Legislature:
Category:
Reset
Active:

Karnival — Aggressjoni u theddid

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux infurmat li fil-ġranet tal-Karnival, uffiċjal għoli ta' Festivals Malta aggredixxa, hedded u insulta fil-pubbliku lill-parteċipanti li jaħdmu għall-Karnival?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li Festivals Malta ma rċeviet l-ebda rapport li xi uffiċjal minn tagħha fil-ġranet tal-Karnival, aggredixxa, hedded jew insulta fil-pubbliku lill-parteċipanti li jaħdmu għall-Karnival.

Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali – Konsulenti — Nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża għall-ingaġġar ta' konsulenti mill-Ministeru tiegħu, xahar b'xahar, minn April 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Fiex kienu jikkonsistu dawn il-konsulenzi; min kienu dawn il-konsulenti; xi kwalifiki għandhom; x'inhi l-kompetenza tagħhom u kemm tħallas kull konsulent għal kull servizz ta' konsulenza li ta? Jista’ jgħid ukoll dawn il-konsulenti kif ingħataw dan ix-xogħol, jekk hux permezz ta' direct order jew tender?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-konsulenti fis-Segretarjat tal-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u Gvern Lokali huma ingaġġati skont il-manwal li kopja tiegħu diġà tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali — Ħaddiema part-time

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista ta' kemm hemm ħaddiema impjegati fuq bażi part-time fil-Ministeru tiegħu u x'inhuma l-ħinijiet tax-xogħol tagħhom? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn l-impjegati għandhom impjieg full-time x'imkien ieħor?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20957.

Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali — Tweġibiet orali għall-mistoqsijiet parlamentari

Question

Jista' l-Ministru jgħid f’kemm-il sessjoni ta' tweġibiet orali għall-mistoqsijiet parlamentari kellu jirrispondi hu personalment mill-bidu ta' din il-Leġiżlatura sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BONNICI, OWEN)

Naħseb li l-Onor. Interpellant jifhem li dan il-Parlament huwa gwidat bi proċedura Parlamentari stabbilita mill-Ordnijiet Permanenti tal-Kamra. Għaldaqstant, jifhem li l-ordni tal-Interpellanza għal tweġiba orali u l-mod kif jiġu magħmula interpellanzi huma regolati mill-istess Ordnijiet Permanenti. L-informazzjoni kif mitluba ma tinżammx.

Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid — Rivisti ppubblikati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il rivista ħareġ il-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid matul is-snin 2021, 2022, 2023 u 2024 biex jinforma l-lokalità b’dak li qiegħed jiġri fl-istess lokalità u kemm kienet in-nefqa rispettiva? Jista’ jgħid ukoll kemm kien in-numru ta’ pubblikazzjonijiet stampati u jqiegħed kopja fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid li fis-snin imsemmija ma ippubblika l-ebda rivista minħabba li juża mezzi oħra biex ixerred l-informazzjoni.

Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali — Persuni b'diżabilità - Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx persuni b'diżabilità impjegati direttament mal-Ministeru tiegħu? Jekk iva, kemm hu n-numru ta' persuni u x'tip ta' xogħol iwettqu? F'kull każ, jista’ jgħid ukoll kemm ilha impjegata din il-persuna?

Response (BONNICI, OWEN)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba li ngħatat lill-kollega tagħha għall-mistoqsija parlamentari 24614, ġejt infurmat li l-informazzjoni kif mitluba ma tkunx tista’ tinġabar minħabba n-natura sensittiva u privata tagħha. Intenni li l-Gvern jibqa’ kommess li japplika politiki u miżuri inklussivi fuq il-post tax-xogħol biex jissaħaħ l-istatus ta’ persuni b’diżabilità impjegati kif spjegajt fl-interpellenza su referita.

Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali — Persuni b'diżabilità - Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx persuni b'diżabilità impjegati ma' xi entità/dipartiment/awtorità, eċċ. li jaqgħu taħtu? Jekk iva, ma' liema entità/dipartiment/awtorità u kemm hu n-numru ta' persuni għal kull entità/dipartiment/awtorità u x'tip ta' xogħol twettaq kull persuna? F'kull każ, jista’ jgħid ukoll kemm ilha impjegata din il-persuna?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari W346.

Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali — Segretarjat għall-Gvern Lokali - Persuni b'diżabilità - Impjegati

Question

Jista' l-Ministru, permezz tas-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali jgħid jekk hemmx persuni b'diżabilità impjegati direttament mas-Segretarjat Parlamentari li jaqa' taħt il-Ministeru tiegħu? Jekk iva, kemm hu n-numru ta' persuni u x'tip ta' xogħol iwettqu? F'kull każ, jista’ jgħid ukoll kemm ilha impjegata din il-persuna?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari W346.

Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali — Segretarjat għall-Gvern Lokali - Persuni b'diżabilità - Impjegati

Question

Jista' l-Ministru permezz tas-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali jgħid jekk hemmx persuni b'diżabilità impjegati ma' entità/dipartiment/awtorità, eċċ. li jaqgħu taħt is-Segretarjat Parlamentari fil-Ministeru tiegħu? Jekk iva, ma' liema entità/dipartiment/awtorità u kemm hu n-numru ta' persuni għal kull entità/dipartiment/awtorità u x'tip ta' xogħol twettaq kull persuna? F'kull każ, jista’ jgħid ukoll kemm ilha impjegata din il-persuna?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari W346.

Il-Furjana u l-Belt, Valletta — Karnival - Permessi għall-istalls ta' ikel tradizzjonali jew prodotti lokali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex m'għadhomx jinħarġu permessi għall-istalls ta' ikel tradizzjonali ta’ żmien il-karnival jew bejgħ ta' prodotti lokali, fl-erbat ijiem tal-Karnival fil-Furjana u l-Belt Valletta?

Response (BONNICI, OWEN)

L-Onor. Interpellant tapprezza li x-xenarju tal-Belt Valletta inbidel matul is-snin. Minn Belt li sa ġenerazzjoni ilu kull ma jmur kienet qed tmur lura, illum il-Belt Valletta hija kalamita ta' attivitajiet u attrazzjonijiet u servizzi. Illum il-Belt Valletta, kuntrarjament għas-sitwazzjoni li kienet tinsab fiha ġenerazzjoni ilu, toffri diversi ħwienet u outlets li joffru għall-bejgħ diversi prodotti tal-ikel, inkluż ikel u ħelu tradizzjonali marbut mal-Karnival. Dan il-qawmien kummerċjali fil-belt Valletta ta wkoll opportunità li jittieħdu miżuri biex tissaħħaħ is-sigurtà fit-toroq tal-Belt. Kien għalhekk li minn numru ta' snin ilu ttieħdet id-deċiżjoni għaqlija (li ntlaqgħet tajjeb) li ġewwa l-Belt Valletta ma jkun hemm l ebda tip ta' stalls li jservu ikel ġewwa t-toroq tal-Belt, minħabba kif għidt l- fatturi ta' spazju, periklu ta' nirien fil-kuntest tal-folol li jkun hemm u sigurta' in ġenerali. Is-sitwazzjoni ġewwa l-Floriana hija kemmxejn differenti fejn min diga' kellu l-permess biex jagħmel stalls jista' jerga' jaghmel stalls fil-post preċiż fejn kellu permess ipoġġi dawn l-stalls fis- snin ta' qabel. Dawn l stalls huma ta' terzi u informat li uħud minn dawn ibiegħu ikel tradizzjonali bħal imqaret.

MICAS — Każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament ġiex imneħħi minn fuq il-bord tal-Malta International Contemporary Arts Space (MICAS) jew irriżenjax minn jeddu? Jekk irriżenja, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-ittra tar-riżenja tiegħu?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament kien indikali li jixtieq iservi sakemm il-MICAS jiftaħ il-bibien. Naturalment ladarba dan it-tragward intlaħaq, huwa wera x-xewqa li jtemm l-inkarigu tiegħu skont kif kien pattwit. Irrid ngħid li l-individwu de quo għadu jagħti kontribut lis-settur kulturali lokali u nirringrazzjah minn qalbi tal-ġid kbir li għamel u se jkompli jagħmel għal pajjiżna.

Kummissjoni tal-Films — Kiri ta’ Forti Ricasoli

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inħarġu fatturi (invoices) għall-kiri ta' Forti Ricasoli mill-Kummissjoni tal-Films mill-2019 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u għal kemm ammontaw? Jista' jgħid ukoll kemm inġabru flus minnhom, u kemm fadal x'jinġabar?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li din l-informazzjoni hija waħda kummerċjalment sensittiva.

