Legislature:
Category:
Reset
Active:

Qawra — Rapporti formali fuq sewqa esaġerat

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-pulizija għandiex rapporti formali tas-sewqan esaġerat li allegatament qed isir fid-dawra tal-Qawra? Jekk iva, kemm saru rapporti formali dwar dan u meta?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi mir-records disponibbli ma jirriżultax li saru xi rapporti lill-Pulizija dwar sewqan esaġerat fid-dawra tal-Qawra.

Kunsill Lokali tas-Sannat — Community Worker Scheme - xogħlijiet privati

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga jekk ħaddiema tal-Community Worker Scheme li qed jaħdmu fil-kunsill lokali ta' Sannat hux minnu li s-Sindku qabbad dawn il-ħaddiema sabiex jagħmlu xogħlijiet privati li mhumiex komptiu tal-kunsill?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-ħaddiema tal-Community Workers Scheme huma mqabbda mill-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ (ETC). Peress li din il-Korporazzjoni taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Minsteru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Proġett Recreational Area, Triq id-Daħla taċ-Ċnus f' Ta' Sannat

Question

Jista' l-Ministru, permezz tad-dipartiment, jinvestiga x-xogħol li qed isir permezz ta' kuntratt fil-proġett mgħarruf bħala Recreational Area, Triq id-Daħla taċ-Ċnus f'Sannat fejn jidher li mix-xogħol li qed isir jidher li qed ikun hemm tibdiel u differenza bejn dak li huma mitlub mill-kuntratt u dak li effetivament qed isir? Huwa mgħarruf ukoll li ċertu tibdiel li sar lanqas m'għandu l-approvazzjoni u infatti f'dan ix-xogħol li qed isiru jidher ukoll li kuntrattur qed ibidel id-disinn u l-materjal? Jista' jgħid jekk dak li qed issir hux legalment aċċettabbli u jekk jistax isir?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi peress dan il-proġett huwa parti mill-finanzjament li jaqa' taħt l-iskema Eko Għawdex, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi din id-domanda lill-Ministru kkonċernat.

Kunsill Lokali Mellieħa — karozzi li jkunu ġejjin minn Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu r-raġuni li l-Kunsill Lokali tal-Mellieħa imexxi mis-Sindku tiegħu qed jitħalla arbitrajament u kontra l-liġi li permezz ta' wardens stazzjonati fil-bajja tal-Għadira jinibixxi milli jgħaddi mir-raħal tal-Mellieħa vetturi li jkunu ġejjin minn Għawdex, b'konsegwenza li dawn qegħdin jintbagħtu jgħaddu mit-triq ħdejn Popeye's Village li hija jeqa, perikoluża u b'konsegwenza ta' dan il-vjaġġ minn Għawdex lejn Malta twal bejn 15 u 30 minuta u ħafna drabi ukoll persuni jitilfu l-appuntamenti tagħhom jew jidħalu tard għax-xogħol jew anki t-titjiera li jkollhom jaqbdu mill-Ajruport Internazzjonali ta' Malta? Jista' jispjega b'liema dritt qiegħda ssir din id-destinazzjoni bejn persuni bl-ID li joqogħdu l-Mellieħa jew li jkollhom pass speċjali li jgħaddu mill-Mellieħa u oħrajn li għandhom ir-residenza tagħhom Għawdex? Ma jaħsibx li din mhi xejn ħlief diskriminazzjoni li tkisser sfaċċatament id-drittijiet fundamentali tal-bniedem kif hemm fil-kostituzzjoni ta' Malta u msaħħa fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-drittijiet tal-Bniedem?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Peress li din hija kwistjoni li taqa' taħt ir-responsabbiltà ta' Trasport Malta, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

raid mill-pulizija tal-A.L.E.

