Persuni b’diżabilità li qed jibbenefikaw mis-servizz ta’ assistent personali
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 8180, tista' l-Ministru tgħid preżentement kemm hemm persuni b'diżabilità jibbenefikaw mis-servizz ta' assistent personali mħallas jew sussidjat mill-Independent Community Living?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-preżent it-tim tal-Independent Community Living fi ħdan l-Aġenzija Sapport qed isegwi 328 każ ta’ persuni b’diżabilità li jibbenefikaw minn skemi ta’ sussidju jew ħlas għal assistent personali tal-għażla tagħhom.
Persuni b’diżabilità li jibbenefikaw mis-servizz ta’ assistent personali
Question
Tista' l-Ministru tgħid x'inhi l-proċedura li qiegħda tintuża mill-Aġenzija Sapport jew minn entitajiet oħrajn li jaqgħu taħtha biex persuna b'diżabilità tibda tibbenefika mis-servizz tal-assistent personali mħallas jew sussidjat mill-Independent Community Living?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ladarba tidħol riferta lit-tim tal-Independent Community Living fi ħdan l-Aġenzija Sapport minn persuna b’diżabilità jew minn professjonisti oħrajn li jkunu qed jassistuha, isir assessjar dettaljat sabiex ikun identifikat il-bżonn attwali għal assistent personali. Meta r-rapport ikun finalizzat, dan jiġi preżentat quddiem bord indipendenti mill-Aġenzija. Dan il-bord jisma’ l-każ u jiddeċiedi l-pakkett finanzjarju li l-applikant (klijent) ikun ser jingħata. Il-klijent ikun notifikat bil-miktub (decision letter) dwar il-pakkett finanzjarju li hu jkun ser jirċievi u wara, jiġi ffirmat ukoll kuntratt (Service Agreement).
Kull xahar il-klijent għandu jgħaddi t-timesheets mimlijin u ffirmati mill-persuna li qed tagħti s-servizz, lid-Dipartiment tal-Finanzi fi ħdan Aġenzija Sapport.
Kull klijent li jibbenifika mis-servizz tal-assistent personali jiġi monitored mill-professjonisti fi ħdan l-ICLM tim tal-Aġenzija sabiex ikun assigurat li jkun qed jingħata s-servizz kif maqbul u skont il-pjan personalizzat kif ikun ġie mħejji skont il-bżonnijiet tal-persuna.
Laqgħa mal-European Network on Independent Living (ENIL) fi Brussell
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 8070, tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-minuti tal-laqgħa li kellha mal-European Network on Independent Living (ENIL) fi Brussell?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport tal-minuti rigward il-laqgħa li bħala Ministru kelli fi Brussell mal-European Network on Independent Living (ENIL) fl-24 ta’ Marzu 2023.
Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur – impjegati ġodda
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6780 dwar persuni ġodda impjegati fl-awtoritajiet u l-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur, tista' l-Ministru tagħti rendikont tal-ammont ta' impjegati minn kull lokalità msemmija fit-tweġiba?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari numru 6780.
B’referenza għall-applikazzjoni PA03215/20, fejn il-Commission for the Rights of Persons with Disability (CRPD) ma sabitx problema li jitneħħa disabled blue bay parking biex minflok ikun hemm pompa tal-petrol, tista’ l-Ministru tgħid kif l-istess CRPD waslet għal din il-konklużjoni li tapprova t-tneħħija ta’ dan il-parking bay f’żona li diġà hija problema kbira għall-persuni bil-blue badge biex isibu fejn jipparkjaw il-vettura tagħhom?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għall-kuntrarju ta' dak li qed jafferma fid-domanda tiegħu, il-Kummissjoni għad-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (CRPD) effettivament sabet problema li jitneħħa l-parkeġġ riservat. Tant hu hekk, illi hi approvat il-permess mil-lat ta' aċċessibilità b'riżervi, bl-ewwel waħda tkun illi dak il-parkeġġ partikolari għandu jinżamm u li għandu jkun hemm parkeġġ riservat. Dan huwa faċilment verifikabbli mill-pjattaforma E-Apps tal-Awtorità tal-Ippjanar, iżda għal kull bon fini, qiegħda npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-Accessibility Audit Report tal-Kummissjoni datat 20 ta' Ottubru 2022.
