Jista' l-Ministu jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jidħlu ħaddiema mal-Protezzjoni Ċivili? Jista' jgħid jekk dawk li jaħdmu bħal voluntiera hux se jkollhom prijorità jekk se jiftħu applikazzjoni? Meta se jiftħu? Kemm se jidħlu ħaddiema?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat li minn żmien għall-ieħor issir evalwazzjoni ta’ kemm ikun il-bżonn li jidħlu ħaddiema mal-Protezzjoni Ċivili skont prattiċi tas-Servizz Publiku. Meta tkun tinħass il-ħtieġa li jidħlu impjegati ġodda din isir permezz ta’ kriterji li joħorġu mal-istess sejħa għall-impjieg biex jiġi żgurat li r-rekluti l-ġodda jissodisfaw il-ħtiġijiet tad-Dipartiment kif ukoll il-proċeduri bażiċi applikabbli li jirregolaw dawn is-sejħiet.
Bħalissa id-Dipartiment għaddej minn proċess ta’ selezzjoni għall-kariga ta’ Deputat Direttur tal-Protezzjoni Ċivili.
Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern — informazzjoni dwar l-impjegati
Question
Jista' l-Ministru jagħti rendikont ta' kemm daħlu impjegati fid-dipartimenti u l-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu, f'liema rwoli u b'liema salarji mill-2004 sal-lum? Jista' jgħid jekk humiex Maltin jew barranin? Jista' jgħid minn liema lokalitajiet ġejjin? Għall-istess perjodu, jista' jgħid kemm irtiraw, irriżenjaw u tkeċċew nies mill-istess dipartimenti u entitajiet?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid fil-preżent kemm hemm persuni li mietu u l-awtortajiet għadhom ma awtorizzawx id-difna tagħhom? Min huma? Meta mietu? Għaliex ma ġietx awtorizzata d-difna tagħhom?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi hemm persuna waħda li l-mewt tagħha kienet soġġett għall-inkjesta mill-Maġistrat tal-Għassa li għadha ma ġietx midfuna. Dan huwa persuna ta’ nazzjonalità barranija li kien miet nhar is-16 ta’ April 2011. Id-difna għadha ma saritx minħabba li l-inkjesta għadha mhix konkluża.
Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern — Xogħlijiet b'risq persuni b'diżabilità
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'ħidma u xogħlijiet saru b'riżq persuni b'diżabilità mill-Ministeru tiegħu f'kull uffiċċju u dipartiment li jaqa' taħt id-dekasteru tiegħu f'din l-aħħar sena?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi bħala ħidma u xogħlijiet li saru f'din l-aħħar sena b'risq persuni b'diżabilità, saret rampa fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija sabiex ittejjeb l-aċċessibilità għall-uffiċċju tal-Kondotta.
Infurmat ukoll illi fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin ġew organizzati car wash days b'risq il-Community Chest Fund kif ukoll b'risq l-Inspire. Saru wkoll ġabriet mill-priġunieri u mill-uffiċjali tal-Faċilità għall-Istrina.
B'referenza għas-sentenza kostituzzjonali li ngħatat nhar il-Ġimgha 30 ta' Settembru, 2011 li permezz tagħha ġie ddikjarat li provvidimenti dwar l-arbitraġġ sforzat jew aħjar compulsory arbitration huma bi ksur tal-Kostituzzjoni u tal-Konvenzjoni Ewropea, jista' l-Ministru jgħarraf lil din il-Kamra x'passi se jieħu biex il-mijiet ta' proċeduri li se jiġu affettwati kemm dawk pendenti kif ukoll dawk li jridu jiġu istitwiti, ikollhom pożizzjoni legali ċara rigward il-proċedura li trid tiġi addottata?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Għandu l-ewwelnett jiġi ċċarat illi s-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali tat-30 ta’ Settembru 2011 indikata mill-Onorevoli Membru ma ddikjaratx l-arbitraġġ mandatorju in ġenerali bħala leżiv tal-Kostituzzjoni u tal-Konvenzjoni Ewropeja, iżda kienet iffukata fuq fatti partikolari li kienu jinvolvu arbitraġġ mandatorju li fih kienet involuta korporazzjoni pubblika.