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il raid sar mill-pulizija tal-ALE fuq kaċċaturi matul ix-xhur Jannar u April 2012?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi membri mit-Taqsima tal-A.L.E. tal-Pulizija regolarment jagħmlu spezzjoniet għal persuni li jinqabdu bi ksur ta’ xi provvedimenti tar-Regolamenti dwar il-Kaċċa u l-Insib. Infurmat ukoll illi fil-perjodu imsemmi mill-Onorevoli Interpellant u ċioe’ bejn Jannar u April ta’ din is-sena membri ta’ din it-Taqsima għamlu 815 spezzjoni.

kaċċa — pulizija biex iżommu l-ordni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm pulizija li ħadmu biex matul l-istaġun tal-kaċċa ta' April 2012 tinżamm l-ordni u l-liġijiet jiġu segwiti?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-membri kollha tal-Korp tal-Pulizija li qegħdin stazzjonati fl-Għasses kif ukoll dawk li huma stazzjonati fit-Taqsima tal-A.L.E. ħadmu flimkien sabiex matul l-istaġun tal-kaċċa f’April 2012 tinżamm l-ordni u l-ligijiet tal-kaċċa jiġu segwiti.

pulizija tal-A.L.E li telgħu Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba pulizija tal-A.L.E. telgħu Għawdex biex jaraw ukoll li hemm tinżamm l-istess ordni u l-kaċċaturi li jkunu Għawdex għall-kaċċa jimxu mar-regoli stabbiliti mil-liġi?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi matul din is-sena l-ispezzjonijiet għall-kaċċa u l-insib illegali saru mill-pulizija stazzjonati Għawdex u li kienu jiġu dettaljati speċifikament għal dan l-iskop.

ħabsin nisa — informazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jelenka skont il-gravità, t-tip ta’ reati jew raġunijiet, li għalihom in-nisa huma kundannati l-ħabs? Kemm minn dawn in-nisa li huma kundannati l-ħabs huma ommijiet?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi sal-1 ta' April 2012 in-numru ta' priġuniera nisa li kien hemm fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin kien ta' 43, (30 minnhom ommijiet). Infurmat ukoll illi r-reati jew r-raġunijiet li għalihom in-nisa huma miżmuma fil-Faċilità huma s-segwenti:- Omiċidju Droga (traffikar/kultivazzjoni/importazzjoni/pussess eċċ Serq Aggravat Korruzzjoni ta' Minuri Qliegħ ta' flus mill-prostituzzjoni Ħasil ta' flus Multi konvertiti f'priġunerija/spejjeż tal-Qorti Revokazzjoni ta' garanzija f'kaz ta' ħelsien mill-arrest.

San Ġwann — ilment dwar siġra

Question

Jista' l-Ministru jara jekk il-Pulizija flimkien mal-entitajiet governattivi kkonċernati jistgħux jieħdu passi immedjati biex siġra li telgħet bla permess ġo għalqa privata bejn Triq Fuxa u Triq l-Annunzjata San Ġwann titneħħa jew titqaċċat billi qed tmiss mal-cables tad-dawl u hemm il-biżgħa li l-għeruq tagħha jistgħu jkollhom impatt fuq residenzi fil-qrib u dan apparti li l-għalqa mhix magħluqa b'għadd ta’ filati li titlob il-ligi?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi sid l-art imsemmija mill-Onorevoli Interpellant għadu ma ġiex rintraċċat mill-Pulizija. Però minn naħa tagħha l-Pulizija, minbarra li nfurmat kemm lill-Enemalta, kif ukoll lid-Dipartiment tal-Agrikoltura dwar dan l-ilment, talbet l-assistenza tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, li minn naħa tagħhom aċċedew fuq il-post u qatgħu l-friegħi li setgħu kienu jmissu mal-cables tad-dawl u b’hekk tneħħa kull riskju ta’ periklu. Dwar l-impatt li jista’ jkollhom l-għeruq ta’ din is-siġra fuq residenzi fil-qrib, din hija kwistjoni purament ċivili.

Kunsill Lokali ta' Victoria Għawdex — quaterly accounts

Question

Jista' l-Ministru jagħti l-figura li biha l-Kunsill Lokali ta' Victoria (Għawdex) għalaq is-sena 2011? Jista' jgħid jekk hux qed isiru l-quaterly accounts?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali tar-Rabat Għawdex għalaq is-sena 2011 b’deficit ta’ €23,600. Infurmat ukoll illi li l-quarterly reports jintbgħatu kull tliet xhur.

