Legislature:
Category:
Reset
Active:

MEPA — applikazzjoni għal żviluppi fil-lokalità tal-11-il distrett

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema mill-kunsilli lokali tal-11-il distrett għandhom pendenti quddiem l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar applikazzjonijiet għal żviluppi fil-lokalitajiet rispettivi tagħhom? Fil-każ tal-kunsilli li għandhom applikazzjonijiet pendenti x'inhuma l-iżviluppi li għandhom proposti u li għadhom pendenti quddiem l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar?

Response (MARCO, MARIO DE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għandha quddiema applikazzjoni waħda pendenti fejn l-applikant huwa wieħed mill-Kunsilli lokali li jaqgħu taħt il-ħdax -il distrett. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bid-dettalji mitluba. Din l-informazzjoni nġabret mis-sistema tal-informatika ta' l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar fejn ġew mfittxija applikazzjonijiet pendenti li fl-isem jew l-indirizz ta' l-applikant hemm xi waħda mill-kliem: • Kunsill • Council • Local • Lokali u li huma mill-Kunsilli ta' Ħ'Attard, Ħal Balzan u l-Mosta.

MEPA — applikazzjoni għal żviluppi fil-lokalità tas-7 distrett

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema mill-kunsilli lokali tas-7 distrett għandhom pendenti quddiem l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar applikazzjonijiet għal żviluppi fil-lokalitajiet rispettivi tagħhom? Fil-każ tal-kunsilli li għandhom applikazzjonijiet pendenti x'inhuma l-iżviluppi li għandhom proposti u li għadhom pendenti quddiem l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar?

Response (MARCO, MARIO DE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għandha quddiema applikazzjoni waħda pendenti fejn l-applikant huwa wieħed mill-Kunsilli lokali li jaqgħu taħt is-seba' distrett. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bid-dettalji mitluba. Din l-informazzjoni nġabret mis-sistema tal-informatika ta' l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar fejn ġew mfittxija applikazzjonijiet pendenti li fl-isem jew l-indirizz ta' l-applikant hemm xi waħda mill-kliem: • Kunsill • Council • Local • Lokali u li huma mill-Kunsilli ta' l-Imdina, Ħaż-Żebbuġ, Ħad-Dingli, l-Imġarr, l-Imtarfa u r-Rabat.

Ministeru għat-Turiżmu, l-Ambjent u l-Kultura — infiq fuq fuel

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa globali ta' flus għall-fuel/petrol/diesel li jintuża mill-Ministeru matul l-ewwel għaxar xhur tas-sena 2012? Jista' jipprovdi informazzjoni separata għal dik li hija l-istess ċifra għad-dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħtu?

Response (MARCO, MARIO DE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.

ħruġ ta' liċenzja

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li l-liċenzja maħruġa mill-Malta Tourism Authority fuq il-post li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament u jekk l-istess licenzja wara li twaqqa' l-bini, għadhux jibqa' fuq isem il-licencee li dejjem kellu l-liċenzja fuq ismu u aktar u aktar meta hemm kemm avvjament u kemm l-għamara fih?

Response (MARCO, MARIO DE)

Infurmat illi l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu qiegħda preżentament tevalwa l-każ biex kemm jista’ jkun malajr tkun tista tiddeċiedi jekk għandhiex toħroġ liċenzja u fuq min.

MEPA — applikazzjoni għal żviluppi fil-lokalità tat-12-il distrett

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema mill-kunsilli lokali tat-12-il distrett għandhom pendenti quddiem l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar applikazzjonijiet għal żviluppi fil-lokalitajiet rispettivi tagħhom? Fil-każ tal-kunsilli li għandhom applikazzjonijiet pendenti x'inhuma l-iżviluppi li għandhom proposti u li għadhom pendenti quddiem l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar?

Response (MARCO, MARIO DE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għandha quddiema sitt applikazzjonijiet pendenti fejn l-applikant huwa wieħed mill-Kunsilli lokali li jaqgħu taħt it-tnax il-distrett. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bid-dettalji mitluba. Din l-informazzjoni ngabret mis-sistema tal-informatika ta' l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar fejn ġew mfittxija applikazzjonijiet pendenti li fl-isem jew l-indirizz ta' l-applikant hemm xi waħda mill-kliem • Kunsill • Council • Local • Lokali u li huma mill-Kunsilli ta' l-Mellieħa, San-Pawl il-Baħar u n-Naxxar.