Fuq il-Mejda tal-Kamra qed inpoġġi wkoll il-Case Officer Report li a fol 5 jagħmel referenza għal-fatt li s-CRPD għandha xi riżervi, u a fol 9 jimponi li l-iżvilupp huwa suġġett għall-clearancemingħand is-CRPD skont l-Accessibility Audit Report tagħha sabiex l-Awtorità tal-Ippjanar toħroġ il-Final Compliance (Compliance) Certificate. Sallum, is-CRPD ma rċevietx talba biex toħroġ il-clearance tagħha, lanqas ma ġiet ikkonsultata dwar il-pjanti ġodda li ssottometta l-applikant wara Ottubru 2022.
Tajjeb li nfakkar lill-Onor. Interpellant illi ma hemm xejn li jżomm Kunsill Lokali milli jitlob sabiex jiġu installati parkeġġ riservati, liema talba għandha ssir lill-awtorità komptenti, li m'hijiex is-CRPD.
Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur)/proċedimenti
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 17435 li saret fil-Leġiżlatura XIII, tista’ l-Ministru tgħid jekk minn dakinhar li ngħatat it-tweġiba, u ċjoè fis-7 ta’ Diċembru 2020 s’issa, itteħdux xi proċedimenti ġudizzjarji mid-Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) a tenur tal-artikolu 12(5) jew dispożizzjonijiet oħra applikabbli għall-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur, Kap. 378? Jekk ittieħdu, tista’ l-Ministru tgħid f’kull każ dwar liema materjal kien jittratta r-rikors magħmul mid-Direttur Ġenerali quddiem il-Qorti Ċivili u x’kien l-eżitu finali tal-proċeduri meħuda?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mit-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 17435 li saret fil-Leġiżlatura XIII (ċjoè fis-7 ta’ Diċembru 2020) s’issa ma ġewx istitwiti proċeduri ġudizzjarji skont l-artikolu 12(5) tal-Kap. 378 jew taħt xi dispożizzjonijiet oħra applikabbli taħt l-istess Att.
Bħalissa qegħdin jiġu applikati d-dispożizzjonijiet tal-artikolu 12(2) tal-Kap. 378 (bidu ta’ investigazzjonijiet) fil-konfront ta’ xi kummerċjanti li jistgħu jwasslu biex jinfetħu proċeduri ġudizzjarji.
MCCAA — Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) - allegat ksur tal-Kap. 379
Question
Tista’ l-Ministru tgħid, sena b’sena mill-2019 sal-lum, kemm-il proċediment - irrispettivament mill-mod kif deskritti - sar da parti tad-DG Kompetizzjoni, fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA), quddiem il-Qorti Ċivili (Sezzjoni tal-Kummerċ) minħabba allegat ksur tal-Att dwar il-Kompetizzjoni, Kap. 379, jew ta’ xi liġijiet magħmula taħt l-istess? Tista’ tgħid ukoll kull proċediment dwar xiex kien jittratta, u jekk ġie konkluż il-każ x’kien l-eżitu finali?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-2019 sal-lum kien hemm proċediment wieħed li kien qiegħed qed jinstema quddiem il-Qorti Ċivili (Sezzjoni tal-Kummerċ) fejn ingħatat sentenza fir-rigward.
Il-proċediment kien jirrigwardja allegat abbuż ta’ dominanza mill-Enemalta fil-konfront ta’ terzi intrapriżi fis-suq upstream għall-provvista ta’ faċilitajiet għall-ħażna u throughput tal-fuel Jet A1 u fis-suq downstream rigward il-provvista ta’ refuelling tal-fuel Jet A1 fl-ajruplani fl-ajruport Internazzjonali ta’ Malta.
Fis-sentenza li ngħatat fis-17 ta’ Ġunju 2020 il-Qorti ikkonkludiet li l-Enemalta abbużat minn pożizzjoni dominanti bi ksur tal-Att dwar il-Kompetizzjoni u bi ksur tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
Is-sentenza ma hijiex waħda finali peress li ġiet appellata.