L-imsemmija sentenza għadha fit-terminu fejn tista’ tintalab ir-ritrattazzjoni tagħha u għalhekk, ukoll in vista tal-fatt illi dik is-sentenza tidher li tikkonfliġġi xi ftit ma sentenza preċedenti tal-Qorti Kostituzzjonali u ma' deċizjoni tal-Qorti Ewropeja dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fuq talbiet li jinvolvu l-kompatibilità mal-Konvenzjoni Ewropeja tal-arbitraġġ mandatorju f’ Malta, il-Gvern jidhirlu li jista’ ma jkunx għaqli f’dan l-istadju li jieħu xi passi dwar l-44 każ ta’ arbitraġġ simili qabel ma s-sitwazzjoni legali preżenti tkun iċċarata b’mod finali.
Naturalment il-Gvern jibqa’ dejjem isegwi din is-sitwazzjoni kif tiżvolġi minn żmien għal żmien u jqis il-għaqal ta’ intervent skont kif ikun il-każ.
Billi f'Imdina Road, Ħal Qormi kull filgħodu qed ikun hemm konfużjoni sħiħa ta' traffiku prinċiparjament minħabba li t-traffiku jibda jingħalaq għal one lane, jew minħabba vetturi pparkjati, jew minħabba l-fatt li jkun hemm vetturi li jkunu ġejjin minn toroq sekondarji, jista' l-Ministru jara li jittieħdu passi biex ikun hemm pulizija bin-mutur li jinżlu u jitilgħu f'dawn l-inħawi biex possibiliment jitnaqqsu l-inkonvenjenti għal dawk kollha li jgħaddu minn dawn l-inħawi?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi matul il-ħin tar-rush hour ta’ filgħodu, diġà qed ikun hemm pulizija tat-traffiku li jagħmel ronda bil-mutur kemm fit-triq imsemmija kif ukoll fit-toroq tal-viċin sabiex jissorvelja l-andament tat-traffiku fl-akkwati u jintervjeni skont il-ħtieġa sabiex kemm jista' jkun titnaqqas il-konġestjoni tal-traffiku.
Ministeru tal-Gustizzja u l-Intern — spazji tal-bjut tal-binjiet
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il metru kwadru ta' spazju għandu l-gvern fid-dipartimenti/agenziji/awtoritajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru, fil-bjut tal-binja tiegħu? Kemm minn dan l-ispazju f'persentaġġ għandu photovoltaic cells? X'titjib kien hemm minn sentejn u nofs 'il hawn?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi l-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern għandu 20,826.2 metri kwadri ta’ spazju fi bjut tal-binja fid-dipartimenti/aġenziji/awtoritajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu. 426.2 metri kwadri minn dan l-ispazju qed jiġi utilizzat għal photovoltaic cells li jsarrfu f’ 2.05 fil-mija tal-ispazju tal-bjut.
Fl-2009 kienu nstallati
photovoltaic cells
fuq spazju ta’ 391.25 metri kwadri fuq il-binja tal-Qorti.