Ta' Sliema — commuted parking scheme

Question

Jista' l-Ministru jgħid, minn mindu twaqqaf il-commuted parking scheme, li tħallsu minn żviluppaturi u oħrajn fuq żvilupp ġo Tas-Sliema, cioè mill-bidu sal-lum, kemm huwa t-total ta' fondi tul dan iż-żmien, kemm tnefqu ġo Tas-Sliema stess u kemm għad fadal flus f'dan il-fond? Kien hemm fondi li nġabru minn ġo żviluppi f'Tas-Sliema u ġew allokati ġo lokalitajiet oħra?

Response (MARCO, MARIO DE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bid-dettalji mitluba.

MEPA — guidelines għaż-żbir tas-siġar

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar jew xi dipartiment ieħor li jaqa taħt ir-responsabilità tiegħu għandux guidelines partikulari, li jridu jiġu osservati meta ssir ż-żabra tas-siġar? Jekk iva jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' dawn il-guidelines? Jista' jagħti wkoll tagħrif dwar jekk il-kunsilli lokali humiex infurmati b'dawn l-istess guidelines li jridu jiġu osservati?

Response (MARCO, MARIO DE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-Regolamenti tal-2011 dwar il-Ħarsien tas-Siġar u l-Imsaġar, Avviż Legal 200 tal-2011, jirreferi għall-“żbir” bħala l-prattika li jinqatgħu l-friegħi bil-għan li jitneħħew il-partijiet tas-siġra li jkunu morda jew imħassra, jew biex jiġi kontrollat l-għoli jew il-ftuħ laterali, jew biex tiżdied il-produzzjoni tal-fjur jew tal-frott. Dan jeskludi forom ta' żbir li jaffetwa s-siġra jew il-forma tagħha b'mod negattiv. F'applikazzjonijiet għall-żbir ta' siġar, il-MEPA tiġbed l-attenzjoni ta' l-applikanti sabiex jiġu segwiti l-prattiċi tajbin ta' l-arborikultura, skond kif preskritt fil-liġi msemmija.

MEPA — fondi EIPP

Question

Jista' l-Ministru jagħti dettalji dwar kif intefqu €52,044 f'fondi EIPP li l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tat f'Jannar 2009 għal upgrading of lighting at Freeport to mitigate light pollution? Jista' jgħid jekk dan il-proġett tlestiex jew le u jekk le fiex wasal u x'baqa' jsir, għall-benefiċċju tar-residenti ta' Birżebbuġa/Marsaxlokk u tal-ambjent in ġenerali?

Response (MARCO, MARIO DE)

Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Santa Venera — boundary wall bejn Triq il-Karmelitani u Triq il-Ferrovija

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jinbena l-boundary wall bejn Triq il-Karmelitani f'Santa Venera kantuniera ma' Triq il-Ferrovija liema art kienet espropjata mill-gvern sabiex nisġet Triq il-Karmelitani? Huwa minnu li dan iċ-ċint kin twaqqa'? Minn min? Min hu responsabbli għal bini ta' dan il-boundary wall?

Response (MARCO, MARIO DE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorita m'għandhiex informazzjoni min kien waqqa' il-ħajt oriġinali tal-għalqa. Fir-ritratti tal-1988 li għandha l-MEPA, jidher li Triq il-Karmelitani kienet diġa` ffurmata bil-bini magħha, jiġifieri jidher li l-ħajt kien twaqqa' żmien qabel sabiex infetħet it-triq u li ġiet iffurmata sa nofs il-wisgħa tagħha skond l-liġi. In-nofs l-ieħor (tat-triq) għad irid jiġi ffurmat meta eventwalment tiġi żviluppata bil-bini l-għalqa adjaċenti u li fejn riċentament inbnew serer bil-permess PA 4401/06. Allura il-MEPA f'dan l-istadju ma tista' tobbliga lil ħadd jibni l-ħajt tat-triq pero` tesiġi li jekk għandu jsir irid jinbena skond l-linja uffiċċjali kif stabbilita fil-Pjan Lokali.

kumpanija — tender għall-esportazzjoni ta' fly ash

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema kumpanija rebħet it-tender sabiex tesports l-flyash tal-inċineratur tal-Marsa? B'liema kundizzjonijiet ħaditu u fejn qed jiġi esportat? F'liema volumi?