Aġenzija Sapport — Skema tal-Independent Community Living - lista ta' stennija
Question
Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 8079, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal u li issa ġiet riferuta lilha, u ċjoè: Fid-dawl li taħt l-iskema tal-Independent Community Living taħt l-Aġenzija Sapport hemm applikazzjoni fuq il-lista ta' stennija għal madwar sena, tista' l-Ministru tgħid x'qed iwassal għal dan id-dewmien kollu peress li ħafna adoloxxenti u żgħażagħ li għandhom bżonn assistenza f'din il-ħtieġa ma jistgħux jistennew dan iż-żmien kollu fi żmien daqstant delikat u kritiku fl-iżvilupp indipendenti tagħhom?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-preżent it-tim tal-Independent Community Living fi ħdan l-Aġenzija Sapport qed isegwi 328 każ ta’ persuni b’diżabilità li jibbenefikaw minn skemi ta’ sussidju għal carer tal-għażla tagħhom. Dawk li qegħdin fuq lista ta’ stennija sabiex isir l-assessjar meħtieġ, jistgħu jirċievu assistenza ta’ servizzi oħra mill-Aġenzija, skont il-każ u l-ħtieġa, sakemm ikunu jistgħu jingħataw dan is-servizz. Minħabba limitazzjonijet ta’ riżorsi umani, il-prijorità tingħata lil dawk il-każijiet fejn ikun hemm aktar minn wild wieħed b’diżabilità fil-familja, jew il-ġenituri / kustodji legali jkunu anzjani u għalhekk ikollhom bżonn sostenn aktar immedjat, jew f’każijiet fejn hemm riskju li l-persuna b’diżabilità tiġi istituzjonalizzata, jew fejn m’hemmx sapport mill-familjari, kif ukoll każijiet li l-ġenituri ma jistgħux jaħdmu biex jieħdu ħsieb uliedhom b’diżabilità. Il-każijiet fuq il-lista ta’ stennija jiġu riveduti b’mod regolari.
Tista' l-Ministru tgħid fiex waslet ir-riforma tal-Assistenti Personali skont il-linji gwida tal-European Network for Independent Living (ENIL)?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġie mwaqqaf grupp ta’ ħidma li ltaqa’ bejn Novembru u Diċembru tal-2022 u li mexa abbażi tat-Termini ta’ Referenza tiegħu u ħoloq Pjan ta’ Azzjoni li ġie preżentat lill-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport. Dan il-Pjan ta’ Azzjoni jittratta r-riforma tal-Assistenza Personali u t-twaqqif tal-Personal Budgets għall-persuni b’diżabilità, bl-iskop li jiġu msaħħa l-għajxien indipendenti u l-inklużjoni fil-komunità f’Malta. Bejn Jannar u April tat-2023 saru tliet laqgħat immexxija mill-Aġenzija Sapport ma’ rappreżentanti tal-European Network on Independent Living (ENIL), flimkien ukoll mad-Directorate for Disability Issues (DDI), mal-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (CRPD), u mal-Malta Federation of Organisations Persons with Disability (MFOPD). Ġew diskussi l-pjanijiet għal din ir-riforma, il-Pjan ta’ Azzjoni u l-esperjenzi tar-rappreżentanti tal-ENIL mill-pajjiżi rispettivi tagħhom dwar l-Assistenza Personali. Minbarra hekk, jien, flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Sapport u l-MFOPD iltqajna mal-ENIL f’Marzu tal-2023 sabiex niddiskutu l-Assistenza Personali u l-pjanijiet relatati. L-Aġenzija Sapport ukoll ingħatat rispons dwar il-Pjan tal-Azzjoni mid-DDI.
Il-passi li jmiss jinkludu r-reviżjoni tal-Pjan tal-Azzjoni minn Aġenzija Sapport sabiex dan jiġi finalizzat u eventwalment ippreżentat għall-konsultazzjoni pubblika. L-Aġenzija Sapport qed tikkollabora mad-DDI sabiex tiġi proposta leġiżlazzjoni dwar id-dritt tal-persuni b’diżabilità għall-Assistenza Personali għall-iskop tal-għajxien indipendenti.
