Legislature:
Category:
Reset
Active:

Studji fuq il-vizzji fiż-żgħażagħ u addoloxxenti

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 21915 u ċjoè: B’referenza għall-istqarrija PR 211196 “Aktar servizzi speċjalizzati għal żgħażagħ bi problemi ta’ vizzji”, jista’ l-Ministru jgħid jekk ġewx ikkummisjonati studji fuq il-vizzji fiż-żgħażagħ u l-addoloxxenti, biex kif qal il-Ministru stess, nifhmu aħjar il-gravità tas-sitwazzjoni tal-vizzji f’pajjiżna?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, kull erba’ snin isir l-istħarriġ madwar l-Ewropa propjament dwar dan is-suġġett. Qed nirreferi għall-ESPAD (European School Survey Project on Alcohol and Drugs). Malta ħadet sehem f’kull stħarriġ tal-ESPAD mindu beda fl-1995. Fil-każ ta’ Malta, għandna stampa aħjar tas-sitwazzjoni mill-bqija tal-Ewropa għax isir “ċensiment”’ taż-żgħażagħ li jattendu il-Form 5 ( jew Year 11) tal-iskola sekondarja. Fl- 2019 dan iċ-ċensiment sar fuq 3,034 żagħżagħ li kellhom bejn il-15-il sena u s-16-il sena li kienu jattendu l-iskola fil-livell sekondarju. Fiż-żmien meta issir emfasi kontinwa fuq ppjannar ta’ servizzi bbażat fuq evidenza empirika (evidence based service planning) ma jistax ikollok għodda (tool) aħjar minn dan “iċ-ċensiment” tal- ESPAD biex inkunu nafu x’inhi s-sitwazzjoni reali tal-abbuż ta’ sustanzi u behavioural addictions taż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin. Infakkar lill-Onor. Interpellanta li, r-Rapport tal-ESPAD gie ppublikat f’Novembru 2020 u li saret referenza ripetuta għalih fil-laqgħat tal-Kumitat konġunt dwar l-Affarijiet Soċjali u l-Affarijiet tal-Familja f’dawn l-aħħar ġimgħat.

Servizz Youth in Focus

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 21916 u ċjoè: B’referenza għall-istqarrija PR 211196 “Aktar servizzi speċjalizzati għal żgħażagħ bi problemi ta’ vizzji”, jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni fuq is-servizz Youth in Focus?

Response (FALZON, MICHAEL)

