Legislature:
Category:
Reset
Active:

Transport Malta - Konsulenzi

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 1860, 2296 u 3269 u jagħti dettalji, f'tabella, ta’ konsulenzi (inklużi periti, avukati u nutara) li tqabbdu jagħtu servizz lil Transport Malta mill-2020 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, inkluż dettalji tal-valur li tħallsu individwalment?

Response (BONETT, CHRIS)

Qiegħda titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bid-dettalji mitluba.

Ministeru għall-Mobbiltà Sostenibbli – Disaster Recovery Plan/Business Continuity Plan

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm dipartimenti u entitajiet pubbliċi li jaqgħu taħtu għandhom Disaster Recovery Plan jew Business Continuity Plan formali li jkopru terremoti jew diżastri naturali kbar, u għal kull wieħed jgħid meta ġie aġġornat u meta ġie ttestjat l-aħħar?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi kemm Transport Malta, kif ukoll il-Malta Air Traffic Services Ltd. għandhom reġistru tar-riskji attiv, li jiġi segwit u aġġornat regolarment skont il-prassi professjonali fil-qasam tagħhom.

Speed cameras

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ speed cameras li għandna madwar Malta u Għawdex? Jista’ jgħid ukoll kemm hu l-ispeed limit li japplika għaż-żona partikolari, f’kull każ, separatament? Jista’ jgħid ukoll meta l-aħħar li ġew kalibrati l-istess cameras u x’kien l-ogħla speed li ntlaħaq matul din is-sena għal kull speed camera?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’Malta u Għawdex hemm total ta’ 24-l speed camera. Il-limiti tal-veloċità applikabbli fil-postijiet rispettivi huma kif ġej. Lokalità Triq / Post Numru ta’ cameras Limitu tal-veloċità Ħ’Attard Triq Antonio Manoel De Vilhena 1 60 km/h Ħ’Attard Triq in-Nutar Zarb 1 50 km/h Birkirkara Triq Dun Karm 2 60 km/h Il-Gudja Triq Ħal Far 1 60 km/h In-Naxxar Triq il-Kosta, ħdejn Triq Porzjunkola, fid-direzzjoni lejn it-Tramuntana 1 70 km/h In-Naxxar Triq il-Kosta, ħdejn l-Għallis, fiż-żewġ direzzjonijiet 2 70 km/h In-Naxxar Triq il-Kosta, ħdejn Triq Ramla, fid-direzzjoni lejn in-Nofsinhar 1 60 km/h In-Naxxar Triq il-Kosta, ħdejn Triq Ridott, fid-direzzjoni lejn it-Tramuntana 1 60 km/h Ħal Qormi Triq l-Imdina 2 60 km/h Ħal Qormi Vjal ir-Royal Malta Artillery (Mrieħel Bypass) 2 80 km/h San Ġiljan Triq Mikiel Anton Vassalli 2 60 km/h San Pawl il-Baħar Dawret San Pawl 2 80 km/h San Pawl il-Baħar Triq Burmarrad 1 60 km/h Is-Siġġiewi Triq Mons. Mikiel Azzopardi 1 60 km/h Ħaż-Żebbuġ Triq l-Imdina 2 70 km/h Iż-Żejtun Triq tal-Barrani 2 60 km/h Total 24

L-istrateġija nazzjonali dwar il-parkeġġ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk tlestietx l-istrateġija nazzjonali dwar il-parkeġġ u l-ġestjoni tad-domanda għall-ivvjaġġar? Jekk iva, jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-istrateġija, l-istudji li fuqhom hija bbażata u l-pjan ta’ implimentazzjoni? Jekk le, jista’ jgħid f’liema stadju tinsab, kemm kienet in-nefqa fuqha sal-lum u meta se tiġi ppubblikata? Jista’ wkoll jipprovdi stima tan-numru ta’ spazji legali ta’ parkeġġ fit-toroq u barra mit-toroq f’kull lokalità?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, Meta tħabbar il-pjan ta’ Malta in motion ingħataw d-dettalji ta’ meta ser tkun lesta din il-policy. Dan l-istudju jinkludi l-ġbir ta data dwar l-ispazji ta’ parkeġġ fit-toroq u barra minnhom, l-użu u l-okkupazzjoni tagħhom, il-ħtiġijiet ta’ lokalitajiet bi pressjoni qawwija fuq il-parkeġġ residenzjali, kif ukoll reviżjoni tal-qafas legali, is-sinjali u l-infurzar. Dan ix-xogħol qed jitwettaq b’mod koordinat mall-workstreams ta’ Malta in Motion, inklużi t-trasport pubbliku, it-trasport tal-massa u l-ġbir ta’ data tat-traffiku f’ħin reali. Id-dettalji jinsabu fuq is-sit: https://www.transport.gov.mt/sustainable-mobility/malta-in-motion-overview-7816

