Jista' l-Ministru jgħid kemm dam l-inċineratur bil-ħsara matul ix-xhur ta' Jannar, Frar, Marzu, April, Mejju, Ġunju, Lulju, Awwissu u Settembru 2012?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-okkorrenza ta’ waqfien ħtija ta’ ħsara kienet darba waħda biss fix-xahar ta’ Awwissu fejn allura ittieħdet l-opportunità biex isir ukoll il-mautenzjoni ta’ rutina b’waqfien totali ta’ ħmistax-il ġurnata.
Jista' l-Ministru jgħid kif ġie mmaniġjat il-materjal li soltu kien jinħaraq fl-inċineratur sakemm dan kien bil-ħsara?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kif jiġri kull meta l-incineratur jitwaqqaf, l-iskart tal-annimali jiġi pproċessat u mqiegħed ġo kontenituri li jiġu ffriżati. Bl-istess proċess jkun applikat għall-iskart tal-isptarijiet.
Jista' l-Ministru jieħu azzjoni sabiex it-triq tal-Bidnija int u dieħel mill-Mosta għall-Bidnija jsiru x-xogħlijiet neċessarji sabiex l-ilma ma jeqlibx għal ġewwa r-raba, imma jiġi gwidat għall-Wied Għajn Mula?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nirreferi lill-Onor.Interpellant li se jintbagħtu persuni inkarigati sabiex issir spezzjoni fuq il-post imsemmi.
Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li l-gvern, meta jkollu bżonn użu ta' servizzi veterinarji, l-Għammieri jibgħat l-annimali konċernati fiċ-Ċentru San Franġisk? Qatt ikkunsidra li jkollu veterinarji tal-post fl-Għammieri għall-istess għan? Kemm hemm veterinarji kwalifikat b'kollox ma' dipartimenti li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu, speċjaliment il-biċċerija in partikulari?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li preżentement hemm tlieta u għoxrin (23) veterinarju impjegati mad-Direttorat tar-Regolament veterinarju u dawn huma kollha allokati fuq xoghol regolatorju li jkopri s-saħħa tal-Annimali u it-Trattament Xieraq, Is-Sigurta tal-Ikel u l-Laboratorju.
In-numru ta’ annimali li hemm l-Għammieri ma jiġġustifikax l-impjieg ta’ Veterinarju
full-time
..
Min naħa l-oħra, infakkar lill-Onorevoli Interpellant li l-Gvern fetaħ iċ-Ċentru San Frangisk fejn il-kuntratt mal-okkupant jobbligah li jgħati s-servizz meħtieġ b’xejn lil klieb u qtates li A.W.D ikun ġabar mit-toroq bla sid u li jkunu mweġġa. Huma biss dawn l-annimali li jittieħdu għal kura ġo San Frangisk. Barra minhekk, Veterinarju impjegat l-Għammieri speċifikament biex jagħti kura klinika lill-annimali hemmhekk jitlob investiment f’ħafna apparat li diġa jeżisti ġo San Frangisk.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jsir il-ġnien li suppost se jsir fi Triq San Ġwann f'Bormla quddiem il-club tal-Cospicua Rangers, liema ġnien ilu jiġi mwiegħed għal dawn l-aħħar għaxar snin?
Response (PULLICINO, GEORGE)
"Infakkar lill-Onorevoli interpellant li x-xogħol imwiegħed ma sarx wara li l-uniku offerta mitfugħa ghas-sejha ghall-offerti ta’ dan għall-proġett , wara li nħarget sejħa għall-offerti, daħlet kważi 40% ogħla mill-istima li kien ipprepara d-dipartiment apparti l-fatt li l-offerta ġiet effetivament ogħla mill-ammont aċċettabli minn dak permessibbli għal tender dipartimentali. Għalhekk id-Dipartiment konċernat ma kienx f’pożizzjoni jalloka dan ix-xogħol.
Infakkar ukoll li l-flus li kienu allokati abbażi tal-istima xorta ser jiġu investiti ġewwa Bormla permezz ta’ proġett li ser jitwettaq mill-Gvern Ċentrali u dan jikkonsisti fil-bdil tal-balavostri tat-taraġ ta’ quddiem il-Knisja Parrokkjali, b’valur ta’ €77,000 .Dan ix-xogħol fuq il-balavostri tal-Knisja qed isir ukoll fuq talba tal-istess Kunsill Lokali ta’ Bormla.
Sadanittant, jekk il-fondi jippermettu, il-proġett ta' Triq San Gwann xorta ser jiġi kkonsidrat biex jiġi nkluż fil-programm tax-xogħol għas-sena d-dieħla."
