Legislature:
Category:
Reset
Active:

Il-Mellieħa – Librerija pubblika – Arranġamenti alternattivi

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 486 u 992 li oriġinarjament saru lill-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport u lill-Ministru għall-Arti, il-Kultura u l-Wirt Nazzjonali u tgħid x’arranġamenti alternattivi ser jingħataw lill-istudenti u lir-residenti tal-Mellieħa wara l-għeluq tal-librerija pubblika fil-Mellieħa? Tista’ tgħid ukoll meta dawn l-arranġamenti ser jidħlu fis-seħħ?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Ninsab infurmata mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa li għad ma nstabx lok alternattiv u ċentrali biżżejjed minn fejn tkun tista’ topera l-librerija u li d-Diviżjoni għall-Gvern Lokali offriet li tassisti biex jekk il-Kunsill jidentifika post, ikun jista’ jingħata s-sapport.

Kunsilli lokali – Impjegati – Kors tal-Mental Health First Aid

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm impjegati tal-kunsilli lokali f’Malta u Għawdex għamlu l-kors tal-Mental Health First Aid?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li b’kollox hemm 27 impjegat tal-Kunsilli Lokali f’Malta u Għawdex li għamlu l-kors tal-Mental Health First Aid.

Il-Foss tal-Imdina – Lift – Spezzjonijiet/Manutenzjoni

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kull meta saret spezzjoni u/jew manutenzjoni fil-lift tal-Foss tal-Imdina u l-ispejjeż li kienu involuti, matul dawn l-aħħar sentejn?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru konċernat.

Kunsill Nazzjonali għat-Taħriġ

Question

Tista’ l-Ministru tgħid fiex jikkonsisti b’mod speċifiku t-taħriġ tal-Kunsill Nazzjonali għat-Taħriġ fil-qasam tal-Gvern Lokali?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Ninsab infurmata li l-Kunsill Nazzjonali għat-Taħriġ fil-qasam tal-Gvern Lokali, kif propost fl-Istrateġija Nazzjonali għat-Taħriġ tal-Gvern Lokali, huwa maħsub biex jikkoordina u jissorvelja programm nazzjonali ta’ taħriġ immirat lejn il-kunsilliera eletti, is-segretarji eżekuttivi, l-impjegati tal-kunsilli lokali u reġjonali, kif ukoll uffiċjali oħra li jaħdmu mill-qrib mas-settur tal-Gvern Lokali. It-taħriġ propost jinkludi oqsma ewlenin bħall-leġiżlazzjoni tal-gvern lokali, it-tmexxija u l-governanza, il-ġestjoni finanzjarja, l-akkwist pubbliku, il-ġestjoni tal-proġetti, l-użu tal-fondi Ewropej, is-servizz lejn iċ-ċittadin, il-protezzjoni tad-data, l-etika u l-integrità, kif ukoll l-użu ta’ għodod diġitali u teknoloġiċi. Se tingħata wkoll importanza lill-iżvilupp ta’ programmi akkreditati fil-qasam tal-gvern lokali u għall-iżvilupp kontinwu tal-kompetenzi professjonali. L-Istrateġija tippromwovi wkoll metodi moderni ta’ tagħlim, inkluż taħriġ online u blended learning, mentoring, skambji ta’ esperjenzi, internships u attivitajiet ta’ networking sabiex l-għarfien miksub ikun aktar prattiku u rilevanti għar-realtajiet tal-kunsilli lokali u reġjonali. L-għan ewlieni huwa li jissaħħu l-kapaċitajiet tal-amministrazzjoni lokali, jitjiebu l-istandards tas-servizz mogħti liċ-ċittadini u tkompli tissaħħaħ il-governanza tajba fil-livell lokali u reġjonali.

Ministeru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi – Sistemi ta’ Intelliġenza Artifiċjali – KPIs

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk ġewx stabbiliti indikaturi ta' prestazzjoni (KPIs) sabiex jitkejjel l-impatt tal-użu ta' sistemi ta' Intelliġenza Artifiċjali fi ħdan il-Ministeru u l-entitajiet tagħha, u jekk iva, telenkahom u tindika kif qed jitkejlu?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi għar-risposta tal-Mistoqsija Parlamentari Nru 704.

Il-Belt Valletta – Bankini – Tiswijiet

Question

Tista' l-Ministru tagħti garanzija u time frames ta' meta ser jissewwew il-bankini ġewwa l-Belt Valletta, speċjalment ta' Triq Melita u Triq San Pawl, peress li huma perikolużi partikolarment għal min ikollu problemi ta' mobbiltà?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Ninsab infurmata mill-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta li qed isir xogħol mill-Perit tal-Kunsill fuq l-applikazzjonijiet għall-finanzjament tax-xogħolijiet imsemmija permezz tal- Planning Development Fund . Hekk kif il-Kunsill jingħata l-fondi u l-approvazzjonijiet neċessarji sabiex jipproċedi, il-proġett ikun jista’ jidħol fil-fażi tal-implimentazzjoni tiegħu.

Ta’ Qali - Park Nazzjonali - Żona tal-Kunċerti - Xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm saru xogħlijiet fiż-Żona tal-Kunċerti fil-Park Nazzjonali f’Ta’ Qali minn meta ġiet inawgurata f’Mejju 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Tista’ tgħid ukoll fiex kienu jikkonsistu dawn ix-xogħlijiet, kemm kienet l-ispiża tagħhom u għaliex kien meħtieġ li jsiru?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Ninforma lill-Onor Interpellant li t-tweġiba se tkun qed tingħata f'seduta oħra.