Numru ta’ vetturi liċenzjati

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra n-numru ta’ vetturi liċenzjati klassifikati bħala: karozzi privati, muturi, vetturi tal-merkanzija, vetturi tal-kiri, vetturi bil-Y-plate, taxis, karozzi tal-linja u vetturi oħra, fl-aħħar ta’ kull xahar minn Jannar 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jipprovdi wkoll in-numru ta’ reġistrazzjonijiet ġodda, dereġistrazzjonijiet, vetturi skrappjati u vetturi esportati matul l-istess perjodu, u jgħid liema mira li tista’ titkejjel ġiet stabbilita biex tonqos id-dipendenza fuq il-karozzi privati?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninfora lill-Onor. Interpellant illi din ir-risposta tinġħata f'xi seduta oħra.

Numru ta’ vetturi liċenzjati

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra t-total ta’ vetturi liċenzjati fil-pajjiż sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, ikklassifikati bħala: karozzi privati, muturi, vetturi tal-merkanzija, vetturi tal-kiri, vetturi bil-Y-plate, taxis, karozzi tal-linja, trakkijiet u vetturi oħra? Jista’ jgħid ukoll kemm kien in-numru ta’ reġistrazzjonijiet ġodda, dereġistrazzjonijiet, vetturi skrappjati u vetturi esportati matul l-aħħar għaxar snin?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninfora lill-Onor. Interpellant illi din ir-risposta tinġħata f'xi seduta oħra.

Malta u Għawdex – Karreġġjati riżervati għall-karozzi tal-linja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm kilometri ta’ karreġġjati riżervati għall-karozzi tal-linja li bħalissa huma operattivi f’Malta u Għawdex u jidentifika fejn jinsabu? Jista’ jgħid ukoll liema karreġġjati ġodda għall-karozzi tal-linja, punti ta’ aċċess ikkontrollat magħrufa bħala “bus gates”, sistemi li jagħtu prijorità lill-karozzi tal-linja fid-dwal tat-traffiku u sistemi ta’ infurzar permezz ta’ cameras, huma ppjanati, flimkien mal-baġit u d-data mistennija għat-tlestija ta’ kull miżura?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, fid-dawl tat-tħejjijiet għall-konċessjoni l-ġdida tat-trasport pubbliku li mistennija tidħol fis-seħħ fl-2030, bħalissa għaddejjin diversi studji bħala parti min Malta in Motion, b’mod partikolari dawk relatati mad-disinn mill-ġdid tan-network tat-trasport pubbliku u mal-Intelligent Transport Systems.

Transport Malta u l-Malta Public Transport – Ilmenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm irċevew ilmenti Transport Malta u l-Malta Public Transport dwar: i.    iffullar żejjed; ii.    karozzi tal-linja li ma waslux; iii.   karozzi tal-linja li ma waqfux; iv.   ħinijiet twal ta’ stennija; v.    informazzjoni mhux korretta f’ħin reali; vi.   aċċessibbiltà; vii.  l-imġiba tas-sewwieqa; u viii.  l-arja kkundizzjonata, matul l-2024, l-2025 u l-2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jipprovdi ċ-ċifri skont ir-rotta u x-xahar, flimkien mal-ħin medju li ttieħed biex ġie indirizzat kull ilment?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninfora lill-Onor. Interpellant illi din ir-risposta tinġħata f'xi seduta oħra.

Trasport Pubbliku – Rotta 300

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux se tiġi riveduta l-frekwenza tas-servizz tal-karozzi tal-linja fuq ir-rotta 300 bejn Lascaris u l-Isptar Mater Dei matul il-weekends, sabiex ikun ikkoordinat aħjar mal-ħinijiet tal-wasla u t-tluq tal-fast ferry minn u lejn Għawdex? Jista’ jikkonferma li, filwaqt li matul il-ġimgħa dan is-servizz jipprovdi konnessjoni effiċjenti mal-fast ferry, is-Sibt u l-Ħadd in-numru ta’ vjaġġi jitnaqqas b’mod sostanzjali, bil-konsegwenza li jonqsu l-konnettività u l-aċċessibilità għall-passiġġieri Għawdxin u b’inkonvenjent kbir għall-ħaddiema fl-Isptar Mater Dei, pazjenti, kif ukoll qraba ta’ pazjenti?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, mill-31 ta’ Mejju ta’ din is-sena, is-servizz fuq ir-rotta 300 matul tmiem il-ġimgħa u l-festi pubbliċi żdied minn erba’ għal tmien vjaġġi kuljum. Għaldaqstant, in-numru ta’ vjaġġi f’dawn il-ġranet irdoppja sabiex titjieb il-konnettività bejn Lascaris u l-Isptar Mater Dei.