Heritage Malta — Dokument ta’ strateġija

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokument ta’ strateġija li bih qiegħda topera Heritage Malta?

Response (BONNICI, OWEN)

L-istrateġija ta’ Heritage Malta tiffoka fuq l-viżjoni prinċipali tagħha, dak li tagħqqad il-passat mal-preżent u l-futur, tara li tgħaqqad il-wirt kulturali ta’ Malta mal-qlub tan-nies. Din il-konnessjoni tgħin biex in-nies iħossuhom parti mill-wirt storiku u kulturali li Malta toffri, u b’hekk tħeġġeġ sens ta’ identità u kburija nazzjonali. L-oġġettivi ewlenin tal-Aġenzija jinkludu li nibnu konnessjoni emozzjonali qawwija mal-komunità Maltija, fejn ninvolvu lis-soċjetà fl-apprezzament u l-konservazzjoni tal-wirt kulturali. Fl-istess waqt, l-Aġenzija taħdem biex iżżid il-profil internazzjonali tagħha billi tniedi attivitajiet, inizjattivi, u programmi li jispiraw lit-turisti u jippermettu interazzjoni aktar profondi mal-kultura Maltija. Dan jgħin ukoll biex jiġu promossi l-valuri u l-karatteristiċi uniċi tal-wirt ta’ Malta lill-udjenza internazzjonali. B’dan il-mod, Heritage Malta tħeġġeġ ukoll dħul ekonomiku sabiex tiżgura s-sostenibbiltà fit-tul tagħha u tal-inizjattivi tagħha. Il-finanzjament miġbur jiġi re-investit f’proġetti ta’ konservazzjoni, edukazzjoni u taħriġ sabiex il-wirt kulturali ta’ Malta jibqa’ protett u apprezzat mill-ġenerazzjonijiet futuri. It-tmexxija ta’ Heritage Malta tara li l-ħidma tad-dipartimenti kollha tagħha hija allinjata ma’ din il-viżjoni strateġika, li tiffoka fuq dawn l-oġġettivi. L-istrateġija ta’ kull dipartiment fi ħdan l-Aġenzija tvarja skond l-eżigenzi u l-business enviroment li fih tkun qed topera.

MICAS — Dokument ta’ strateġija

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokument tal-istrateġija (strategy document) li bih qiegħed jopera l-Malta International Contemporary Arts Space (MICAS) li jkopri l-operat, il-viżjoni u għanijiet ċari għal din l-istituzzjoni ġdida għat-tliet snin li ġejjin?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-istrateġija tal-MICAS, sa mill-bidu li ġie varat il-kunċett għal dan l-investment kapitali ta' €30 miljun għall-avvanz tal-kultura Maltija, ġie msejjes fuq żewġ dokumenti essenzjali: Il-politika tal-akkwisti u dik tad-Direzzjoni Artistika. Dawn iż-żewġ jiġbru fihom il-missjoni tal-MICAS, li hi li tagħti spinta lill-ekoloġija kulturali ta’ Malta u li tħalli impatt fuq dik tar-reġjun Ewro-Mediterranju li tgħix fih. Biex jintlaħqu l-ħafna ambizzjonijiet tal-programm ta’ esibizzjonijiet tal-MICAS, li huwa mfassal biex jistabbilixxi u jżomm il-pożizzjoni tiegħu fuq stadju globali, il-programm jeħtieġ li jkun immexxi b’mod strateġiku biex ikun marbut mill-qrib max-xena tal-arti kontemporanja li dejjem qed tinbidel. Il-programm, iggwidat mid-direttur artistiku, għalhekk għandu jippreżenta skeda diversa ta’ esibizzjonijiet ambizzjużi li huma intellettwali imma fl-istess ħin aċċessibbli għall-udjenzi tagħna. Esibizzjonijiet individwali ta’ artisti stabbiliti - kemm Maltin kif ukoll internazzjonali - se jkunu bbilanċjati ma’ esibizzjonijiet ta’ gruppi magħżula b’reqqa u b’opportunitajiet biex jintwerew ix-xogħlijiet ta’ artisti emerġenti. Il-programm, waqt li jippreżenta esibizzjonijiet ta’ klassi mondjali, se jirrifletti u jiċċelebra wkoll il-karatteristiċi uniċi tiegħu – l-indipendenza, il-lokazzjoni, l-istorja kulturali, il-konessjonijiet u l-arkitettura globali – li dawn jagħmlu lill-MICAS uniku. Rigward l-akkwisti, it-twaqqif ta’ kollezzjoni ta’ xogħlijiet artistiċi mhux objettiv fundamentali għall-MICAS. Madankollu, meta titqies l-arja estensiva tiegħu u l-pjanijiet għal Ġnien tal-Iskultura, fil-bidu tal-iżvilupp tal-istituzzjoni ġie maqbul li għandha tinġabar kollezzjoni ta’ skultura kontemporanja biex eventwalment tiġi installata madwar il-kampus biex il-viżitaturi jkunu jistgħu jesplorawha u jgawduha. Il-bord tal-MICAS qabel jidħol f’kuntratt għall-akkwist ta’ xogħol, jikkonsulta mal-membri tal-Kumitat tal-Kreattività, li min-naħa tiegħu jidħol fi djalogu ma’ professjonisti tal-arti internazzjonali. Qabel isir l-akkwist, ir-rakkomandazzjonijiet kollha jitpoġġew quddiem il-bord għal approvazzjoni finali. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra ż-żewġ dokumenti msemmija.