Kunsilli lokali – Attivitajiet tradizzjonali – Ħlas għas-servizz tat-tindif

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx xi policy jew struzzjoni li tistabbilixxi li kunsill lokali jista’ jitlob ħlas mingħand parroċċa għas-servizz tat-tindif għall-attivitajiet tradizzjonali tal-lokal ta’ dik il-parroċċa? Jekk m’hemmx policy jew struzzjoni, tista’ tgħid ukoll jekk din hijiex fid-diskrezzjoni ta’ kull kunsill lokali individwalment?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Ninsab infurmata li m'hemmx policy ċentrali dwar ħlasijiet lill-Kunsilli Lokali għal servizzi ta' tindif. Il-prassi normali hija li jkun hemm koordinazzjoni bejn il-parroċċa u l-għaqdiet biex f'każ ta' attivitajiet, il-Kunsill jikoordina t-tindif flimkien ma’ kuntratturi jew mad-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni.

San Ġiljan – Pjazza Balluta – Ħajt ta’ sostenn

Question

Fid-dawl li fi Pjazza Balluta ġewwa San Ġiljan, il-ħajt ta’ sostenn jinsab fi stat ta’ deterjorament serju u f’partijiet minnu diġà ċeda u b’hekk qed joħloq riskju għas-sigurtà kemm għar-residenti, il-pedestrians kif ukoll is-sewwieqa, tista’ l-Ministru tgħid jekk hux se tittieħed azzjoni u jekk iva, sa meta se jitranġa?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Ninsab infurmata mill-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan li kellu laqgħa mal-bennej u li x-xogħol huwa previst li jibda fi żmien qrib.

Ħal Safi - Ċentru Parrokkjali

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 676 u tgħid f’liema stadju jinsab il-proġett relatat maċ-Ċentru Parrokkjali, f’Ħal Safi? Tista’ tgħid ukoll: i.     x’inhuma x-xogħlijiet li saru s'issa u kemm ġew jiswew; ii.    x’inhuma x-xogħlijiet li għadhom iridu jsiru u kemm huwa proġettat li ser jiġu jiswew; u iii.   meta huwa ppjanat li l-proġett ikun lest kompletament?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Ninforma lill- Onor. Interpellant li l-informazzjoni se tkun qed tingħata f'seduta oħra.

San Pawl il-Baħar - Maħras ta’ Tabibu

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 925 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Arti, il-Kultura u l-Wirt Nazzjonali u jgħid jekk il-Gvern huwiex konxju mill-istat perikoluż li fih jinsab il-Maħras ta’ Tabibu fil-Bajja ta’ San Pawl il-Baħar, u x’azzjoni immedjata ttieħdet jew ser tittieħed sabiex tiġi evitata l-kollass ta’ dan il-monument storiku?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.

Ħal Safi - Ċentru Pastorali

Question

Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ kull Memorandum of Understanding (MoU) jew tip ta’ ftehim ieħor li jiddetermina minn min u għal liema għanijiet ser ikun jista’ jintuża ċ-Ċentru Pastorali ta’ Ħal Safi ġaladarba qiegħed jiġi restawrat b’fondi pubbliċi? Tista’ tgħid ukoll jekk hemmx xi restrizzjonijiet dwar l-użu tiegħu?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Ninforma lill- Onor. Interpellant li l-informazzjoni se tkun qed tingħata f'seduta oħra.

Ħ’Attard – Pjazza Tumas Dingli - Xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta se jitlesta x-xogħol fi Pjazza Tumas Dingli f'Ħ'Attard u tindika x'kienet l-iskeda ta' żmien oriġinali għal dan ix-xogħol?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta sabiex tagħmel il-mistoqsija tagħha lill-Ministeru kkonċernat.

Raħal Ġdid – Triq Nazzarenu – Xelter

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx il-ħsieb li wieħed mill-akbar xelters f’Raħal Ġdid, li jinsab fi Triq Nazzarenu u li kien diġà ġie skopert sentejn ilu, jiġi riabilitat u magħmul aċċessibbli għall-pubbliku f’jiem stabbiliti? Jekk iva, tista’ tgħid ukoll jekk hemmx żmien stabbilit sabiex dan isir?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Ninsab infurmata mill-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid li x-xelter fi Triq Nazzarenu għadu jrid jitbattal mill-ilma u jitnaddaf. L-aċċess għalih isir minn bokka li tinsab fit-triq, iżda dan ix-xelter ma jinfetaħx b’mod regolari. Waqt l-aħħar laqgħa tal-Kunsill ġie deċiż li dan ix-xelter mhux se jinfetaħ għall-pubbliku. Din id-deċiżjoni ġiet approvata waqt il-laqgħa li saret fl-24 ta’ Mejju 2026.

Ħal Qormi – Triq il-Kbira – Akkwist tal-proprjetà u l-ġnien tat-Tabib Maempel

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk il-Gvern hux lest jevalwa l-possibbiltà li jakkwista l-proprjetà storika magħrufa bħala tat-Tabib Maempel fi Triq il-Kbira, f'Ħal Qormi, inkluż il-ġnien storiku tagħha, sabiex din tiġi restawrata u mħarsa għall-ġid komuni?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.