Il-twettiq tal-Pjan ta’ Azzjoni parzjalment jiddependi fuq ir-riżorsi, il-ħidma u l-kollaborazzjoni ta’ numru ta’ entitajiet. Filwaqt li l-ippjanar ta’ din ir-riforma qed isir matul din is-sena, 2023, il-Pjan tal-Azzjoni jista’ jiġi rivedut abbażi ta’ kwalunkwe evidenza ġdida, pariri esperti, tibdil f’entitajiet, eċċ. li jistgħu jaffettwaw u/jew isaħħu r-riforma, li ser tieħu numru ta’ snin sabiex tinħadem u titwettaq. Is-suċċess ta’ din ir-riforma wkoll huwa parzjalment dipendenti fuq il-perspettivi tas-soċjetà Maltija fir-rigward tal-għajxien indipendenti u fil-komunità tal-persuni b’diżabilità. Wara li jgħaddi dan il-proċess se nkunu qed naraw li nilleġiżlaw dan kollu f’liġi.
Skema tal-Proġetti tal-Organizzazzjonijiet Volontarji (VOPS) u l-iSmall Initiative Support Scheme (SIS)
Question
Tista' l-Ministru tgħid liema huma s-87 proġett ġdid fil-komunità li se jkunu qegħdin jitwettqu bħala parti mill-Iskema tal-Proġetti tal-Organizzazzjonijiet Volontarji (VOPS) u l-iSmall Initiative Support Scheme (SIS), hekk kif ġie mħabbar iktar kmieni din is-sena mill-istess Ministeru? Min applika għal kull proġett? Kemm hi l-ispiża stmata u kemm se tkun l-allokazzjoni li se tingħata għal kull wieħed minn dawn il-proġetti?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-riżultati huma pubbliċi fuq il-VO Funding Portal u jinstabu mniżżla fid-dokument li qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Attachments:PQ 8182 - SIS and VOPS Final Markings.pdf
Aġenzija Sapport — Residenzi u ċentri ta’ matul il-jum – istallazzjoni ta’ cameras tas-sigurtà
Question
Tista' l-Ministru tgħid f'liema residenzi u Ċentri ta' Matul il-Jum tal-Aġenzija Sapport se jiġu installati l-100 camera tas-sigurtà hekk kif ġie mħabbar f'Marzu, 2023? Kemm se jkun l-investiment finanzjarju f'kull wieħed minn dawn ir-residenzi/Ċentri ta' Matul il-Jum?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul il-ġimgħat li għaddew beda xogħol ta’ installazzjoni ta’ 103 kamera tas-sigurtà f’diversi binjiet tal-Aġenzija Sapport. Dan sabiex titkompla tissaħħaħ is-sigurtà lill-ħaddiema u klijenti tal-Aġenzija b’żieda f’kameras tas-sigurtà. L-investiment finanzjarju ta’ dan l-eżerċizzju hu mqassam kif ġej:
Ċentru ta’ matul il-jum
Numru ta’ kameras
Spiża
Gwardjola
3
€1,500.00
Raħal Ġdid
3
€1,500.00
Birgu
2
€1,000.00
Għajnsielem
4
€2,200.00
Swatar
4
€2,800.00
Baħar iċ-Ċagħaq
5
€3,500.00
Mtarfa Resource
5
€2,500.00
Ħal Far
14
€8,000.00
Imtarfa
16
€8,500.00
Residenza
Numru ta’ kameras
Spiża
Birżebbuġa
3
€2,000.00
Mtarfa - Villino Maria
6
€3,600.00
Dar il- Fjuri
8
€3,200.00
Bormla - Dar Andrew
7
€2,500.00
Fgura
3
€2,150.00
Kirkop
3
€2,150.00
Marsa
3
€2,150.00
Pembroke
3
€2,150.00
Siġġiewi
3
€2,150.00
Żabbar
8
€3,500.00
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7262, tista' l-Ministru tgħid kemm-il rapport kriminali sar mal-Pulizija mill-Permanent Secretary tagħha fil-qadi tal-funzjonijiet tiegħu, f'dawn l-aħħar għaxar snin?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija numru 7262.
Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur — emails mingħand online news portals jew media houses ta’ aħbarijiet internazzjonali
Question
Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-emails b’mistoqsijiet mingħand online news portals jew media houses ta’ aħbarijiet internazzjonali li rċieva l-Ministeru tagħha u l-entitajiet/awtoritajiet li jaqgħu taħtha matul is-snin 2020, 2021, 2022 u Jannar, Frar u Marzu 2023?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li jgħoddu l-istess prinċipji msemmija fit-tweġiba għall-mistoqsija tiegħu numru 7123.
Tqassim ta’ fondi fuq Assistenti Personali u Independent Community Living
Question
Tista' l-Ministru tgħid kif inhu ppjanat li titqassam is-somma ta’ €4.2 miljun fuq il-konċett ta’ Assistenti Personali u Independent Community Living hekk kif ġie mħabbar fil-Baġit għal din is-sena?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-fondi jiġu użati fuq persuni b’diżabilità li sena wara oħra kellhom diġà s-servizz tal-assistent personali mħallas jew sussidjat mill-Independent Commmunity Living, kif ukoll ser tiżdied ir-rata tas-sussidju għal dawk li jiġu sussidjati b’siegħa siegħa minn €6.50 għal €9. Aġenzija Sapport ukoll qed tressaq persuni ġodda li għandhom bżonn li jkollhom assistent personali sabiex jibbenefikaw mill-baġit ivvutat.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm inħarġu avviżi pubbliċi a tenur tal-artikolu 8 tal-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur, Kap. 378, sena b’sena mill-2017 sal-2022?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba rigward kemm inħarġu avviżi pubbliċi a tenur tal-artikolu 8 tal-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur, Kap. 378, qiegħda tiġi ppreżentata fit-tabella t’hawn taħt:
Sena
Nru ta’ Avviżi Pubbliċi Maħruġa
2017
6
2018
11
2019
4
2020
3
2021
0
2022
1
Laqgħa mal-European Network on Independent Living (ENIL) fi Brussell
Question
Tista' l-Ministru tgħid jekk nhar l-24 ta' Marzu 2023 kellhiex laqgħa mal-European Network on Independent Living (ENIL) fi Brussell? Tista' tgħid x'ġie diskuss f'din il-laqgħa? Tista' tgħid jekk ġiex diskuss il-proġett Reach li kellu jsir fin-Naxxar? Tista' tgħid jekk l-ENIL urewx it-tħassib serju tagħhom dwar dan il-proġett? Wara din il-laqgħa, il-Ministeru u l-Gvern ħadu deċiżjoni fuq x'għandu jsir mill-proġett Reach fin-Naxxar u jekk dan hux se jitkompla fuq il-pjan oriġinali?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. interpellant li l-laqgħa li saret mal-European Network on Independent Living (ENIL) kienet kollha kemm hi ffukata fuq ir-riforma li qed jaħdem fuqha l-Gvern rigward il-kunċett tal-assistenti personali.
Il-Gvern qed jara li kull pass li jagħmel fil-qasam tas-settur tal-persuni b’diżabilità jkun jissodisfa l-prinċipji tal-Konvenzjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità.
Tista’ l-Ministru tgħid liema huma l-gazzetti li ngħataw xi forma ta’ għajnuna minħabba l-effetti tal-pandemija u jekk il-gazzetta, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, hux qed tirċievi wkoll dan?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur – persuni reġistrati bħala self-employed
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm persuni rreġistrati bħala self-employed mal-Ministeru tagħha, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-Ministeru ma jkunux irreġistrati persuni self-employed. Meta jkun hemm contracts for service dawn jingħataw skont regolamenti tax-xiri pubbliku (public procurement).
Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur – implimentazzjoni ta’ Direttivi tal-UE
Question
Tista’ l-Ministru tgħid x’direttivi tal-Unjoni Ewropea ġew implimentati mill-Ministeru tagħha tul is-sena 2022 u liema huma dawk li għadhom pendenti?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dawk id-Direttivi tal-Unjoni Ewropea li kellhom data ta’ skadenza għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali fis-sena 2022 u li ġew trasposti huma s-segwenti:
Direttiva Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2021/1206 tat-30 ta’ April 2021 li temenda l-Anness III tad-Direttiva 2014/90/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tagħmir tal-baħar fir-rigward tal-istandard applikabbli għal-laboratorji li jintużaw mill-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità għat-tagħmir tal-baħar
31/01/2022
Id-Direttiva tal-Kummissjoni (UE) 2020/2088 tal-11 ta’ Diċembru 2020 li temenda l-Anness II tad-Direttiva 2009/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-tikkettar tal-fwejjaħ allerġeniċi fil-ġugarelli
07/04/2022
Id-Direttiva tal-Kummissjoni (UE) 2020/2089 tal-11 ta’ Diċembru 2020 li temenda l-Anness II tad-Direttiva 2009/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-projbizzjoni tal-fwejjaħ allerġeniċi fil-ġugarelli
07/04/2022
Direttiva tal-Kummissjoni (UE) 2021/903 tat-3 ta’ Ġunju 2021 li temenda d-Direttiva 2009/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-valuri ta’ limitu speċifiċi għall-anilina f’ċerti ġugarelli
12/04/2022
Direttiva Delegata Tal-Kummissjoni (UE) 2021/1978 tal-11 ta’ Awwissu 2021 li temenda, għall-finijiet ta’ adattament għall-progress xjentifiku u tekniku, l-Anness IV tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-eżenzjoni għall-użu tal-ftalat tal-bis (2-etileżil) (DEHP), butilbenżilftalat (BBP), id-dibutilftalat (DBP) u d-diisobutilftalat (DIBP) fi spare parts irkuprati minn u użati għat-tiswija jew għar-rinnovazzjoni ta’ apparat mediku
30/04/2022
Direttiva Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2021/1979 tal-11 ta’ Awwissu 2021 li temenda, għall-finijiet tal-adattament għall-progress xjentifiku u tekniku, l-Anness IV tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ eżenzjoni għall-użu tal-ftalat ta’ bis (2-etileżil) (DEHP) f’komponenti tal-plastik li jinsabu fil-kojls tad-ditekter tal-Immaġni bir-Reżonanza Manjetika (MRI)
30/04/2022
Direttiva Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2021/1980 tal-11 ta’ Awwissu 2021 li temenda, għall-finijiet tal-adattament għall-progress xjentifiku u tekniku, l-Anness IV tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ eżenzjoni għall-użu tal-ftalat tal-bis (2-etileżil) (DEHP) f’elettrodi selettivi għall-joni biex janalizzaw il-fluwidi tal-ġisem tal-bniedem u/jew il-fluwidi tad-dijalisat (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
30/04/2022
Direttiva (UE) 2019/882 dwar ir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà għall-prodotti u għas-servizzi
28/06/2022
Direttiva Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2021/884 tat-8 ta’ Marzu 2021 li temenda, għall-finijiet tal-adattament għall-progress xjentifiku u tekniku, l-Anness IV tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ eżenzjoni għall-użu tal-merkurju f’konnetturi elettriċi rotanti użati f’sistemi ta’ immaġnijiet intravaskulari ultrasonori
30/06/2022
Direttiva Delegata Tal-Kummissjoni (UE) 2022/274 tat-13 ta’ Diċembru 2021 li temenda, għall-finijiet ta’ adattament għall-progress xjentifiku u tekniku, l-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ eżenzjoni għall-użu tal-merkurju f’lampi fluworexxenti b’katodu kiesaħ u f’lampi fluworexxenti bl-elettrodi esterni għal finijiet speċjali
30/09/2022
Direttiva Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2022/275 tat-13 ta’ Diċembru 2021 li temenda, għall-finijiet ta’ adattament għall-progress xjentifiku u tekniku, l-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ eżenzjoni għall-użu tal-merkurju f’lampi oħra tas-Sodju (gass) taħt Pressjoni Għolja għal finijiet ta’ tidwil ġenerali
