Legislature:
Category:
Reset
Active:

In-Naxxar – Triq San Pawl – Infrastruttura Malta — xogħlijiet

Question

B'referenza għax-xogħol li qed isir minn Infrastruttura Malta fuq Triq San Pawl fin-Naxxar, jista' l-Ministru jgħid: a) meta beda x-xogħol; b) meta huwa ppjanat li jitlesta; u c) fiex jikkonsisti x-xogħol li qed isir fuq din it-triq?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-titjib fl-infrastruttura ta’ pajjiżna jinsab fuq quddiem nett tal-ħidma ta’ dan il-Gvern. Dan l-impenn qed jitwettaq permezz ta’ pjan ta’ ħidma b’investiment bla preċedent biex fis-snin li ġejjin inkomplu ntejbu l-kwalità, l-effiċjenza u s-sigurtà tal-infrastruttura tat-toroq fil-pajjiż. Dan il-pjan qed jiġi mwettaq b’mod gradwali, iżda mingħajr telf ta’ ħin, sabiex nilħqu din il-mira mill-aktar fis. Bħala parti minn dan il-pjan, Infrastructure Malta bħalissa qed twettaq ħafna proġetti biex ittejjeb is-sigurezza u s-sostenibilità tas-sistema tat-toroq ewlenin, toħloq infrastruttura ta’ kwalità u ambjent aħjar fit-toroq residenzjali f’kull lokalità u tibni mill-ġdid ukoll ħafna toroq sekondarji oħra, fosthom kilometri ta’ toroq rurali fil-kampanja. Dan l-investiment diġa qed iħalli l-frott mixtieq, b’għexieren ta’ toroq residenzjali mibnija mill-ġdid u b’ħafna proġetti ta’ titjib fit-toroq ewlenin tas-sistema tat-trasport bl-art f’pajjiżna. Is-sena li għaddiet Infrastructure Malta bniet mill-ġdid aktar minn 130 triq residenzjali f’għadd ta’ lokalitajiet differenti u bħalissa għaddejin xogħlijiet f’ħafna toroq residenzjali oħra. Hemm ikkuntrattati wkoll il-bini mill-ġdid ta’ 150 triq oħra għax-xhur li ġejjin. Infrastructure Malta qed tagħmel investiment ta’ €3.5 miljun biex tibni mill-ġdid żewġ toroq ewlenin li jgħaqqdu n-Naxxar mal-Mosta, Burmarrad, l-Iklin u Birkirkara. Dawn iż-żewġ toroq, Triq San Pawl u Triq il-Wied, jgħoddu flimkien maż-żewġ kilometri u nofs (2.5 km). Fihom hemm ħafna residenzi u f’waħda minnhom, Triq San Pawl, hemm anke żona kummerċjali ewlenija tan-Naxxar. Madankollu partijiet twal minnhom tħallew fi stat ħażin ħafna għal snin twal. F’ċertu postijiet lanqas kellhom bankini jew punti ta’ qsim pedonali. Dan minkejja li ħafna persuni jużawhom ta’ kuljum biex jivvjaġaw b’mezzi differenti bejn in-Naxxar u lokalitajiet oħra fl-inħawi. Infrastructure Malta qed tibni mill-ġdid dawn iż-żewġ toroq biex ikunu aktar siguri kemm għar-residenti, kif ukoll għal eluf ta’ persuni li ta’ kuljum jivvjaġġaw fihom. Fi Triq San Pawl, li testendi 1.3 kilometri bejn l-inħawi tat-Telgħa t’Alla u Ommu (Burmarrad) u ċ-ċentru tan-Naxxar, ix-xogħlijiet jikkonsistu f’bini ta’ bankini ġodda, żewġ punti għall-qsim pedonali ġodda (pedestrian crossings), bdil tas-servizzi taħt il-livell tat-triq għall-ilma, drenaġġ, Internet u telekomunikazzjonijiet oħra kif ukoll titjib tas-sistema ta’ lqugħ tal-ilma tax-xita. Wara se jinqala’ l-wiċċ eżistenti tat-triq, isirulha pedamenti aktar b’saħħithom u tinkesha b’saffi t’asfalt ġodda. Ix-xogħol kollu huwa mmirat li jitlesta fl-aħħar ta’ Settembru.