Ministeru tal-Gustizzja u l-Intern — informazzjoni dwar ħaddiema
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu ħaddiema u f'liema grad huma u kemm minnhom huma abbażi ta' kuntratt u kemm minnhom huma impjegati maċ-ċivil direttament mal-Ministeru u entitajiet fid-dikasteru tiegħu matul l-ewwel disa' xhur tas-sena 2011?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid mis-sena 2009 sal-lum kemm hemm persuni li ġew mitluba jiffirmaw dik l-imsejħa bħala immigration notice fejn jiddikjaraw li kienu fil-gżejjer Maltin illegalment?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi bejn Jannar tal-2009 sal-aħħar ta' Settembru 2011, inħarġu 920 immigration notice.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew persuni Malta (minn xi pajjiżi li mhux fiż-Żona Schengen) li nżammu milli jidħlu Malta?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi matul l-ewwel disa’ xhur ta din is-sena, kien hemm 71 persuna li kienu wasslu Malta minn xi pajjiżi barra miż-żona Schengen u nżammu milli jidħlu Malta.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-kċina li ġiet armata fil-ħabs tinfetaħ biss ftit drabi matul is-sena u m'hemmx programm kontinwu relatat magħha?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi fil-Faċilità hemm żewġ kċejjen, dik prinċipali, li tkun dejjem miftuħa, fejn jiġi ppreparat l-ikel tal-priġunieri u oħra żgħira li qiegħdha fil-binja tal-YOURS. Din tal-aħħar ġiet armata mill-fondi tal-Unjoni Ewropea sabiex ikunu jistgħu isiru korsijiet imtella minn żmien għal żmien mill-Istitut tat-Turiżmu bħal ma huma food handling, food preparation u oħrajn. Infurmat ukoll illi din il-kċina tinfetaħ kontinwament waqt li jkunu għaddejjin il-korsijiet skont l-iskeda ta' programmi tal-Istitut tat-Turiżmu bil-għan li priġunieri li jattendu u jispiċċaw dawn il-korsijiet b’suċċess jingħataw ċertifikat mill-istess ITS. Din il-kċina isservi ukoll għal attivitajiet oħra li jinvolvu tisjir u preparazzjoni ta’ ikel jew ħelu tradizzjonali li l-priġunieri jagħmlu minn żmien għal żmien bħalma huma figolli jew kejkijiet tal-Milied b'risq il-Community Chest Fund.
Peress li dalwaqt jgħaddu tliet snin minn meta għaddiet il-Ligi tal-Liberta’ tal-Informazzjoni mill-Parlament, u ħames xhur minn meta ngħatat it-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 25002, fejn intqal li għadhom għaddejjin proċessi amministrattivi u taħriġ għall-implimentazzjoni tagħha, jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal dan il-proċess u x’qed ikompli jżomm lill-Gvern Malti milli jġib fis-seħħ il-leġislazzjoni sħiħa?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Interpellanza Numru 26239 u ngħarrfu li l-proċess ta’ preparazzjoni għad-dħul fis-seħħ tal-liġi għadu għaddej.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 27339, jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta’ reati twettqu s-sena l-oħra mill-589 persuna li weħlu l-ħabs?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi fost ir-reati li kienu wettqu dawk il-persuni li weħħlu sentenza ta’ ħabs matul is-sena l-oħra, kien hemm serq; frodi; droga; theddid; nuqqas ta’ ħlas ta’ manteniment; offiżi relatati ma' immigrazzjoni; korruzzjoni ta’ minorenni; stupru; offiża fuq il-persuna; omiċidju; prostituzzjoni; ħarba minn post ta’ kustodja; riċettazzjoni; ħsara volontarja; traffikar ta’ persuni; arrest illegali; pussess ta’ arma tan-nar; ħruq volontarju; korruzzjoni; evażjoni ta’ dazju; xhieda falza; ħasil ta’ flus; ksur tal-kondizzjonijiet tal-liberta' provissorja; ksur tal-kondizzjonijiet tal-liberta' kondizzjonata u ksur ta’ sentenza sospiża.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-kawżi li diġà ġew assenjati u li qegħdin jinstemgħu mill-Ġudikatur sedenti fit-Tribunal għal Talbiet Żgħar (Għawdex) u li fihom sema’ l-provi u jinsabu maturati għas-sentenza, humiex se jibqgħu jinstemgħu u jiġu deċiżi mill-istess Ġudikatur wara t-23 ta’ Ottubru 2011, meta jiskadilu ż-żmien, jew hux se jismagħhom u jiddeċidihom ġudikatur ieħor ?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi mat-tmiem tat-terminu tal-Ġudikant attwali jiġi maħtur ieħor ai termini tal-Liġi.