Kunsill Lokali ta' San Ġiljan — playing field ta' Ta' Ġorni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ilu magħluq il-playing field ta' Ta' Ġorni? Jista' jgħid x'wassal għal dan u kemm se jdum il-Kunsill ta' San Ġiljan biex jirrimedja din is-sitwazzjoni?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat li l-bandli konċernat ingħalaq b’deċiżjoni li ħa l-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan fid-29 ta’ Novembru 2011 wara r-rapport tal-MCCAA dwar dan il-bandli. Infurmat ukoll li l-kunsill lokali applika għall-fondi taħt l-iskema ta’ finanzjament għal titjib fil-playing fields eżistenti.

Għawdex — Weapons Office - ħlas tal-liċenzja

Question

Peress li fil-Weapons Office ta' Għawdex qed ikun hemm kjus twal biex jitħallsu l-liċenzji peress li l-kotba waslu tard u peress li dan huwa ta' inkonvenjent għall-pubbliku però huwa wkoll stressanti għall-ħaddiema, jista' l-Ministru jara kif din il-problema tiġi indirizzata?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 33615.

Kunsilli Lokali — impjegati li jiġu minn xulxin fl-istess kunsill

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk jirriżultalux li fil-Kunsill ta' Malta u Għawdex hemmx impjegati li jiġu minn xulxin li jaħdmu flimkien fl-istess kunsill? Jekk iva, liema huma dawn il-kunsilli u min huma dawn l-impjegati?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi hemm 7 Kunsilli Lokali li għandhom impjegati li jiġu minn xulxin fl-istess kunsill. Dawn huma fil-Kunsill Lokali ta' Ħaż Żabbar, Birżebbuġia, Gżira, Kirkop, Ħal Lija, M'Skala u Mosta. Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra din l-informazzjoni fid-dettall.

Attendenza u Minuti tal-Laqgħat tar-Reġjun

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-attendenza u l-minuti tal-laqgħat tar-reġjun kemm ilhom li bdew jitħaddmu?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-dokumenti rikjesti huma aċċessibbli pubblikament fuq il-portal elettroniku tal-kunsilli lokali li huwa www.lc.gov.mt. Nitlob lill-Onorevoli Membru tispeċifika liema informazzjoni partikolari li qed tirreferi għaliha peress li dawn id-dokumenti huma voluminużi.

Segretarji Eżekuttivi u Aġenti Segretarji Eżekuttivi — kwalifiki

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista tas-Segretarji Eżekuttivi jew Aġenti Segretarji Eżekuttivi li għandhom il-kwalifiki neċessarji sabiex jagħmlu dan ix-xogħol skont il-liġi u cioè skont Artiklu 3 tal-Leġislazzjoni Sussidjarja 363.20 sub artikli a, b u ċ? Jista' jagħti lista tas-Segretarji Eżekuttivi u Aġenti Segretarji Eżekuttivi li m'għandhomx dawn il-kwalifiki u li huma impjegati grazzi għall-proviso ta' Artikolu 3 ta L.S. 363.20?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-kriterji tar-regolamenti ma japplikawx peress li wara r-riforma fl-Att dwar il-Kunsilli Lokali, liema riforma għaddiet unanimament minn dan il-Parlament, Artiklu 49 kien emendat u sar jgħid li:- 49. (1) Kull Kunsill għandu jkollu Segretarju Eżekuttiv. (2) Il-ħatra tas-Segretarju Eżekuttiv għandha ssir mill-Kunsill wara li tkun inkisbet l-approvazzjoni tal-Ministru, liema nomina tkun saret skont is-subartikolu ta’ wara dan. (3) Is-Segretarju Eżekuttiv għandu jkun uffiċjal mis-servizz pubbliku magħżul minn pool ta’ persuni għal dan il-għan. Il-kwalifiċi tar-Regolamenti tar-Riżsorsi Umani (323.20) ma japplikawx billi s-Segretarju Eżekuttiv irid ikun “uffiċċjal mis-servizz pubbliku”. Infurmat li d-Dipartiment għall-Gvern Lokali ħejja abbozz aġġornat tar-Regolamenti tar-Riżorsi Umani li għadejjin fi proċess ta’ konsultazzjoni mal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali sabiex joħorġu regolamenti ġodda dwar ir-riżorsi umani fil-Kumitati Reġjonali u fil-Kunsilli Lokali.