Response (MARCO, MARIO DE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ewwel parti tal-mistoqsija, jiġifieri "liema kumpanija rebħet it-tender sabiex tesporta l-flyash tal-inċineratur tal-Marsa?" u "b'liema kundizzjonijiet ħaditu?" trid tiġi indirizata lill-Ministru tar-Riżorsi u l-Affarjiet Rurali, minħabba li t-tender inħareġ u ġie mogħti mill-Wasteserv. Rigward id-destinazzjoni tal- flyash , skont il-permessi maħruġa mill-MEPA għall-esportazjoni skont ir-regolamenti relevanti, dan intbagħat Spanja. L-ammonti ddikjarti lill-MEPA minn Mejju ta l-2012, d-data ta' meta ġie maħruġ il-permess, sal-lum huma ekwivalenti għal madwar mija disgħa u sittin tunellata.

Landra — promozzjoni għal Malta

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 33083 u jgħid kemm ġiet tiswa l-kampanja għall-promozzjoni ta' Malta f'Harrod's ġewwa Londra? Mil-liema budget se toħroġ in-nefqa? Xi stħarriġ sar biex jiġi żgurat li dawn huma flus minfuqa tajjeb għax biha qed nolqtu lit-turisti li potenzjalment nistgħu ninteressawhom f'Malta?

Response (MARCO, MARIO DE)

L-ideja li Malta tiġi reklamata permezz ta’ Harrods ġewwa Londra bdiet mill-Kummissarju Għoli ta’ Malta fl-Ingilterra u kienet tinvolvi tlett entitajiet, li waħda minnhom kienet l-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu flimkien ma’ numru ta’ kumpaniji lokali. Il-ħanut ta’ Harrods li ilu mwaqqaf mill-1834, għandu reputazzjoni u storja kbira u hu assoċjat mal-bejgħ ta’ oġġetti ta’ kwalita’ għolja u ta’ lussu. L-istabbiliment li jinstab fil-qalba ta’ Londra hu mifrux fuq ħamest itmiem u hu stmat li 42,000 ruħ iżuru l-ħanut kuljum. Il-promozzjoni kienet tinkludi, ritratti kbar tal-aspetti ta’ Malta u Għawdex fuq il-vetrini kollha mifruxin fuq tlett toroq kif ukoll esibizzjoni ta’ arti Maltija mifruxa ma’ l-istabbiliment. Numru ta’ paġni tar-rivista ta’ Harrods kienu dedikati lil Malta. Ta’ minn igħid ukoll illi barra minn hekk il-gwida ta’ l-istabbiliment kien ukoll dedikat lil Malta. Il-karozzi tal-linja ta’ Harrods kellhom ritratti ta’ Malta u kien hemm stampi u artikli fuq Malta fuq is-sit elettroniku ta’ Harrods. Inoltre matul iż-żmien tal-promozzjoni kull min jixtri oġġett minn Harrods fuq l-irċevuta hemm riklam ta’ Għawdex fuq wara tagħha. L-MTA ikkontribwit 68,140 sterlina lejn din l- inizjattiva. Dawn il-flus ġew allokati mill- budget tal- PR ġewwa l-Ingilterra.

Ministeru għat-Turiżmu, l-Ambjent u l-Kultura — kawżi fuq awtoritajiet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 34475 u jgħid kemm kellu kawżi fil-konfront ta' awtoritajiet u/jew entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu matul dawn l-aħħar ħames snin sena b'sena?

Response (MARCO, MARIO DE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi kemm kellhom kawżi ġodda matul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena hekk kif mitlub mill-Onorevoli Interpellant, l-Awtorita' ta’ Malta għall-Ambjent u l-Ippjanar kif ukoll l-Awtorita’ tat-Turiżmu ta’ Malta. Tweġiba għall-din il-Mistoqsija kienet ingħatat ftit tax-xhur ilu f’Seduta numru 481.

Ministeru għat-Turiżmu, l-Ambjent u l-Kultura — serqiet rapportati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' serqiet ġew rapportati lill-Pulizija li saru mill-Ministeru, dipartimenti, inkluż d-dekasteru u awtoritajiet oħra li jaqgħu taħtu fl-ewwel sitt xhur tas-sena?

Response (MARCO, MARIO DE)

Ninforma lill-Onor Interpellant illi ma kienx hemm serq la fil-Ministeru tat-Turiżmu, l-Ambjent u Kultura u lanqas fl-entitajiet, organizzazzjonijiet u awtoritajiet. Għaldaqstant ma sar l-ebda rapport lill-Pulizija.

MEPA — policy fuq uprooting tas-siġar

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-policy tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar dwar il-ħarsien u l-uprooting tas-siġar u x'kordinazzjoni effettiva li ssir fil-prattika min-naħa tal-awtorità bħala regolatur tal-Ambjent mal-Awtorità għar-Riżorsi ta' Malta?