Transport Malta – Billboards – Azzjoni ta’ infurzar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta u liema passi ser jittieħdu minn Transport Malta fir-rigward tad-diversi billboards li kienu ttellgħu f’diversi toroq arterjali u distributorji fil-ġimgħat ta’ qabel l-elezzjoni ġenerali u li kienu ntużaw bħala billboards politiċi skont Leġislazzjoni Sussidjarja 552.28 (Regolamenti dwar billbords u reklami), li numru kbir minnhom għadhom f’posthom u qed jibqgħu jintużaw minn entitajiet pubbliċi u privati, bi ksur tal-imsemmija regolamenti? Jista’ jgħid ukoll jekk l-Awtorità hix qed tinforza l-imsemmija regolamenti b’mod ġenerali, inkluż fir-rigward tal-billboards użati għal reklamar kummerċjali , kemm jekk elettroniċi kif ukoll dawk li mhumiex, f’dak li jirrigwarda l-illuminazzjoni, il-pożizzjonament tagħhom, u l-effett jew l-impatt li jista’ jkollhom fuq is-sigurtà fit-toroq?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Dgħajjes irreġistrati ġodda – Sena 2026

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew irreġistrati dgħajjes ġodda fl-2026, sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BONETT, CHRIS)

Nistieden lill-Onor. Interpellant sabiex jiċċara x’inhu mifhum bit-terminu “dgħajjes”, u jispeċifika għal liema tip jew kategorija ta’ bastimenti qiegħed jirreferi, sabiex tkun tista’ tingħata informazzjoni korretta u preċiża.

Tallinja card

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 53 u jgħid meta ġiet introdotta Tallinja Card? Jista’ jgħid ukoll kemm hi l-ispiża biex tagħmel Tallinja Card ġdida u kemm kienet tiswa Tallinja Card ġdida meta ġiet introdotta?

Response (BONETT, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 53

Trasport pubbliku - Miżuri

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 52 u jgħid x’miżuri konkreti qegħdin jittieħdu biex is-sistema tat-trasport pubbliku f’pajjiżna titjieb u jkun żgurat li t-trasport ikun iktar puntwali, ta’ min joqgħod fuqu (reliable) u komdu (mhux iffullati bin-nies)?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, minn April tas-sena li għaddiet, saru aktar minn sittin intervent fuq in-network tat-trasport pubbliku, bil-għan ewlieni li jissaħħaħ u jitjieb is-servizz offrut lill-pubbliku. Fost dawn l-interventi wieħed isib sbatax ir-rotta ġdida, dsatax li esperjenzaw żidiet fil vjaġġi jew żieda fil-frekwenza tas-servizz u għoxrin rotta li kienu estiżi għal inħawi ġodda jew inkella ġew modifikati. Dawn l-interventi inkludew it-tisħiħ tas-servizz lejn żoni industrijali u edukattivi, it-tnedija ta’ rotot ġodda, estensjonijiet u modifiki f’rotot eżistenti, żidiet fil-frekwenzi, kif ukoll it-tnedija ta’ żewġ faċilitajiet ġodda ta’ Park and Ride. Dan it-tibdil fin-network wassal ukoll għal żieda fin-numru ta’ karozzi tal-linja li qed joperaw is-servizz. Iż-żieda fil-flotta operattiva fissret ukoll żieda fin-numru ta’ seats available, u għaldaqstant ikkontribwiet sabiex jitnaqqas l-iffullar f’ċerti ħinijiet tal-ġurnata u fuq ċerti rotot fejn id-domanda tkun ogħla. Ta’ min ifakkar ukoll fl-introduzzjoni tas-servizz tat-trasport pubbliku permezz tal-Fast Ferry, li daħal fis-seħħ f’Mejju li għadda. Dan il-mezz ta’ trasport qiegħed joffri alternattiva oħra ta’ trasport pubbliku, b’mod aktar effiċjenti u sostenibbli, filwaqt li jkompli jikkumplimenta n-network eżistenti tat-trasport pubbliku.