Programmi ta' tagħlim u tagħrif lill-bdiewa u r-raħħala
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma l-programmi ta' tagħrif/tagħlim li qed jagħmlu d-dipartimenti li jaqgħu taħtu biex il-bdiewa/raħħala jkunu jistgħu jevitaw problemi ta' mard fuq l-għelieqi/irziezet tagħhom?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li fl-2011 sar programm ta' taħriġ għas-settur tat-tiġieġ iffinanzjat mill-gvern u mwettaq mill-għaqdiet tal-produtturi fejn esperti specjalizzati żaru kull razzett u taw taħrig u konsulenza lil kull min applika dwar x'mizuri jista' jieħu fuq ir-razzett tagħhom. Id-Direttorat tal-Agrikoltura applika taħt l-aħħar sejha ghall-miżura 111 sabiex joffri numru ta' korsijiet, li fihom qed jipproponi li jittrata dan is-suggett f'mod speċifiku bhala parti minn kors dwar it-trobbija tal-fniek kif ukoll f'kors dwar l-impatti tat-tibdil fil-klima fuq il-biedja.
Tajjeb li wiehed jghid li hemm provdut servizz mill-Farm Advisory Service Consortium, li hija entità imwaqqfa għal dan il-għan biex tagħti servizz ta’ parir biex il bidwi/raħħal jkun konformi mal obbligi tal Cross Compliance li jinkorpora direttivi li jikkoncernaw kontroll u maniġġjar biex jkunu evitati u/jew ikkontrollati il-mard kemm fuq il-bhejjem kif ukoll fl għelieqi.
Barraminhekk isir użu mill-media fejn fuq ir-radju waqt programmi jingħata tagħrif ġenerali dwar il-kontroll ta’ mard fuq siġar u pjanti b’interventi mis-semmiegħa. Jkunu ppubblikati numru ta’ leaflets informattivi sabiex jkun hemm għarfien u prevenzjoni tal-firxa ta’ dan l-istess mard. Inżamm ukoll taħriġ ukoll għas-settur tal-ortikultura dwar il-kontroll tal-bumunqar l-aħmar fuq is-siġar tal-palm.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew importati annimali, tjur u speċi oħra matul l-ewwel għaxar xhur ta' din is-sena? Kemm minnhom kienu eżotiċi?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Filwaqt li niġbed l-attenzjoni tal-Onorevoli Interpellant li fis-suq ħieles Ewropew importazzjoni tirreferi biss għal dak li joriġina minn barra l-Unjoni Ewropea, ninformah li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument bl-informazzjoni relatttiva.
Jista' l-Ministru jgħid jekk għandux il-ħsieb li jibni ċimiterju għall-annimali? Fejn jaħseb li dan il-post se jsir u meta jkun lest biex jibda jilqa' fih l-ewwel karkassi?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant li skont Regolament ta-Kunsill 1069/2009 llum ma jistgħax ikun hemm ċimiterju tal-annimali peress li annimali mejta huma kunsidrati bħala Animal By products tal-Kategorija 1 u għalhekk jridu jinħarqu. L-uniku mezz biex jiġi żviluppat ċimiterju tal-annimali huwa li jkun hemm inceneratur u jiġu midfuna biss l-irmied.
Minn naħa l-oħra, sid ta’ pet jista’ jidfen biss fil propjeta tiegħu u dan u jista’ jkun animal wieħed kultant żmien.
Laqgħat mas-sidien tal-pet shops — regolamenti ġodda
Question
Wara li kienu saru xi laqgħat ma' xi sidien tal-pet shops, jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb li jiddaħħlu xi regolamenti ġodda li jirregolaw dawn l-outlets u jekk iva meta u fuq liema linji?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li waqt it-tfassil tar-regolamenti meħtieġa saru l-konsultazzjonijiet meħtieġa u li preżentement hemm konsultazzjoni inter-ministerjali biex dawn ir-regolamenti jkunu ippubblikati biex jidħlu fis-seħħ.
Jista' l-Ministru jgħid kemm tpoġġew annimali, tjur u speċi oħra fil-kwarantina matul dawn l-aħħar għaxar xhur ta' din is-sena? Kemm minnhom għexu tul iż-żmien li damu kwarantina?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li matul l-2012 tpoggew fil-kwarantina annimali u tjur kif ġej:
288 għasfur
Wara li tlestew il-proceduri ġew rilaxxati lis-sidien. Minnhom mietu 66*
33 tiġieġa
Maqbuda mill-Qorti u ġew meqruda
30 fekruna ta’ l-art
F’ l-ewwel ġranet taż-żamma fil-kwarantina mietu 14 minnhom u li ġew inċinerati.*
Qattus
Ma kellux iċ- ċertifikazzjoni meħtieġa u se jintbgħat lura.