Nibda billi ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li fid-Direttorat Kura Alternattiva fi ħdan il-Fondazzjoni għas-Servizzi għal Ħarsien Soċjali (FSWS) hemm servizzi speċjalizzati taż-żagħżagħ li jaħdmu ma’ adoloxxenti li huma f’riskju ta’ esklużjoni socjali għal bosta raġunijiet. Għaldaqstant it-tlett mistoqijiet tal-Onor. Interpellanta, b’referenza għal din l-mistoqsija kif ukoll għal mistoqsijiet parlamentari numru 21987 u 21988, qed jiġu mwieġba permezz ta’ din ir-risposta konġunta. Is-servizzi taż-żgħażagħ fi ħdan dan id-Direttorat, huma mqassmin fuq tlett pilastri, kif ġej: Servizz Etajiet Għan partikolari Youth in Focus (YIF) . 13 sa 18-il sena Servizz speċjalizzat ma’ addoloxxenti li għandhom problema ta’ mġieba, kriminalità u vizzji. Embark for Life (E4L) . 15 sa 25 sena Servizz li jaħdem ma’ żgħażagħ vulnerabbli, li minħabba trawmiet li ġarrbu f’ħajjithom għandhom bzonn l-għajnuna sabiex isibu u / jew iżommu xogħol. Adoloscent Day Programme (ADP) - Achieve 14 sa 18-il sena Dan huwa servizz maqsum fuq tlett livelli, Bronze, Silver u Gold . Fih jattendu addoloxxenti li jsegwu dan il-programm bil-pass taghhom, u li diġa ppruvaw isegwu servizzi ġeneriċi provduti mis-sistema edukattiva mingħajr suċċess. Ngħaddi issa sabiex nagħti ħarsa iktar dettaljata ta’ kull servizz msemmi. Youth in Focus (YIF) Dan huwa servizz speċjalizzat mogħti minn tim multi-dixxiplinarju ta’ terapisti bil-għan li joffri servizz ta’ social work , counselling jew terapija liż-żgħażagħ vulnerabbli. L- Youth in Focus , permezz ta’ ħaddiema socjali, youth workers u counsellors , joffru għajnuna ħolistika lil żgħażagħ vulnerabbli tal-etajiet bejn it-tlettax u t-tmintax il-sena li għaddejjin minn diversi diffikultajiet u sitwazzjonijiet diffiċli fil-ħajja tagħħom fostħom: rabja, ostilità, ribelljoni, vandaliżmu, vjolenza, esperimentazzjoni tad-droga, kriminalità, użu eċċessiv tal-kompjuter jew logħob fost oħrajn. Wieħed jinnota li żgħażagħ li jagħlqu t-tmintax il-sena u li jkunu diġa qed jiġu segwiti mis-servizz, jibqgħu jiġu segwiti sakemm jintlħaqu l-miri ewlenin. Il-professjonisti fi ħdan il-YIF jaħdmu bis-sħiħ maz-zagħzagħ u kif ukoll il-familji tagħhom fuq bażi individwali (one-to-one) bil-parteċipazzjoni attiva tal-partijiet involuti. Xi kultant dan huwa diffiċli minħabba l-ħajja kajotika li wieħed ikun jgħix fiha, iżda huwa x-xogħol tal-ħaddiema soċjali jew tal-youth worker sabiex jippruvaw iressqu liż-żgħażagħ partikolari biex jaċċettaw l-għajnuna u l-opportunitajiet offruti mis-servizz taż-żgħażagħ. Il-ħidma mwettqa minn dawn il-professjonisti ssir dejjem fl-aħjar interess taż-żagħżugħ jew żagħżugħa benefiċjarji tas-servizz. Il-professjonisti jaħdmu id f’id mal-Aġenzija Sedqa u jingħataw taħriġ kontinwu dwar il-vizzji u l-ħidma f’dan is-settur. Permezz ta’ dan it-taħrig, flimkien mal-ħidma maż-żgħażagħ, il-professjonisti jkunu jistgħu jressquh lejn l-għajnuna meħtieġa u kif ukoll jaħdmu mal-familja sabiex tingħata għajnuna ħolistika skont il-bżonn. L-għan tas-servizz huwa li permezz tal-kollaborazzjoni bejn iż-żgħażugħ u l-professjonisti, l-inċidenza fil-kriminalità u l-vizzji jonqsu u b’hekk naraw progress fil-ħajja ta’ dawn iż- żgħażagħ. Embark for Life (E4L) It-tieni pilastru huwa dak iffukat din id-darba fuq