Ministeru għall-Mobbiltà Sostenibbli – Każ ta’ individwu – Ħatriet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament kienx appuntat f’bordijiet u kumitati fid-dekasteru li għalih hu responsabbli fid-29 ta’ Mejju 2026? Jista’ jgħid ukoll jekk kienx hemm ħatriet simili fil-perjodu ta’ wara u jekk kien hemm, jipprovdi dettalji dwar il-ħlas marbut magħhom?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interperllant illi din ir--risposta ser tingħata f'xi seduta oħra.

Skrappjar ta’ vetturi elettriċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern għandux pjan biex jindirizza l-piż finanzjarju li jista’ jaqa’ fuq sid ta’ vettura elettrika meta din il-vettura tkun trid tiġi skrappjata, partikolarment minħabba l-ispejjeż marbuta mat-trattament u r-rimi tal-batterija? Fid-dawl ta’ rapporti ta’ każijiet fejn konsumaturi ntalbu jħallsu spejjeż li allegatament laħqu l-€10,000, jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri qed jiġu kkonsidrati sabiex dawn l-ispejjeż ma jaqgħux fuq il-konsumatur?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma illi-Onor. Interpellant illi ir-risposta ser tingħata f'ix seduta oħra.

Għotjiet finanzjarji għax-xiri ta’ vetturi elettriċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-iskema ta’ għotjiet finanzjarji għax-xiri ta’ vetturi elettriċi hijiex ser titkompla matul is-sena 2027? Jekk iva, jista’ jgħid jekk humiex ser jinżammu l-istess kundizzjonijiet u livelli ta’ għotjiet bħal dawk applikabbli fl-2026?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma illi-Onor. Interpellant illi ir-risposta ser tingħata f'ix seduta oħra.

Iċ-Ċittadin, l-Ambjent u l-Iżvilupp 2026 - Appoġġ finanzjarju

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3023, jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm appoġġ finanzjarju għall-konferenza "Iċ-Ċittadin, l-Ambjent u l-Iżvilupp 2026" u jikkwantifika l-ammont ta’ tali appoġġ? Jista’ wkoll iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ kull kuntratt, ftehim, sponsorship agreement, purchase order jew dokumenti oħra relatati ma’ tali appoġġ?

Response (BONETT, CHRIS)

B’żieda mat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3023 ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ammont kien ta’ €5,000 (VAT eskluża).

Ir-Rabat, Malta – Triq Ġorġ Borg Olivier

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2024, jista’ l-Ministru jagħti update ta’ x’sar f’dawn l-aħħar tliet xhur fir-rigward ta’ Triq Ġorġ Borg Olivier, ir-Rabat, Malta, fid-dawl li dalwaqt se jerġgħu jibdew l-iskejjel u ser jiżdied iktar l-użu ta’ din it-triq u magħha jiżdiedu l-inkonvenjenzi, ħsarat lir-residenti u perikli?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma illi-Onor. Interpellant illi ir-risposta ser tingħata f'ix seduta oħra.

Trasport pubbliku – Karozzi tal-linja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm għandha karozzi tal-linja għad-dispożizzjoni tagħha l-kumpanija li tħaddem is-servizz tat-trasport pubbliku, ikklassifikati skont il-mudell, l-età, it-tip ta’ fjuwil, in-numru ta’ postijiet bilqiegħda u l-kapaċità totali awtorizzata? Jista’ jgħid ukoll: i.    kemm karozzi tal-linja jitħaddmu fil-ħinijiet tal-ogħla domanda filgħodu u filgħaxija; ii.   x’inhu n-numru medju ta’ karozzi li kuljum ma jkunux disponibbli minħabba manutenzjoni jew ħsarat mekkaniċi; u iii.  jekk nuqqas ta’ karozzi tal-linja jew ta’ sewwieqa wassalx għall-kanċellazzjoni ta’ vjaġġi?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni dwar il-karozzi tal-linja għad-dispożizzjoni tal-kumpanija li topera s-servizz tat-trasport pubbliku, ikklassifikati skont il-mudell, is-sena tal-manifattura, it-tip ta’ fjuwil, in-numru ta’ postijiet bilqiegħda u l-kapaċità totali awtorizzata, qed titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra. Il-kapaċità tal-passiġġieri hija stabbilita fiċ-Ċertifikat ta’ Konformità tal-vettura. L-ispezzjonijiet u l-manutenzjoni regolari tal-vetturi jsiru matul il-lejl, tal-inqas darba fix-xahar, sabiex matul il-ġurnata l-kumpanija jkollha l-vetturi meħtieġa biex tipprovdi s-servizz ikkuntrattat.