In-Naxxar – Triq il-Fortizza tal-Mosta – Infrastruttura Malta — xogħlijiet

Question

B'referenza għax-xogħol li qed isir minn Infrastruttura Malta fuq Triq il-Fortizza tal-Mosta fin-Naxxar, jista' l-Ministru jgħid: a) meta beda x-xogħol; b) meta huwa ppjanat li jitlesta; u c) fiex jikkonsisti x-xogħol li qed isir fuq din it-triq?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fit-triq indikata bħalissa qegħdin isiru xogħlijiet tas-sistema tad-drenaġġ minn entità oħra u wara li dawn jitlestew, imbagħad ikun jista’ jibda x-xogħol minn Infrastructure Malta.

Il-Belt – Tined ta’ żwiemel — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa sabiex jara li jsir ix-xogħol ta’ manutenzjoni fuq it-tined ta’ żwiemel tal-karrozzini li hemm madwar il-Belt?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li Transport Malta qiegħda tieħu l-passi meħtieġa sabiex jissewwew numru ta’ tined tal-karrozzini li saritilhom ħsara fuqhom xi ftit tax-xhur ilu, uħud minnhom waqt li kien għaddej ix-xogħol ta’ tiżbieħ tal-bankini madwar il-Belt. Ix-xogħol ta’ tiswija huwa mistenni li jitlesta fil-ġimgħat li ġejjin.

Deep Water Quay (Phase 2)

Question

Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar il-Proġett tad-Deep Water Quay (Phase 2) u jekk dan il-proġett hux ser jara l-bidu tiegħu matul is-sena 2020?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta twaqqfet sabiex twettaq il-pjan fit-tul tal-Gvern li pajjiżna jagħmel qabża kbira ’l quddiem fil-kwalità tal-infrastruttura ewlenija tal-pajjiż. Dan l-impenn ma jinkludix biss it-titjib tas-sistemi tat-toroq, iżda wkoll l-infrastruttura marittima fi xtutna. Fil-fatt, fil-bidu tal-2019 l-aġenzija ħadet f’idejha wkoll it-tmexxija tal-ħidma infrastrutturali li kienet twettaq Transport Malta fil-portijiet u x-xtut f’Malta u Għawdex. Fost ix-xogħlijiet li qed twettaq fil-qasam marittimu, Infrastructure Malta bħalissa għaddejja bil-proġett ta’ titjib tal-faċilitajiet tas-sajjieda Għawdxin fil-Port tal-Imġarr, bil-bini ta’ breakwater ġdid fil-Ponta tal-Qrejten Marsaxlokk, tiswijiet ta’ strutturi u bini mill-ġdid ta’ mollijiet f’Imġarr ix-Xini, Wied il-Għajn, fil-Bajja tal-Balluta u ċ-Ċirkewwa. Il-proġett tad-Deep Water Quay fil-Port il-Kbir huwa investiment importanti tal-Gvern sabiex inkomplu nsaħħu s-settur marittimu f’pajjiżna u diversi oqsma oħra relatati, fosthom dawk tal-cruise liners u tal-merkanzija. Ix-xogħol tal-ewwel fażi tal-proġett kopra nofs it-tul tal-moll fejn fost xogħlijiet oħrajn saret rikostruzzjoni ta’ din il-parti, ġew installati sistemi tal-ilma tax-xita u tad-drenaġġ, kif ukoll titjib ta’ faċilijiet oħrajn bħalma huma twaħħil ta’ mooring bollards u anke sar service culvert. It-tieni fażi se tkun qed tikkonsisti mil-istess tip ta’ xogħol fil-kumplament tal-moll. Fl-aħħar xhur ġew evalwati żewġ sejħiet għall-offerti relatati ma’ dan il-proġett, waħda għax-xogħlijiet u l-oħra għas-servizz ta’ project management. Fiż-żewġ każi, s-sejħiet għall-offerti ma ngħatawx minħabba xi nuqqasijiet li nstabu waqt l-evalwazzjoni. Għaldaqstant, f’dan l-istadju qed jiġi meqjus il-pass li jmiss sabiex ikompli l-proċess tal-akkwisti tas-servizzi meħtieġa, u x-xogħol ikun jista’ jibda meta jintemm dan il-proċess.