Il-Belt, Valletta — Roundabout quddiem l-Berġa ta’ Kastilja

Question

Jista’ l-Ministru jara li l-art madwar ir-roundabout preċiż quddiem il-Berġa ta’ Kastilja fil-Belt, Valletta, tiġi msewwija billi ilha hekk numru ta’ ġimgħat?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta li l-manutenzjoni ta’ Pjazza Kastilja dejjem issir mid-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni. Għaldaqstant nirreferi lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Libreriji — Rimi ta’ kotba

Question

B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 25522 u 25698, jista’ l-Ministru jindika mil-liema libreriji sar l-eżercizzju li qed jagħmel referenza għalih fl-istess tweġibiet u jgħid kemm kienu komplessivament il-kotba li ntremew?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li s-sena l-oħra sar weeding f’dawn il-libreriji: Attard, Birkirkara, Central Public Library – Floriana, Fgura, Gozo Central Public Library, Għajnsielem, Għaxaq, Gudja, Gżira, Luqa, Mellieħa, Nadur, Mġarr, Mosta, Msida, Mtarfa, Naxxar, Pembroke, Paola, Qormi, Qrendi, Rabat (Malta), Sannat, San Pawl il-Baħar, Siġġiewi, Sliema, Santa Luċija, Xagħra, Xewkija, Żabbar, u Żejtun. Nagħmel referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 25522 u 25698 fir-rigward tal-proċedura t’avalwazzjoni u l-użu jew recycling tal-weeded books. Din il-proċedura tal-weeding issir fil-libreriji tad-dinja kollha u huwa proċess importanti biex inżommu l-libreriji relevanti u siguri. Ninsab infurmat li n-numru ta’ kotba li ġew weeded fl-2024 tammonta għal 22,582. Din l-istatistika tinżamm għal fini ta’ rekord u accountability. Fil-kotba ikun hemm ukoll checklist fejn tindika eżatt għal-liema raġuni ġie weeded u fejn sejjer jekk hux riċiklaċċ, jinbigħ bħala second handbook jew jingħata donazzjoni f’attivitajiet tal-libreriji.

Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali – Infiq fuq hospitality

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm intefqu flus bħala hospitality mill-Ministeru tiegħu, xahar b’xahar minn April 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, fiex kienet tikkonsisti din l-ispiża f'hospitality, id-data ta' meta ntefqu dawn il-flus u minn liema membru tal-Ministeru ntefqu dawn il-flus f'hospitality?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi lill Onor. Interpellant għal-line item ta' hospitality fl-estimi finanzjarji tal-estimi tal-budget li kopja tagħhom diġà tpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ħal Tarxien — Triq Santa Maria - Tindif ta’ spralli

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1952, jista’ l-Ministru jgħid jekk ix-xogħlijiet neċessarji fl-ispralli li jinsabu fi Triq Santa Maria, f’Ħal Tarxien, mill-kantuniera ta’ Triq is-Sorijiet sa Triq l-Iskola, humiex qed isiru, peress li kull darba li tagħmel ix-xita t-triq tkun mimlija perikli?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali Ħal Tarxien li l-culverts imsemmija ser jerġgħu jitnaddfu fil-jiem li ġejjin minkejja li dawn ġew imnaddfa wara s-sajf.