ħiliet li żgħażagħ jistgħu jiksbu sabiex ikabbru l-għarfien tagħhom, jakkwistaw ħiliet soċjali u ħiliet oħrajn li permezz tagħhom jistgħu jidħlu fid-dinja tax-xogħol. Dan il-programm ukoll joffri liż-żgħażagħ b’opportunitajiet ta’ taħriġ u b’għajnuna tanġibbli minn tim ta’ professjonisti multi-dixxiplinarju sabiex isibu xogħol, liema xogħol ikun sostenibli u jibqgħu fl-impjieg. L-għan tas-servizz huwa li jinkoraġġixxi liż-żgħażagħ biex jipparteċipaw fi programmi edukattivi biex b’ hekk ikun iktar faċli biex isibu xogħol. Is-servizz ukoll jgħin liż-żgħażagħ biex ikunu jistgħu jgħixu b’mod iktar indipendenti fil-komunità u jitejbu l-livell tal-ħajja tagħħom. Is-servizz huwa immirat għal diversi żgħażagħ li jkunu qed jesperjenżaw diversi realtajiet bħal viżżjijiet, dinamika tal-familja (family dynamics), kwistjonijiet ta’ saħħa mentali, problemi mal-liġi, emozzjonijiet instabbli u imġieba diffiċli fost ħafna affarijiet oħra. Il-benefiċjarji tas-servizz huma ukoll offruti diversi opportunitajiet biex huma ukoll jipparteċipaw f’diversi empowerment initiatives li jorganizza s-servizz taż-żgħażagħ bil-għan li joffri opportunità fejn professjonisiti varji jaħdmu flimkien fl-aqwa interess taż-żgħażagħ tagħna. Grazzi għal din il-ħidma ż-żgħażagħ qed jibbenefikaw minn diversi opportunitajiet li permezz tagħħom qed jiksbu diversi abbiltajiet li jistgħu jagħmluhom f’pożiżżjoni li jidħlu f’impjieg sostenibbli. Adoloscent Day Programme (ADP) - Achieve It-tielet pilastru huwa dak ffukat fuq soft skills li żgħażagħ jistghu jakkwistaw fejn jaħdmu fuq il-formazzjoni taghhom nfushom. Dan il-programm, li huwa rikonoxxut mis-sistema edukattiva ta’ pajjiżna, huwa mqassam fuq tlett stadji u rikonoxxut ukoll mill- Prince’s Trust li rrikonoxxa dan il-programm bħala validu għall-programm li jsir fl-iskejjel u huwa magħruf bl-isem ta’ Achieve . Dan jagħmel l- Adoloscent Day Programme importanti ħafna speċjalment għal dawk iż- żgħażagħ li ma jkunux jistgħu jaddattaw ruħhom għas-sistema edukattiva, izda jistgħu jimxu ma’ dan il-programm skont il-pass tagħhom. Dan il-proċess jinvolvi sessjonijiet edukattivi fuq bażi formali, non-formali u informali fejn permezz tagħħom ikunu jistgħu jiskopru iktar lilhom nfusħom filwaqt li jsaħħu l-abbiltajiet soċjali tagħħom. Dan il-proċess isir permezz ta’ diversi sessjonijiet li wara li jitlestew u wara proċess ta’ riflessjonijiet li jsiru fuq profili stipulati, l-parteċipanti jakkwistaw livell ta’ O-level Standard permezz tal-programm ‘Prince’s Trust’ . L-interventi li jagħmlu l-professjonisti varji nklużi l-youth workers u s-social workers jgħinu liż-żgħażagħ parteċipanti f’dan il-programm biex ikunu mħarrġa u permezz tal-attitudni tagħħom ikunu f’pożiżzjoni aktar sigura u b’saħħitħa biex jirnexxu fil-komunità li jgħixu fiħa. Dan minkejja d-diversi sfidi li jkomplu jaffaċċjaw matul ħajjitħom. Fost ir-realtajiet li jaffaċċjaw dawn iż-żgħażagħ nsibu l-isfida (challenge) li ma jiffitjawx fis-sistema edukattiva u li allura minħabba din is-sitważżjoni l-attendenza tagħħom ma tkunx frekwenti, prostitużżjoni, problema ta’ abbuż tad-droga, problemi mal-awtoritajiet u ta’ vizzji varji. L-programm huwa maqsum fuq tliet livelli BRONZE, SILVER u GOLD u adoloxxent jista’ jsegwi dan il-programm bil-pass tiegħu.