*L-mewt tal-frieken u l-għasafar ġiet kawżata minħabba l-mod ħażin kif ġew trasportati.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-gvern hux se jagħti għajnuna lil bdiewa li ġarrbu ħsarat kbar fil-maltempata li laqtet lill-pajjiżna ftit tal-ġimgħat ilu? Jekk fl-affermattiv, inħarġet is-sejħa għall-għoti ta' għajnuna u jekk iva, kemm daħlu talbiet s'issa?
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux il-prattika li l-Awtorità għar-Riżorsi ta' Malta tikkonsulta mad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili qabel ma jinħarġu permessi għat-tankijiet tal-gass li jintradmu fil-front gardens tar-residenzi peress li dawk jistgħu jkunu ta' periklu kbir għal ġirien kif ukoll għall-persuni li jkunu mixjin fil-viċinanza?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità ta’ Malta dwar ir-Riżorsi ma toħroġ l-ebda permess għal żvilupp għall-istallazzjoni ta’ tankijiet tal-gass fil-front gardens.
Permessi għal żvilupp jinħarġu mill-Awtorità ta’ Malta għall-Ambjent u l-Ippjanar. Għaldaqstant nistieden lill-Onorevoli Interpellant jressaq il-Mistoqsija Parlamentari lill- Onorevoli Ministru għat-Turiżmu, l-Ambjent u l-Kultura li hu responsabbli mill-Awtorità ta’ Malta għall-Ambjent u l-Ippjanar.
Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — infiq fuq fuel
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa globali ta' flus għall-fuel/petrol/diesel li jintuża mill-Ministeru matul l-ewwel għaxar xhur tas-sena 2012? Jista' jipprovdi informazzjoni separata għal dik li hija l-istess ċifra għad-dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħtu?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li n-nefqa għal fuel/petrol/diesel li jintuża mill-Ministeru u entitatjiet taħt dan id-dikasteru sa l-aħħar ta’ Settembru kienet ta’ €1,113,635.68, niġbidlu l-attenzjoni li n-nefqa għax-xahar ta’ Ottubru (l-għaxar xahar) tkun biss magħrufa wara it-tmiem tax-xahar. Din il-figura tinkludi kemm il-konsum minn vetturi, trukkijiet u inġenji, kif ukoll minn impjant, bħall ma huwa generator.
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument bl-informazzjoni dettaljata kif mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess ta' għoti ta' kuntratti għal flood relief project fi Triq Wied il-Għajn u ż-żona ta' Ħaż-Żabbar?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-process tal-evalwazzjoni ta’ l-offerti għall-kuntratt tal-flood relief ta’ Ħaz-Żabbar u Wied il-Għajn issa tlesta kollu u r-rakkomandazzjoni tal-bord ta’ evalwazzjoni ġiet sottomessa lill General Contracts Committee.
Jista' l-Ministru jgħid x'kienet il-produzzjoni tat-tiġieġ lokali matul is-snin 2005, 2006, 2007, 2008, 2009, 2010, 2011 u 2012?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 32699, ninfurmah li għall-ewwel sitt xhur tas-sena 2012 it-tjur maqtula kienu ta’ 1,265,416 b’total ta’ piż tal-karkassi jleħħaq 2,112,781 kilogramm.
Jista' l-Ministru jgħid x'kienet il-produzzjoni tal-fniek lokali matul is-snin 2005, 2006, 2007, 2008, 2009, 2010, 2011 u 2012?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Filwaqt li ninforma lill-Onorevoli Interpellant li id-Dipartiment jżomm 'rekords' biss tal-fniek li jinqatlu fil-biċċeriji approvati liema biċċeriji bdew jaħdmu fil-2011, ninfurmah ukoll li m’hemmx rekords tal-produzzjoni fuq livell ta’ ‘cottage industry’. In-numri ta’ fniek li kienu maqtula fil-biċċeriji approvati huma ta' 44,813 fenek fl-2011 u 45,481fenek fl-2012 sal-25 ta' Settembru.
Jista' l-Ministru jgħid x'kienet il-produzzjoni tal-bajd frisk lokali matul is-snin 2005, 2006, 2007, 2008, 2009, 2010, 2011 u 2012?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 32700, ninfurmah li l-istimi tal-produzzjoni għas-snin 2011 u 2012 sa l-aħħar ta’ Settembru huma 4,056,000 tużżana u 4,668,300 tuzzana rispettivament.