Tender: Establishment of a Dynamic Purchasing System for the Construction and maintenance of roads in different localities in Malta and Gozo

Question

Jista’ l-Ministru jaġġorna dwar it-tender IM005/2020 Establishment of a Dynamic Purchasing System for the Construction and maintenance of roads in different localities in Malta and Gozo u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-bidders (kuntratturi) li ssotomettew għal din it-tender? Jista’ jgħid ukoll x'toroq saru jew qed isiru permezz ta' din it-tender ġewwa Għawdex u Malta u x'toroq hemm ippjanati li jsiru permezz ta' din it-tender fil-ġimgħat li ġejjin ġewwa Għawdex u Malta?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi it-tagħrif mitlub fuq il-Mejda tal-Kamra.

Riforma f’entitajiet governattivi li jirregolaw l-industrija tal-bini

Question

Jista’ l-Ministru jispjega lill-Parlament f’liema stadju waslet ir-riforma fl-entitajiet governattivi li jirregolaw l-industrija tal-bini f’Malta? Jista’ jagħti data dwar meta din ser titlesta?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul dawn l-aħħar xhur twaqqfet l-Aġenzija għall-Bini u Kostruzzjoni, liema Aġenzija għaddejja bil-ħidma tagħha sabiex twassal għat-twaqqif tal-Awtorita’ għall-Bini u Kostruzzjoni. Fost ix-xoghol li qed isir hemm sabiex isiru regolamenti għall-liċenzjar tal-kuntratturi, regolament dwar l-obligazzjonijiet tal-istakeholders li jaħdmu fis-settur, kif ukoll National Building Code. Il-pjan hu li dan kollu jitlesta sa mhux aktar tard mill-aħħar tas-sena 2020.

Infrastructure Malta – proġetti infrastrutturali Marittimi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi proġetti infrastrutturali Marittimi qed tagħmel Infrastructure Malta fil-preżent fin-naħa ta' isfel ta' Malta u li mhumiex iffinanzjati mill-Unjoni Ewropea? Jista' jgħid fiex jikkonsistu dawn il-proġetti u f’liema lokalità jinsabu? Jista' jgħid kemm huma stmati li ser jiġu jiswew, u liema minn dawn ħarġu t-tenders għalihom u ġew awarded biex isiru x-xogħlijiet u kemm minn dawn ix-xogħlijiet ingħataw permezz ta' direct order u lil liema kuntrattur ingħataw?

Response (BORG, IAN)

Infrastructure Malta twaqqfet sabiex twettaq il-pjan fit-tul tal-Gvern li pajjiżna jagħmel qabża kbira ’l quddiem fil-kwalità tal-infrastruttura ewlenija tal-pajjiż. Dan l-impenn ma jinkludix biss it-titjib tas-sistemi tat-toroq, iżda wkoll l-infrastruttura marittima fi xtutna. Fil-fatt, fil-bidu tal-2019 l-aġenzija ħadet f’idejha wkoll it-tmexxija tal-ħidma infrastrutturali li kienet twettaq Transport Malta fil-portijiet u x-xtut f’Malta u Għawdex. Ninforma l-Onor. Interpellant li t-tagħrif mitlub qed jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.

Infrastructure Malta – xogħlijiet tat-toroq mill-kuntratturi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-kuntratturi li jagħmlu xogħol tat-toroq għall-aġenzija Infrastructure Malta humiex qed jingħataw Pre-Finance qabel jibdew jaħdmu fuq il-proġetti partikolari ta' toroq u jekk iva kemm qed ikun l-ammont ta' pre-financing li qed jingħata?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kuntratti li jipprovdu għal pre-financing jkunu kuntratti ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea u dan ikun indikat fuq id-dokument tas-sejħa għall-offerti. Il-pre-financing fuq kuntratti ta’ xogħlijiet tat-toroq jitla’ sa massimu ta’ 20%.

