Sudan.
Bilaterali
Matul dawn ix-xhur, il-ħidma kienet mifruxa kif indikat hawn taħt:
Eġittu
• Fl-ewwel disa’ xhur tal-2025, l-Ambaxxata kompliet issaħħaħ ir-relazzjoni bilaterali bejn Malta u l-Eġittu permezz ta’ laqgħat regolari ma’ uffiċjali Eġizzjani, li enfasizzaw il-kooperazzjoni fl-oqsma tal-enerġija, il-kummerċ, u l-migrazzjoni, fost oħrajn. L-ambaxxata ħadet sehem ukoll f’ħidmiet Ewropej komuni marbuta mas-sigurtà, il-migrazzjoni u l-istabbiltà fir-reġjun.
• Il-perjodu kien immarkat minn żjarat u inizjattivi ta’ livell għoli: iż-żjara tal-Ministru Miriam Dalli f’Jannar; iż-żjara tal-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca f’Ġunju bħala parti mill-Mediterranean Children’s Movement; iż-żjara tal-Gvernatur tal-Bank Ċentrali Dr. Edward Scicluna fl-Eġittu, b’rabta mad-9 Konferenza Annwali tal-Banek Ċentrali tal-Mediterran, kif ukoll il-preparazzjonijiet għall-ftuħ tal-Grand Egyptian Museum.
• Il-kooperazzjoni kulturali kompliet tiġi mħeġġa permezz tal-parteċipazzjoni fil-Festival tal-Films tal-UE f’Lixandra, avvenimenti ta’ konservazzjoni tal-wirt, u appoġġ lill-artisti u riċerkaturi Maltin li jħarsu lejn l-Eġittu bħala ċentru ta’ kollaborazzjoni kulturali.
• Fuq il-front konsolari, l-Ambaxxata pprovdiet assistenza lil ċittadini Maltin f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza, inkluż evakwazzjoni minn Iżrael matul il-gwerra bejnha u bejn l-Iran, kif ukoll koordinazzjoni ma’ ambaxxati tal-UE fuq kwistjonijiet ta’ sigurtà.
Sudan
Fl-istess żmien, l-Ambaxxata kompliet issegwi mill-qrib l-iżviluppi fis-Sudan, fejn il-gwerra ċivili kompliet tħalli konsegwenzi politiċi, ekonomiċi u umanitarji gravi. Minkejja li l-Forzi Armati Sudaniżi ħadu lura l-belt kapitali ta’ Khartoum, il-pajjiż baqa’ maqsum bejn żewġ amministrazzjonijiet rivali – l-amministrazzjoni f’Port Sudan u dik imwaqqfa mir-Rapid Support Forces ġewwa Darfur. L-Ambaxxata żammet kuntatt regolari ma’ uffiċjali Ewropej, dawk internazzjonali kif ukoll tal-Lega Għarbija, sabiex issegwi l-proċessi ta’ medjazzjoni mmexxija min-Nazzjonijiet Magħquda, l-Unjoni Afrikana, l-Istati Uniti, u l-UE li sfortunatament għadhom ma wasslux għal waqfien tal-ġlied.
Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu — Direct orders ta' inqas minn €5,000
Question
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jagħti lista tad-direct orders ta' inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Ottubru 2025?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif weġibt f’diversi istanzi, l-entitajiet u d-dipartimenti li huma fid-dekasteru tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, japplikaw ir-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi ta’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt li joħorġu mill-Public Procurement Regulations.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid jekk hemmx konsulat jew uffiċċju ta’ konslu sabiex jirrappreżenta l-interessi ta’ Malta fil-Yerevan fl-Armenia?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Malta għandha Konsolat Onorarju f’Yerevan, l-Armenja. Il-Konsolat Onorarju tar-Repubblika ta’ Malta f’Yerevan jirrapreżenta l-interessi ta’ Malta - fil-fini tad-doveri tiegħu - b’ġurisdizzjoni fuq ir-Repubblika tal-Armenja. Il-Konslu Onorarju ta’ Malta għall-Armenja huwa s-Sur Artur Aleksayan. Apparti minn hekk, Malta għandha wkoll Ambaxxatur mhux residenti għall-Armenja, l-E.T. Giovanni Miceli.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 31431 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Finanzi u jgħid kemm intefqu flus pubbliċi fi spejjeż legali jew ta’ konsulenza għad-difiża ta’ azzjonijiet tal-gvern f’każijiet ta’ arbitraġġ internazzjonali?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid kemm hemm boutique hotels u Airbnb liċenzjati Ħ’Attard?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-akkomodazzjoni turistika reġistrata f’ Ħ’Attard hija kif tidher hawn taħt:
Hotels 1
Guest Houses 0
Hostels 0
Holiday Furnished Premises 7
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid kemm hemm boutique hotels u Airbnb liċenzjati fil-Mosta?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-akkomodazzjoni turistika reġistrata fil-Mosta hija kif tidher hawn taħt:
Hotels 0
Guest Houses 4
Hostels 0
Holiday Furnished Premises 33
San Pawl il-Baħar - Menqa - Parati biex jitniżżlu d-dgħajjes
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 31471 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali u jieħu l-passi neċessarji biex il-parati ta’ ħdejn il-Menqa f’San Pawl il-Baħar, jiġu rranġati biex ikunu jistgħu jintużaw aħjar minn dawk il-persuni li jtellgħu d-dgħajjes tas-sajd tagħhom minn dawk in-naħat?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex tirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
,Peress li Ġnien Pembroke jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA), jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jara li l-istess awtorità tindirizza l-istat ta’ telqa u abbandun li jinsab fih Ġnien Pembroke?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Ġnien Pembroke ilu li nfetaħ għall-pubbliku erbatax-il-sena u avolja iz-zona ma taqax direttament taħt l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu, din aċċettat li tibqa’ tieħu ħsiebu.
L-Awtorita’ twettaq manutenzjoni regolari sabiex il-ġnien jinżamm fi stat tajjeb minkejja l-pożizzjoni esposta għall-kundizzjonijiet xejn favorevoli u l-vandaliżmu kontinwu.
Madankollu, l-Awtorita’ għandha programm ta’ xogħol ta’ manutenzjoni estensiv sabiex jingħata facelift li jinkludi art ġdida (safety flooring), bankijiet ġodda u equipment ieħor.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 30481 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi u jgħid jekk hemmx xi pjanijiet għar-riġenerazzjoni tal-Kumpless tal-White Rocks? Jekk iva, jista’ jgħid x’inhuma dawn il-pjanijiet u meta ser jiġu implimentati?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm studenti li qed jattendu l-ITS matul din is-sena akkademika? Jista’ jgħid ukoll kemm hemm studenti li mhumiex ċittadini Maltin u kemm minnhom huma mill-Unjoni Ewropea (UE), u kemm huma minn barra l-UE? Kemm minn dawn l-istudenti qed iħallsu għall-kors tagħhom fl-ITS?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm 763 student li qed jattendu l-ITS matul din is-sena akkademika, maqsumim kif jidher hawn taħt:
Maltin 506
Mill-Unjoni Ewropea (UE) 54
Minn barra l-UE 203*
* (jinkludi stati Ewropej bħas-Serbja iżda prinċipalment minn kontinenti oħra)
L-ITS għandu wkoll 100 student fil-kampus satellita tiegħu fiċ-Ċina.
L-istudenti li qed iħallsu għall-kors tagħhom fl-ITS, huma kif jidher hawn taħt:
101 student li qed isegwu kors full-time
116 -il student li qed isegwu kors part-time (eż. MBA p/t)
100 student li jattendu l-kampus satellita tiegħu fiċ-Ċina.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid xi proċedura trid tintuża biex persuna li tkun tixtieq li jiżdiedu l-faċilitajiet ħdejn ix-xtut tagħna, bħal slielem, bridges, showers u bins, tkun tista’ tressaq is-suġġerimenti tagħha għal tali faċilitajiet? Jista’ wkoll jipprovdi lista tal-postijiet kollha fejn tali faċilitajiet huma installati sabiex talbiet għall-futur ikunu jistgħu jittieħdu inkonsiderazzjoni għal dawk il-faċilitajiet diġà eżistenti, u dan peress li issa wasalna fi tmiem is-sajf u allura tali żidiet mhux ser ikunu għal din is-sena?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) timmaniġġja ħdax-il bajja f’Malta, jiġifieri: il-Bajja tal-Għadira, il-Bajja tal-Mixquqa (Golden Bay), il-Bajja ta’ Għajn Tuffieħa, il-Bajja ta’ Buġibba, il-Ponta tal-Qawra, il-Bajja ta’ San Ġorġ (Paceville), Fond Għadir, il-Bajja tal-Balluta, il-Bajja tal-Fajtata, il-Bajja ta’ San Ġorġ u l-Bajja s-Sabiħa, it-tnejn f’Birżebbuġa.