Servizz Achieve

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 21917 u ċjoè: B’referenza għall-istqarrija PR 211196 “Aktar servizzi speċjalizzati għal żgħażagħ bi problemi ta’ vizzji”, jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni fuq is-servizz Achieve?

Response (FALZON, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta, tirreferi għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 21986.

Adolescent Day Programme

Question

Jista' l-Miniistru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 21918 u ċjoè: B’referenza għall-istqarrija PR 211196 “Aktar servizzi speċjalizzati għal żgħażagħ bi problemi ta’ vizzji”, jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni fuq is-servizz Adolescent Day Programme?

Response (FALZON, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta, tirreferi għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 21986.

Politika Nazzjonali ppubblikata

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 21913, jista' l-Ministru jgħid fiex waslet il-Politika Nazzjonali l-ġdida ta' pajjiżna tad-Droga?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċess tal-ġbir ta’ informazzjoni ħolistika mill-istakeholders kollha għadu għaddej. Għaldaqstant din it-tweġiba se tingħata aktar tard.

Kummissjoni Nazzjonali Familja

Question

Jista’ l-Ministru jindika jekk il-Kummissjoni Nazzjonali Familja għadux jiffunzjona? Jekk iva, x’inhu l-irwol tiegħu? Min huma l-membri ta’ din il-Kummissjoni?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, l-Kummissjoni imsemmija ma taqax taħt il-portofall tal-Ministeru tiegħi. Madanakollu, il-Ministeru għas-Solidarjeta’ u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Dritijiet tat-Tfal għandu taħt ir-responsabilita’ tiegħu l-Kumitat għat-Tisħiħ tal-Familja, bl-irwol primarju tiegħu ikun li jagħti pariri dwar il-politika tal-familja.

Aġenzija għas-Servizzi Terapewetiċi u fil-Komunità

Question

Jista’ l-Ministru jindika xi proġetti/inizjattivi twettqu mill-Aġenzija għas-Servizzi Terapewtiċi u fil-Komunità minn mindu twaqqfet sal-ġurnata li tkun imwieġba din il-mistoqsija sabiex jiġu megħjuna persuni vulnerabbli?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li fl-isfond tal-Politika Strateġika Nazzjonali għal Tnaqqis fil-Faqar u għal Inklużjoni Soċjali (2014-2024), l-Aġenzjia għas-Servizzi Terapewtiċi u tal-Komunità (ACTS) fi ħdan il-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS) għandha bħala għan ewlieni l-ħidma multi-dixxiplinarja fil-kommunità favur tisħiħ ta’ żvilupp soċjali ħolistiku. L-Aġenzija għandha numru ta’ Ċentri għall-Familji fil-Komunità madwar Malta, speċifikament fil-Qawra, fil-Mosta, fl-Imsida, fil-Belt Valletta, fil-Birgu, f’Sta Luċija, f’Ħal-Qormi, f’Ħal-Kirkop u f’Marsaskala*. F’Għawdex, hemm ċentri simili fix-Xewkija, Ir-Rabat u Marsalforn. Minn dawn iċ-ċentri, l-aġenzija toffri is-servizz ta’ social work u social mentoring li huma mibnija fuq il-prinċipji ta’ żvilupp tal-komunità. Hemm ukoll numru ta’ outposts fejn professjonisti jiltaqgħu mall-membri tal-komunità, darba f’ġimgħa bħall-Isla, Bormla, Ħaż-Żabbar, il-Fgura, Ħal-Safi u Birkirkara. Permezz ta’ din il-ħidma, is-servizzi jistinkaw biex jintlaħaq l-għan prinċipali li l-familji u komunitajiet ikollhom kwalità ta’ ħajja aħjar mibnija fuq is-sisien ta’ żvilupp soċjali sostenibbli. Il-qofol tal-ħidma soċjali fil-komunità jintlaħaq billi jiġu indirizzati problemi soċjali li jkunu qed itaqqlu l-ħajja ta’ tfal, familji u individwi oħra fil-komunità. Is-servizzi huma mibnija fuq filosofija iffukata fuq il-klijent fil-kuntest tal-komunità li jgħix fiha. Għaldaqstant, minn kull ċentru issir ħidma favur tisħiħ tan-networks soċjali u billi jsir użu minn servizzi u riżorsi li jeżistu fil-komunità bħala mezz effettiv kif jinstabu soluzzjonijiet li jkunu addatati għall-kommunitajiet rispettivi. Permezz tal-community development work jinbnew ukoll partnerships mar-residenti u gruppi importanti għall-komunità filwaqt li jħaddnu u jixprunaw kull opportunità mibnija fuq ġustizzja soċjali, ugwaljanza u inklużjoni. Is-servizz ta’ ħarsien soċjali mill-professjonisti isir permezz ta’ pjan ta’ kura bi qbil bejn il-partijiet nvoluti. Dan iservi bħala pjan ċar ta’ x’inhu mistenni minn kulhadd filwaqt li jpoġġi miri speċifici ta’ fejn wieħed irid jasal hekk kif ikun indikat mill-eżerċizzju tal-assesjar. Il-pjan ta’ kura jkun iffirmat kemm mill-klijent u l-professjonisti, u jkun marbut b’data ta’ tlestija. Kopja tal-pjan tingħata lill-klijent. Is-servizzi tal-Aġenzija huma mibnija fuq perspettivi innovattivi u multi-dixxiplinarji. Fejn il-bżonnijiet jirrikjedu għajnuna speċjaliżżata, issir riferuta għas-servizz konċernat. Is-social workers u l-mentors jagħmlu żjarat fid-djar, jiltaqgħu ma’ professjonisti oħra relevanti għall-każ, kif ukoll jattendu għall-case conferences skont il-bżonn. Ikun hemm drabi fejn il-klijenti jiġu akkumpanjati għal xi visti li jkunu importanti bħal sptar jew laqgħat tal-iskola. Kull servizz huwa marbut ma’ kejl tal-eżitu sistematiku (outcome measrues) li jwassal għal evalwazzjoni ta’ kemm is-servizz qed ikun effettiv u relevanti għall-familja jew klijent partikolari, kif ukoll ikun indikattivi ta’ x’hemm bżonn issir ’il quddiem.