Response (MARCO, MARIO DE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħala prinċipju ġenerali, l-Awtorità tqis is-siġar bħala karatteristika li ssebbaħ u tagħni l-ambjent. Għaldaqstant, l-Awtorità ma tinkoraġġixxix il-qlugħ tagħhom jew interventi li jagħmlulhom il-ħsara, sakemm ma jkunx hemm ġustifikazzjoni valida. Fejn ma jkunx fattibbli li s-siġar jinżammu fuq il-post, l-Awtorità ġeneralment tesiġi li s-siġar xorta jkunu salvati u trapjantati għal post ieħor fil-viċinanzi. Jekk lanqas dan ma jkun possibbli, normalment jintalab it-tħawwil ta' siġar oħrajn bħala miżura kompensatorja. Kull fejn ikunu rilevanti, dawn il-kunsiderazzjonijiet jiġu fis-seħħ permezz ta' kundizzjonijiet u limitazzjonijiet fil-permess, jew inkella billi l-Awtorità tesiġi bidliet fl-intervent propost jew saħansitra tirrifjuta l-permess, skont il-merti tal-każ.

Siġġiewi — xogħol ta' embellishment f'Tal-Providenza

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 36395 li oriġinarjament saret lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali u issa ġiet riferuta lilu u jgħid għaliex ix-xogħol ta' embellishment li qed isir f'Tal-Providenza s-Siġġiewi (u li r-ritratti dwar dan qed jingħataw separatament), il-livell tal-art se tiġi mgħollija fil-livell taz-zuntier tal-kappella bil-konsegwenza li l-ilma tax-xita se jispiċċa jxaqleb fuq iz-zuntier tal-kappella?

Response (MARCO, MARIO DE)

Ix-xogħol fuq il-pavimentar qiegħed isir bħala parti mill-proġett MaltaGoesRural u li hu ko-finanzjat mill-unjoni Ewropeja taħt il-fond EAFRD. L-għan ta’ dan il-proġett hu jinħolqu numru ta’mixjiet f’żoni rurali filwaqt li qed isir xi tisbiħ ta’ postijiet ta’ interess rurali. Fil-Providenza ser issir it-triq ta’ quddiem il-knisja li kienet bl-asfalt u minflok ser issir parti bil-qawwi (hardstone) fil-parti ta’ quddiem il-kappella u bil- grass blocks fi triq li twassal sa’ din il-pjazzetta. Inbidlu wkoll xi ħitan tas-sejjieħ u ser titwaħħal għamara ta’ barra ġdida. Ninsab infurmat illi għalkemm il-livell tal-madum (qawwi) se jgħolli xi ftit il-livell tal-art, ix-xogħolijiet ser ikunu maħduma sabiex jaraw li ilma tax-xita ma jxaqlibx fuq iz-zuntier.

tniġġis fil-baħar — moniteraġġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-moniteraġġ tat-tniġġis fil-baħar isirx b'mod regolari matul ix-xhur kollha tas-sena jew inkella jsirx matul ix-xhur tas-sajf biss? X'passi jittieħdu f'każ li jirriżulta li hemm xi żona imniġġsa?

Response (MARCO, MARIO DE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ewwel parti tal-mistoqsija ġiet mwieġba fir-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 36159. Filwaqt illi l-MEPA qegħda twettaq l-programmi tal-monitoraġġ tal-ekoloġija u tal-parametri kimiċi, qed isir l-implimentazzjoni ta’ diversi miżuri li jinsabu fil-Pjan tal-immaniġjar tal-catchment tal-ilma. F’każ li jirriżulta li hemm xi żona imniġġsa minn dawk l-elementi, l-MEPA trid tinvestiga b’aktar monitoraġġ speċifikat gћal dawk il-parametri li nstabu f’livelli għoljin. Dan il-monitoraġġ investigattiv għandu jsir sa kemm is-sors tat-tniġġis jiġi jdentifikat u l-miżuri kollha possibli jittieħdu sabiex tissolva l-problema. Passi li jittieħdu fir-rigward ta’ possibilità ta’ tniġġis minn sorsi radjoattivi huwa iddeterminat u mfassal mir- Radiation Protection Board skond in-natura tal-kaz.

ilment dwar xogħol ġo barriera

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar damet tliet snin biex twaqqaf ix-xogħol li kien qed isir f’barriera ġewwa ċentru ta’ raħal? X’żamm milli jitwaqqaf ix-xogħol immedjatament hekk kif bdew jidħlu l-ilmenti lill-awtorità u ma twaqqafx anqas wara li saret protesta spontanja mill-President tal-PN u sindku tal-PN fis-Siġġiewi? Ir-residenti se jiġu kkumpensati għal dak li għaddew minnu u li għadhom jiffaċjaw? Meta se jibda l-bini fl-imsemmi sit u x’metodi se jintużaw biex din id-darba tiġi salvagwardjata s-saħħa tar-residenti? Se jkun hemm time frame ta' kemm suppost irid idum l-iżvilupp? In-numru tal-permess tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, l-isem tal-perit tax-xogħlijiet imsemmija u tas-sinku u president tal-PN qed jintbagħtu separatament.