Suġġerimenti dwar iż-żieda ta’ faċilitajiet f’dawn il-bajjiet immaniġġjati mill-MTA jistgħu jintbagħtu lill-Kunsill Lokali kkonċernat. Biex jiżdiedu faċilitajiet f’bajjiet mhux immaniġjati mill-MTA, ninforma lill-Onor. Interpellant biex tirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
Stabbilimenti tal-ikel u x-xorb - Tnaqqis fir-rata tal-VAT
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid jekk hemmx ħsieb li titnaqqas ir-rata tal-VAT għall-istabbilimenti tal-ikel u x-xorb biex jikkumpensa għaż-żieda fl-ispejjeż għal bosta sidien u ħaddiema f’dan is-settur?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu - Direct orders ta’ inqas minn €5,000
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Settembru 2025?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif weġibt f’diversi istanzi, l-entitajiet u d-dipartimenti li huma fid-dekasteru tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, japplikaw ir-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi ta’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt li joħorġu mill-Public Procurement Regulations.
Stabbilimenti tax-xorb u ikel - Permessi relatati ma’ mwejjed u siġġijiet
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-istabbilimenti li kellhom il-konċessjoni jew il-permess għal imwejjed u siġġijiet fuq barra għal xi perjodu jew perjodi bejn l-1 ta’ Settembru 2024 u l-31 ta’ Awwissu 2025, u jindika għal liema perjodu jew perjodi kull stabbiliment kellu tali konċessjoni jew permess?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
Awtorità għat-Turiżmu - Permessi relatati ma’ mwejjed u siġġijiet - Uffiċjali ta’ infurzar
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid kemm hemm uffiċjali tal-infurzar fi ħdan l-Awtorità għat-Turiżmu li huma responsabbli għall-permessi relatati ma’ mwejjed u siġġijiet barra l-istabbilimenti tax-xorb u tal-ikel, u kif inhuma mqassmin?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa d-Direttorat tal-Konformita’ (Compliance) jew Infurzar għandu tmintax -il uffiċjal tal-infurzar ġewwa Malta u ħamsa ġewwa Għawdex li huma awtorizzati li jagħmlu spezzjonijiet fi stabbilimenti. Għall-kuntrarju ta’ li qed jigi mistoqsi mill-Onor. Interpellant, dawn l-uffiċjali jridu jieħdu ħsieb il-varjeta’ kollha ta’ liċenzji li toħroġ l-Awtorita’ u mhux imwejjed u siġġijiet biss. Dawn l-uffiċjali jridu jispezzjonaw liċenzji ġodda, jinvestigaw ‘complaints’, jagħmlu spezzjonijiet ta’ rutina u joħorġu fuq xogħol ta’ nfurzar f’zoni turistiċi u anke bajjiet.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid liema huma l-pajjiżi li ċ-ċittadini tagħhom għad għandhom bżonn visa biex iżuru Malta?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid kemm inħarġu visas fis-snin 2023, 2024 u fl-ewwel disa’ xhur tas-sena 2025, maqsuma sena b’sena?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid minn liema pajjiżi kienu ġejjin l-applikanti li lilhom ġiet irrifjutata t-talba għall-ħruġ ta’ visa fis-snin 2023, 2024 u fl-ewwel disa’ xhur tas-sena 2025, maqsuma sena b’sena? Jista’ wkoll jelenka l-ammont għal kull pajjiż?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid kemm kien hemm talbiet għall-ħruġ ta’ visas li ġew irrifjutati fis-snin 2023, 2024 u fl-ewwel disa’ xhur tas-sena 2025, maqsuma sena b sena?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid minn liema pajjiżi kienu ġejjin l-applikanti li għamlu talba għall-ħruġ ta’ visas fis-snin 2023, 2024 u fl-ewwel disa’ xhur tas-sena 2025, maqsuma sena b’sena? Jista’ wkoll jelenka l-ammont għal kull pajjiż?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.