Tista’ l-Ministru tispjega għal xiex qed jirreferi l-Line Item 5468 - Animal Aftercare Clinic, fil-Vot 25 tal-Estimi Finanzjarji 2027, u tindika jekk dan huwiex l-istess servizz tal-klinika tal-emerġenza fil-Fgura?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-diskussjoni fuq l-estimi finanzjarji marbuta mal-Ministeru se jiġu diskussi fil-25 ta’ Novembru 2026, hekk kif stipulat fil-Mozzjoni Nru 70, Mozzjoni ta’ Proċedura li tirregola s-seduti konnessi mal-Estimi Ġenerali, li ġiet diskussa fis-Seduta Nru 25, it-Tlieta, 20 t’Ottubru 2026.
Tista’ l-Ministru tgħid, għall-perjodu mis-26 ta’ Jannar 2026, minn meta beda jopera s-servizz nazzjonali ta’ emerġenza veterinarja, sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b’xahar:
i. kemm waslu telefonati fuq in-numru 153, estensjoni 22;
ii. kemm ġew eżaminati annimali fil-klinika tal-emerġenza fil-Fgura;
iii. għal dawn l-annimali eżaminati, f’kemm-il każ il-viżta ġiet ikkunsidrata bħala emerġenza vera u l-miżata tal-konsultazzjoni ġiet rimborżata, u f’kemm-il każ ir-rimborż ġie miċħud; u
iv. x’inhu l-valur medju ta’ kull rimborż u l-ammont totali mħallas f’rimborżi?
Tista’ tgħid ukoll x’inhi l-ispiża totali ta’ dan is-servizz mill-bidu tas-sena 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma bejn ir-rimborżi, il-ħlasijiet lill-operatur tal-klinika fil-Fgura u spejjeż oħra?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li mis-26 ta’ Jannar 2026 meta beda jopera s-servizz nazzjonali ta’ emerġenza veterinarja sad-29 ta’ Ottubru 2026, minn 8,059 telefonata fuq in-numru 153, estensjoni 22,
ġew imwieġba 7,825 waqt li 234 ġew abbandunati minn min ċempel. Ir-rata ta’ telefonati milqugħa kienet ta’ 97.1%.
B’kollox ġew eżaminati 2,343 annimal fil-klinika tal-Fgura. Kien hemm 1,925 każ li ġew approvati bħala emerġenza vera u rimborsati, 218 -il każ kienu miċħuda u hemm 200 każ li għadhom qed jigu evalwati u proċessati.
Il-valur medju ta’ kull rimborż huwa €141.09 u l-ammont totali mħallas bħala rimborż huwa €271,610. Bħala spejjeż lill-operatur tal-klinika,
l-ammont iffatturat sa Settembru 2026 u mħallas huwa ta’ €447,928. B’hekk l-ispiża totali s’issa, li tinkludi rimborsi lis-sidien tal-annimali u lill-operatur, tammonta għal €719,538.
Tista’ l-Ministru tagħti rendikont tal-ħidma tal-Kunsill għall-Ħarsien tal-Annimali bejn l-1 ta’ Jannar 2026 u l-31 ta’ Ottubru 2026? Tista’ wkoll tindika r-rakkomandazzjonijiet u l-opinjonijiet maħruġa u lil min ingħataw, liema rapporti ġew ippubblikati, u liema rakkomandazzjonijiet ġew implimentati?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li l-Kunsill għall-Ħarsien tal-Annimali huwa obbligat li jiltaqa’ darba kull xahrejn u li bejn Jannar u April 2026, iltaqa’ darbtejn. Il-Kunsill kellu wkoll laqgħat mal-Kummissarju għall-ħarsien tal-annimali ta’ dak iż-żmien. Intant, infurmata li qed jiġi finalizzat il-proċess biex jinħatar Kunsill ġdid.
Produzzjoni tad-drenaġġ - Żieda kontinwa fil-volum ta’ ilma mormi
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2464, tista’ l-Ministru tgħid jekk il-kapaċità attwali tal-impjanti tat-trattament tad-drenaġġ u tan-network tad-drenaġġ f’Malta hijiex biżżejjed biex tlaħħaq mal-volum attwali u dak proġettat ta’ ilma mormi, fid-dawl taż-żieda fil-kostruzzjoni u fl-iżvilupp residenzjali? Tista’ tgħid ukoll jekk sarux studji dwar l-impatt ta’ dan it-tkabbir fuq il-kapaċità tal-infrastruttura, b’mod partikolari f’żoni b’densità għolja ta’ popolazzjoni bħal Tas-Sliema, u liema investimenti konkreti huma ppjanati biex tiġi evitata pressjoni żejda fuq is-sistema?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-infrastruttura eżistenti għall-ġbir u t-trattament tad-drenaġġ qiegħda tlaħħaq mad-domanda attwali. Fid-dawl tat-tkabbir proġettat fid-domanda, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qed timplimenta programm ta’ titjib biex tkompli żżid il-kapaċità tat-trattament tad-drenaġġ. L-investiment ippjanat ma jindirizzax biss il-kapaċità tal-impjanti tat-trattament, iżda wkoll il-kapaċità tan-network tal-ġbir u d-distribuzzjoni, nkluż f’żoni fejn id-domanda u d-densità huma ogħla.