Peress li f’parti mill-mistoqsija parlamentari 26114 ingħad hekk : "Għandu jingħad li għal żmien twil fil-Korp kienu jeżistu xiftijiet varji b’sigħat ta’ xogħol differenti u huwa fatt magħruf li kien hemm interess mill-maġġoranza tal-membri tal-Korp biex, kemm jista’ jkun, jiġu assenjati biex jaħdmu b’xiftijiet (bħaltal-24 jew 12-il siegħa) li kienu jitolbu numru aktar ta’ siegħat xogħol fil-ġimgħa, u li għalhekk kienu jagħtu lok għall-ħlasijiet akbar fir-rigward ta’ siegħat maħduma fil-Ħdud u Festi Pubbliċi li kienu ġew intitolati għalihom għall-ewwel darba fl-1993 u dan kif dettaljament spjegat fiċ-Ċirkolari interna 63/93 li qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra." Jista' l-Minsitru jgħid:
a) Kemm kien hemm membri tal-Korp tal-Pulizija li għamlu talba formali għal dawn it-tip ta’ shifts (bħal tal-24 jew 12-il siegħa) kif ta t-tweġibu tiegħu l-Ministru?
b) Kemm ġew approvati talbiet formali sabiex jaħdmu dawn it-tip ta’ shifts (bħal tal-24 jew 12-il siegħa), u kemm ġew rifjutati talbiet bħal dawn?
ċ) Peress li l-Korp għandu record ta’ kemm ħadmu pulizija b’dawn it-tip ta’ shifts, jista’ jagħti dettalji ta’ kemm kien hemm pulizija jaħdmu dawn it-tip ta’ shift b’sena b’sena mis-sena 1993?
d) Kemm kien l-ammont ta’ siegħat b’dawn it-tip ta’ shifts fil-ġimgħa?
e) Kemm tħallsu ta’ siegħat żejda li ħadmu aktar minn 46 siegħa fil-ġimgħa b’dawn ix-shifts (bħal tal-24 jew 12-il siegħa) meta tiġi mnaqqsa l-allowance tal-Ħdud u l-festi pubbliċi?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi it-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant mhux qiegħed fuq sistema kompjuterizzata. Il-kumpilazzjoni tal-informazzjoni biex tiġi mwieġba fid-dettall kollu mitlub f'din id-domanda tinħtieġ eżerċizzju elaborat ta’ ricerka dwar kull membru li serva fil-Korp tal-Pulizija mill-1993 sallum.
Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern — impjieg ta' persuni b'diżabilità
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati persuni b’diżabilità f’dawn l-aħħar sitt xhur mill-ministeru u mid-dipartimenti u enitajiet kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi ma jirriżultax li f'dawn l-aħħar sitt xhur ġew impjegati persuni b'diżabilità.
Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern — nefqa fuq safar
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa għas-safar matul l-ewwel disa' xhur tas-sena 2011 li saru mill-Ministeru, entitajiet u dekasteri eċċ. li jaqgħu taħtu?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi n-nefqa għas-safar matul l-ewwel disa' xhur ta' din sena mill-Ministeru, dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħtu kienet tammonta għal €408,742.81. Infurmat ukoll, iżda, illi dan l-ammont ma jirriflettix it-total finali għaliex jinkludi spejjeż marbuta ma’ numru ta’ vjaġġi bl-ajru li normalment huma koperti mill-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa u li allura għad iridu jiġu mogħtija lura u mnaqqsa.
Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern — Below the line account
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien il-below the line account f'kull l-aħħar tax-xahar matul l-2011 fid-dekasteru tiegħu? Jista jgħid kif qed jintużaw l-fondi li qegħdin fil-below the line account?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 28736, filwaqt li napprezza li x-xogħol tal-Qorti hu amministrat mill-istess Qorti, jista' l-Ministru jagħti tagħrif kif jiġi assigurat li ma jiġux milqugħa talbiet ta' sekwestru fuq persuni li lanqas biss ikollhom x'jaqsmu mal-każ, għaliex dan iġib miegħu problemi u spejjeż żejda għall-persuni li jistgħu jkunu innoċenti mill-pretensjonijiet imressqa kontrihom?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
B’referenza għad-domanda tal-Onorevoli Membru huwa dover u responsabbiltà tal-persuna li titlob il-ħruġ ta’ tali mandat li tassigura li l-informazzjoni li tagħti tkun konformi ma' dak previst fl-Art. 376 tal-Kap 12. Inoltre, jekk jintalab il-ħruġ ta’ mandat fil-konfront ta’ persuna żbaljata, din tal-aħħar dejjem tista’ tirrikori għall-Qorti għar-rimedji skont il-Liġi.