30/09/2022
Direttiva Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2022/276 tat-13 ta’ Diċembru 2021 li temenda, għall-fini ta’ adattament għall-progress tekniku u xjentifiku, l-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ eżenzjoni għall-użu tal-merkurju f’lampi fluworexxenti (kompatti) b’kappa waħda għal finijiet ta’ tidwil ġenerali
30/09/2022
Direttiva Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2022/277 tat-13 ta’ Diċembru 2021 li temenda, għall-fini ta’ adattament għall-progress tekniku u xjentifiku, l-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ eżenzjoni għall-użu tal-merkurju fil-lampi fluworexxenti (kompatti) b’kappa waħda għal finijiet ta’ tidwil ġenerali < 30 W b’tul tal-ħajja ta’ 20 000 siegħa jew iktar
30/09/2022
Direttiva Delegata Tal-Kummissjoni (UE) 2022/278 tat-13 ta’ Diċembru 2021 li temenda, għall-finijiet ta’ adattament għall-progress xjentifiku u tekniku, l-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ eżenzjoni għall-użu tal-merkurju f’lampi tal-aloġenuri metalliċi
30/09/2022
Direttiva Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2022/279 tat-13 ta’ Diċembru 2021 li temenda, għall-finijiet ta’ adattament għall-progress xjentifiku u tekniku, l-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ eżenzjoni għall-użu tal-merkurju f’lampi oħra bi skarika elettrika għal finijiet speċjali
30/09/2022
Direttiva Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2022/280 tat-13 ta’ Diċembru 2021 li temenda, għall-finijiet ta’ adattament għall-progress xjentifiku u tekniku, l-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ eżenzjoni għall-użu tal-merkurju f’lampi oħra bi skarika elettrika taħt pressjoni baxxa
30/09/2022
Direttiva Delegata Tal-Kummissjoni (UE) 2022/281 tat-13 ta’ Diċembru 2021 li temenda, għall-fini ta’ adattament għall-progress tekniku u xjentifiku, l-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ eżenzjoni għall-użu tal-merkurju f’lampi fluworexxenti (kompatti) b’kappa waħda għal finijiet speċjali
30/09/2022
Direttiva Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2022/282 tat-13 ta’ Diċembru 2021 li temenda, għall-fini ta’ adattament għall-progress tekniku u xjentifiku, l-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ eżenzjoni għall-użu tal-merkurju f’lampi mhux lineari b’fosforu bi tliet frekwenzi
30/09/2022
Direttiva Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2022/283 tat-13 ta’ Diċembru 2021 li temenda, għall-finijiet ta’ adattament għall-progress xjentifiku u tekniku, l-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ eżenzjoni għall-użu tal-merkurju f’lampi tas-Sodju (gass) taħt Pressjoni Għolja b’indiċi tal-apparenza tal-kulur imtejjeb għal finijiet ta’ tidwil ġenerali
30/09/2022
Direttiva Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2022/284 tas-16 ta’ Diċembru 2021 li temenda, għall-finijiet ta’ adattament għall-progress xjentifiku u tekniku, l-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ eżenzjoni għall-użu tal-merkurju fil-lampi fluworexxenti lineari b’żewġ kapep għal finijiet ta’ tidwil ġenerali
30/09/2022
Direttiva Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2022/287 tat-13 ta’ Diċembru 2021 li temenda, għall-finijiet ta’ adattament għall-progress xjentifiku u tekniku, l-Anness III tad-Direttiva 2011/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ eżenzjoni għall-użu tal-merkurju f’lampi fluworexxenti għal finijiet oħra ta’ tidwil ġenerali u għal finijiet speċjali oħra
30/09/2022
Id-Direttiva li għadha pendenti hija s-segwenti:
Direttiva (UE) 2020/1828 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2020 dwar azzjonijiet rappreżentattivi għall-protezzjoni tal-interessi kollettivi tal-konsumaturi, u li tħassar id-Direttiva 2009/22/KE
25/12/2022