Assessjar ta’ familji vulnerabbli: It-Tielet Distrett

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 21551, jista’ l-Ministru jindika x’tip ta’ għajnuniet ingħataw il-132 familja li ġew assessjati?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, bi tkomplija għat-tweġiba li għadni kif tajtu għall-Interpellanza preċedenti, jiġifieri Mistoqsija Numru 22003, il-familji li qed jirreferi għalihom, jirċievu programm ta’ għajnuna partikolari skont is-sitwazzjoni u l-ħtiġijiet partikolari ta’ kull familja. F’kelma waħda l-pjan ta’ kura (care plan) ikun imfassal skont il-ħtiġijiet ta’ kull familja hekk kif jirriżulta mill-assessment li jkun sar u l-outcome measures li jiġu maqbula għal kull familja.

Work Benefit – każ ta’ persuna

Question

Jista’ l-Ministru ġentilment jara għaliex il-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament li hija single mother u trabbi żewġ ulied, għadha ma ħaditx il-Work Benefit la ta’ April u qed jgħidulha li lanqas mhu se tieħu ta’ Lulju għaliex qegħdin lura u għadhom qed jinħadmu? Billi għal din is-single mother dawn il-flus ikunu ppjannati diġà x’se tħallas bihom, jista’ ġentilment jara hux possibbli li jinħadmu u jingħataw lil din il-persuna?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-persuna li d-dettalji dwarha ingħattaw b’mod separat, dalwaqt se titħallas l-In-Work Benefit dovut.

Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal — konsulenza fuq public relations jew komunikazzjoni - nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jelenka kemm intefqu flus mill-Ministeru tiegħu u kull entità u dipartiment li jaqa’ taħtu, għal konsulenza fuq public relations jew komunikazzjoni, minn Marzu 2013 sal-jum li fih din l-interpellanza tkun imwieġba, maqsuma sena b’sena?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment ninforma lill-Onor Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.