Għawdex – Infrastructure Malta – toroq ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'toroq ġodda nbnew kif ukoll liema kienu t-toroq l-oħra li saritilhom manutenzjoni estensiva fihom ġewwa Għawdex minn Infrastructure Malta mill-bidu ta' din is-sena sal-lum?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jitlob l-informazzjoni meħtiega lill-Ministeru kkonċernat.

Xagħra Għawdex – proġett ta’ Park tal-familja

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 14510, jista’ l-Ministru jinforma lill-Parlament fiex jikkonsistu l-verifiki msemmija u meta hu maħsub li dawn il-verifiki jitlestew?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-verifiki tlestew u l-Awtorità tista’ tipproċedi bil-kunsens fil-jiem li ġejjin.

Dgħajsa tradizzjonali Maltija fil-Port il-Kbir – użu ta’ barklori — rilokazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni għalfejn is-servizz tal-barklori li jużaw id-dgħajsa tradizzjonali Maltija fil-Port il-Kbir ser jiġu mċaqalqa mid-Dwana l-Qadima u hemm il-possibilità li jintbagħtu l-isfel mill-ferries, meta il-post fih innifsu hu parti mill-folklor tal-istess dgħajsa? Ma jaħsibx li jekk ser jiġri hekk, hemm ċans li dan it-trasport tradizzjonali ser ikun mhedded minħabba li l-aċċessibilità bl-użu tal-lift tal-barrakka, hu l-ewwel art?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li ma hemm l-ebda intenzjoni biex tiġi mhedda l-folkor tad-dgħajsa tradizzjonali. Il-Barklora landing place ser ikun qed jiġi relokat viċin il-Barriera għal raġunijiet ta’ saħħa u sigurta minħabba li viċin jintrabtu l-cruise liners. Infurmat ukoll li biex ser ikun qed issir dan sar fthemin u kien hemm qbiel bejn l-imsieħba kollha. Ġaladarba x-xogħolijiet f’Pinto 4/5 - Lascaris jitlestew u l-faċilita’ l-ġdida tkun bdiet toppera ser ikun qed tiġi stabbilieta żona sigura u permanenti kemm għal barklora kif ukoll għal ferries.

Lift tal-barrakka — ħlas

Question

Peress li d-dgħajsa Maltija li sservi fil-Port il-Kbir mill-barklori tista’ tkun mhedda, u l-miżura ta’ traġiet b’xejn mill-ferry wara s-sitta ta’ filgħaxija bejn il-Belt u l-Kottonera hija tajba, għaldaqstant jista’ l-Ministru jgħid x’qed iżomm biex il-lift tal-barrakka jkun b’xejn ukoll, bħalma hu s-servizz tal-ferry?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jitlob l-informazzjoni meħtieġa lill-Ministeru kkonċernat.

Torri tal-Qbajjar — xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'għamlet fl-aħħar sena l-Awtorità tal-Artijiet dwar it-Torri tal-Qbajjar f'Marsalforn, Għawdex liema fortifikazzjoni storika tinsab fi stat ħażin ħafna? X'beħsiebha tagħmel l-Awtorità biex tassigura li dan is-sit ma jiġġarrafx u jispiċċa darba għal dejjem? Għaliex l-Awtorità qed tkaxkar saqajha fuq dan is-sit storiku?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din id-domanda għandha ssir lill-Ministeru kkonċernat, f'dan il-każ, il-Ministeru għal Għawdex.