Response (MARCO, MARIO DE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi s-sit in kwistjoni ma jikkonsistix minn barriera kif deskritt fl-interpellanza, imma minn sit kbir ta' kostruzzjoni kopert bill-permessi meħtieġa. Il-permess (PA 3277/06) jawtorizza diversi livelli ta' basement garages taħt il-livell tat-triq li allura jirrekjedu qtugħ ta' blat estensiv. Peress li l-ġebla kienet ta' kwalita' tajba ħafna, ġiet aċċettata talba sabiex din ma tintremix u li kellha tinqata' b'tali mod li terġa' tintuża. Il-permess inkluda Construction Management Plan (CMP) li rregola din il-materja. Fost affarijiet oħra, is-CMP speċifika l-qies u l-forma tal-ġebla li kellha tinqata' mill-post u l-makkinarju li kellu jintuża. Fil-fatt l-mineral kellu jinqata' fi blokki kbar u jinġarr għal post ieħor fejn kellu jkun ipproċċessat. Allura f'dak l-istadju x-xogħol tħalla jsir kif approvat. L-Awtorita` kienet tissorvelja l-operat u interveniet kemm il-darba sabiex tassigura prattiċi ta' xogħol li ma jikkawżax danni għall-pubbliku. Pero eventwalment l-iżviluppatur ċekken il-qies tal-ġebla minn blokki kbar għall-daqs ta' kantun u beda juża makkinarju differenti, kontra kif approvat fil-Construction Management Plan (CMP). F'dan l-istadju allura l-uffiċċjali tal-Infurzar tal-Awtorita` waqqfu x-xogħol f' April 2011 skont Avviż ECF 172/11. Dan l-Avviż ġie irtirat f'April, 2012 wara li kienu approvati emendi fis-CMP li issa aċċetta metodu differenti fejn il-blat kellu jitkisser bil-musmar u mhux iżjed jinqata' f' forma ta' blokki biex jerġa' jintuża. Il-permess għandu validita ta' ħames snin u jiskadi f'Diċembru tal- 2014. L-Awtorita' ma tidħolx fi drittijiet ċivili ta' kumpens bejn is-sid u terzi.

ilment dwar individwu

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li, għad li daħlu ilmenti fil-konfront tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, minħabba imġieba skorretta u illegali, dan sal-lum dejjem ġie protett u qatt ma ttieħdu passi kontra tiegħu? Jista' jgħid għalfejn l-imġieba skorretta u illegali ta' dan l-individwu, għad li huwa sigriet magħruf, dejjem ġiet aċċettata mill-awtorità? Jista' jgħid jekk dan l-individwu jgawdix xi forma ta' privileġġ minħabba li dejjem tħalla jaġixxi b'mod skorrett u illegali?

Response (MARCO, MARIO DE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-unika każ allegat lill-MEPA fil-konfront tal-uffiċċjal imsemmi, kien mgħoddi u sussegwentement investigat mill-Pulizija ftit xhur ilu. Il-Pulizija eventwalment infurmaw lill-MEPA li nvestigat bir-reqqa l-każ u ma sabet ebda raġuni biex titteħed azzjoni mill-Pulizija fuq dan l-uffiċċjal. Il-MEPA, kontra għal dak li qed tgħid il-mistoqsija, ma kellhiex allegazzjonijiet oħrajn fir-rigward ta' dan l-uffiċċjal. Jekk l-Onor. Interpellant għandu xi informazzjoni dwar "aġir skorrett u llegali", kif semma, huwa mitlub iressaq kollox lill-MEPA jew lill-Pulizija.

areas li ddaħħlu fl-iskemi tal-bini

Question

Jista' l-Ministru jagħti update dwar liema areas li ddaħħlu fl-iskemi tal-bini permezz tan-nationalization sal-lum ġew approvati mill-Ministru? B'liema mod ġew approvati? X'sar mill-areas l-oħra llum?

Response (MARCO, MARIO DE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għalhekk t-twegiba se tingħata f’xi seduta oħra.