Aġenzija għas-Servizzi Terapewtiċi u fil-Komunità

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 21328, jista’ l-Ministru jindika l-ismijiet u l-email addresses tal-uffiċinili huma responsabbli taċ-Ċentri/Servizzi fil-Komunità?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment ninforma lill-Onor Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.

Tfal ta’ nazzjonalità Maltija għall-adozzjoni

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 21099, jista’ l-Ministru jgħid dawn l-addozzjonijiet għaddewx minn proċess li jinvolvi l-Aġenzija Appoġġ?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li iż-żewġ addozzjonijiet imsemmija ġew ipproċessati mill-Aġenzija Tama.

Politika Nazzjonali ppubblikata

Question

Minħabba li l-aktar Politika Nazzjonali riċenti kienet pubblikata fl-2008, jista’ l-Ministru jgħid fiex waslet il-Politika Nazzjonali l-ġdida ta’ pajjiżna?

Response (FALZON, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta, sabiex tikkjarifika għal liema Politika Nazzjonali qiegħda tirreferi.

Ċentru ta’ Rijabilitazzjoni mid-Droga għall-Adolexxenti

Question

B’referenza għall-istqarrija PR 211221 “Viċin li jinfetaħ iċ-ċentru ta’ rijabilitazzjoni għall-adolexxenti f’Tal-Ibwar” li ħarġet fis-26 ta’ Ġunju, jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm adoloxxenti li qed jistennew biex jidħlu f’dan iċ-ċentru? Jista’ jgħid ukoll liema huma d-drogi u s-sustanzi li huma l-vizzju ewlieni ta’ dawn iż-żgħażagħ?

Response (FALZON, MICHAEL)

Tweġiba: Ġentilment ninforma lill-Onor Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.

Studji fuq il-vizzji fiż-żgħażagħ u addoloxxenti

Question

B’referenza għall-istqarrija PR 211196 “Aktar servizzi speċjalizzati għal żgħażagħ bi problemi ta’ vizzji”, jista’ l-Ministru jgħid jekk ġewx ikkummisjonati studji fuq il-vizzji fiż-żgħażagħ u l-addoloxxenti, biex kif qal il-Ministru stess, nifhmu aħjar il-gravità tas-sitwazzjoni tal-vizzji f’pajjiżna?

Response (FALZON, MICHAEL)

Tweġiba: Ġentilment ninforma lill-Onor Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.

Servizz Youth in Focus

Question

B’referenza għall-istqarrija PR 211196 “Aktar servizzi speċjalizzati għal żgħażagħ bi problemi ta’ vizzji”, jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni fuq is-servizz Youth in Focus?

Response (FALZON, MICHAEL)

Tweġiba: Ġentilment ninforma lill-Onor Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.

Servizz Achieve

Question

B’referenza għall-istqarrija PR 211196 “Aktar servizzi speċjalizzati għal żgħażagħ bi problemi ta’ vizzji”, jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni fuq is-servizz Achieve?

Response (FALZON, MICHAEL)

Tweġiba: Ġentilment ninforma lill-Onor Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.

Adolescent Day Programme

Question

B’referenza għall-istqarrija PR 211196 “Aktar servizzi speċjalizzati għal żgħażagħ bi problemi ta’ vizzji”, jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni fuq is-servizz Adolescent Day Programme?

Response (FALZON, MICHAEL)

Tweġiba: Ġentilment ninforma lill-Onor Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.

Fondazzjoni għas-Servizzi ta' Ħarsien Soċjali — Traineeship Scheme

Question

B'referenza għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 20532, jista' l-Ministru jindika kemm kienu ilhom qiegħda l-imsieħba fit-Traineeship Scheme li tnediet bejn il-Fondazzjoni għas-Servizzi ta' Ħarsien Soċjali u l-Ministeru għal Għawdex qabel ma daħlu f'din l-iskema?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, l-firxa tal-qagħad tal-maġġoranza tal-apprentisti tvarja minn 4 snin għal 3 xhur.