Segretarji Eżekuttivi — età ta' irtirar - kuntratt imġedded

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista sal-aħħar ta' April 2012 ta' dawk is-Segretarji Eżekuttivi li diġà laħqu l-età ta' irtirar u l-kuntratt tagħhom qiegħed jiġi mġedded? Fuq liema kriterji qiegħed isir dan?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi s-Segretarji Ezekuttivi li laħqu l-eta tal-pensjoni imma għadhom fil-kariga huma s-segwenti:- Joseph Mary Formosa - Gudja Local Council Alfred Buhagiar - Lija Local Council Philip Borg - Mosta Local Council Infurmat ukoll illi s-Segretarji Eżekuttivi li għalqu l-61 sena baqgħu fil-kariga sakemm il-kunsilli lokali tagħhom iwettqu l-proċess tal-għażla tas-segretarju eżekuttiv ġdid.

Kunsilli Lokali — Aġenti Segretarji Eżekuttivi

Question

Jista' l-Ministru jagħti l-kriterji li qed jiġu użati biex jintagħżlu l-aġenti segretarji eżekuttivi fil-kunsilli lokali?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma lill- Onorevoli Interpellant illi l-għażla ta’ Segretarju Eżekuttiv hija f’idejn il-kunsill lokali li jagħmel dan skont Linji Gwida maħruġa mid-Dipartiment għall-Gvern Lokali permezz ta’ Memo 4/2012. Jekk il-kunsill lokali ma jasalx għall-għażla, id-Dipartiment għall-Gvern Lokali jaħtar Aġent Segretarju Eżekuttiv sabiex il-kunsill lokali jkun jista’ jkompli jiffunzjona skont il-Liġi.

Kunsill Lokali ta' Birkirkara — quaterly accounts

Question

Jista' l-Ministru jagħti l-figura li biha l-Kunsill Lokali ta' Birkirkara għalaq is-sena 2011? Jista' jgħid jekk hux qed isiru l-quaterly accounts?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara għalaq is-sena 2011 b’deficit ta’ € 742,960. Infurmat ukoll li l-quarterly reports jintbgħatu kull tliet xhur.

trabi mweldin f'Malta

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' trabi li ġew reġistrati f'Malta matul l-2011, u fl-ewwel tliet xhur ta' din is-sena? Kemm minn dawn it-trabi hekk reġistrati ma kenux ulied ta' ġenituri Maltin? Kemm kienu wlied ta' almenu ġenitur wieħed li hu barrani, u kemm kienu ulied ta' ġenituri t-tnejn mhux Maltin?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi t-tabella t'hawn tindika n-numru ta' twelid reġistrati minn ġenituri jew ġenitur wieħed imwield/a barra minn Malta. Sena Total Ghas-sena Minn Genituri Imwielda Barra Minn Genitur Wiehed Imwield/a Barra 2011 5,571 234 1,806 2012 (Jannar sa Marzu) 1,503 30 542

Qawra — rapporti fl-għassa

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' każijiet li ġew rappurtati fl-għassa tal-Qawra għal dak li kien jikkonċerna storbju fl-inħawi ta' San Pawl il-Baħar, Buġibba u l-Qawra matul l-aħħar sitt xhur tal-2011, u matul l-ewwel tliet xhur ta'din is-sena? Kemm minn dawn ir-rapporti kienu jikkonċernaw storbju minn postijiet ta' divertiment?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi bejn Lulju tas-sena l-oħra sal-aħħar ta’ Marzu ta’ din is-sena, l-Pulizija kellha 49 rapport dwar xi forma ta’ storbju fl-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar, Buġibba u l-Qawra. Minn dawn 9 kienu jikkonċernaw rapporti dwar mużika għolja minn postijiet ta’ divertiment.