Infrastructure Malta — vacancies

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm vacancies f’Infrastructure Malta f’din l-aħħar sena, liema kienu (għal liema post) u jekk kinux posts li diġà kienu jeżistu? F’kull każ, kemm kien hemm kandidati u x’kien il-proċess tal-għażla għal kull post (jekk hux b'interview jew b'għażla diretta)?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kull meta jkun hemm vakanza biex jiġu ngaġġati ħaddiema ġodda, Infrastructure Malta ssegwi proċess ta’ ngaġġ skont il-liġi. Għaldaqstant, l-ewwel tinħareġ sejħa interna fi ħdan l-aġenzija stess. Jekk il-post vakant jibqa’ ma jimteliex internament, il-vakanza mbagħad tgħaddi għand l-Engineering Resources Limited, ir-Resource Support and Services Limited, u sussegwentement għand Jobsplus. Matul din is-sena kien hemm sitt vakanzi minn Infrastructure Malta li minnhom imtlew erbgħa minn persuni li kollha ġew ingaġġati permezz ta’ Jobsplus u permezz ta’ intervista. Dawn kienu tlieta għall-kariga ta’ Co-ordination & Implementation Manager (pożizzjoni ġdida) li għalihom applikaw ħames kandidati kollha studenti li kien għadhom kemm temmew l-istduju tagħhom l-MCAST u minnhom intgħażlu tlieta. Żewġ vakanzi oħra kienu għal Quantity Surveyor (pożizzjoni li diġà kienet teżisti) u għalihom kien hemm ħames kandidati li ma ntgħażel ħadd minnhom. Kien hemm ukoll vakanza għal Project Implementation Manager (pożizzjoni ġdida) li għaliha ntgħażel l-uniku applikant li kien hemm, dejjem wara intervista.

Transport Malta – Ħal Farruġ — Triq Luqa – bus stop

Question

Jista' l-Ministru jitlob lil Transport Malta sabiex terġa’ tinstalla l-bus stop li kien jinsab fi Triq Luqa, Ħal Farruġ direzzjoni minn Ħal Luqa għal Ħal Qormi, hekk kif kien tneħħa fit-twessiegħ tat-triq li kien sar dan l-aħħar?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li ttieħdet nota ta’ din it-talba mill-Awtorità tat-Trasport, liema talba sa tkun qiegħda tiġi evaluata fil-jiem li ġejjin.

Triq mir-Rabat għall-Mosta — xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk għadux għaddej ix-xogħol fit-triq mir-Rabat għall-Mosta? Jekk għadu għaddej dan ix-xogħol, jista’ l-Ministru jgħid meta hu pproġettat it-tmiem ta ’dan ix-xogħol?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jindika liema hija t-triq li qed jirreferi għaliha.

Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali — flus mogħtija għall-programm Għajta Waħda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm flus taw l-entitajiet kollha, inkluż Dipartimenti, Aġenziji, Awtoritajiet eċċ, li jaqgħu taħtu għall-programm Għajta Waħda imxandar fuq TVM sabiex jinġabru fondi għal-Community Chest Fund, u dan sad-data li tkun imwieġba din l-interpellanza?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skond ir-records fi ħdan il-Ministeru tat-Trasport, Infrastruttura u Progetti Kapitali u l-entitajiet kollha, qed nikkonferma li ma ġie pproċċessat l-ebda pagament għall-programm Għajta Waħda, imxandar fuq TVM sabiex jinġabru fondi għall-Community Chest Fund.

Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali — Segretarjat Parlamentari għall-Artijiet u l-Kostruzzjoni - flus mogħtija għall-programm Għajta Waħda

Question

Jista’ l-Ministru permezz tas-Segretarjat Parlamentari għall-Artijiet u l-Kostruzzjoni jgħid kemm flus taw l-entitajiet kollha, inkluż Dipartimenti, Aġenziji, Awtoritajiet eċċ, li jaqgħu taħtu għall-programm Għajta Waħda imxandar fuq TVM sabiex jinġabru fondi għal-Community Chest Fund, u dan sad-data li tkun imwieġba din l-interpellanza?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 14965 tal-istess Seduta.

Dħul ta’ jottijiet privati

Question

Jista’ l-Ministru jgħidilna x’inhi l-proċedura tad-dħul għall-jottijiet privati li jirritornaw lejn Malta minn Sqallija, il-Greċja jew kwalunkwe pajjiż ieħor li għalih huwa permess l-ivvjaġġar meta jerġgħu jiftħu l-portijiet fl-ewwel ta’ Lulju?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-istess proċedura adottata qabel ittieħdu l-miżuri ta’ emerġenza u/jew prekawzjoni minħabba l-pandemija, se jibqgħu jintużaw mill-1 ta’ Lulju ’l quddiem.