Fil-qafas tal-aġġornament tal-Pjan Nazzjonali ta’ Investiment għas-Servizzi tal-Ilma 2026-2036, hemm ippjanati madwar €106 miljun f’investimenti fl-infrastruttura tat-trattament tad-drenaġġ u madwar €145 miljun fin-network tad-drenaġġ. Dawn jinkludu titjib fl-impjanti ta’ Iċ-Ċumnija f’Għawdex, ta’ Sant’ Antnin u Ta’ Barkat, kif ukoll tiġdid u estensjoni ta’ mejnijiet ewlenin u infrastruttura oħra tan-network sabiex tiżdied il-kapaċità tal-ġbir u tat-trasport u titnaqqas l-infiltrazzjoni tal-baħar f’ċerti nħawi mal-kosta.
L-aġġornament tal-Pjan Nazzjonali ta’ Investiment tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li b’kollox jammonta għal €400 miljun, li jiġbor dawn l-interventi f’qafas wieħed ta’ investiment fit-tul, huwa mmirat li jiġi finalizzat sal-aħħar tas-sena.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2463, tista’ l-Ministru tgħid kemm mis-760 Notice to Comply u l-110 ittra legali maħruġa bejn l-2023 u l-2025 kienu jirrigwardaw rimi ta’ skart likwidu b’parametri kimiċi li jaqbżu l-limiti legali, kemm minn dawn il-każijiet ġew regolarizzati mill-operaturi kkonċernati, u jekk kienx hemm każijiet fejn, minħabba nuqqas ta’ konformità jew ksur ripetut, ittieħdu aktar passi ta’ infurzar?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li mill-ispezzjonijiet li saru bejn l-2023 u l-2025, ġew identifikati 249 każ ta’ rimi ta’ skart likwidu b’parametri kimiċi li jaqbżu l-limitu legali. Minn dawn, 200 każ ġew regolarizzati mill-operaturi. Fuq il-każi l-oħrajn inħarġu ittri legali.
Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma - Stabbilimenti industrijali u kummerċjali - Spezzjonijiet
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2461, tista’ l-Ministru tgħid kemm saru spezzjonijiet u kemm ittieħdu kampjuni ta’ skart likwidu minn stabbilimenti industrijali u kummerċjali mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma matul is-sena 2025 u mill-1 ta’ Jannar 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm minn dawn l-ispezzjonijiet jew kampjuni żvelaw ksur tal-limiti legali jew kundizzjonijiet imposti, u x’miżuri ta’ infurzar ittieħdu f’dawn il-każijiet?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li fis-sena 2025 saru 3,508 spezzjoni, inġabru 450 kampjun u nħarġu 348 NTC (Notice to comply) li jinkludu fost affarijiet oħrajn eċċedenzi kimiċi ta' kampjuni, nuqqasijiet ta’ dokumentazzjoni u twaqqif ta’ prattiċi jew bżonn ta’ modifikazzjonijiet interni mill-operaturi. Filwaqt li fis-sena 2026 sal-Ġimgha 23 t’Ottubru, saru 2,709 spezzjoni, nġabru 657 kampjun u nħarġu 510 NTC. Apparti minn hekk, inħarġu wkoll 49 ittra legali fl-2025 u 60 oħra din is-sena.
Is-Swieqi, Pembroke u San Ġiljan - Stazzjonijiet ta’ monitoraġġ tal-kwalità tal-arja
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1961, tista’ l-Ministru tgħid jekk l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) hix qed tikkunsidra li twettaq monitoraġġ aktar immirat u kontinwu tal-kwalità tal-arja fiż-żona tas-Swieqi, Pembroke u San Ġiljan, b’mod partikolari matul il-ħinijiet ta’ filgħaxija u billejl, sabiex jiġu identifikati u evalwati l-irwejjaħ u l-emissjonijiet attribwiti lill-impjant inkwistjoni? Tista’ tgħid ukoll liema sustanzi li jniġġsu, minbarra l-benzin, ġew imkejla jew ser jiġu mkejla, u jekk ir-riżultati tal-monitoraġġ humiex ser jiġu ppubblikati b’mod regolari għall-informazzjoni tar-residenti?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li b’żieda mat-tweġibiet mogħtija għall-mistoqsijiet parlamentari 1958 u 1961, is-sustanzi li ġew imkejjla huma dawk relevanti għall-każ u kif regolati mid-Direttiva tal-Unjoni Ewropea. Ir-riżultati minn Novembru 2023 s’Awwissu 2026 indikaw livelli ta’ benzin taħt il-limiti stabbiliti fid-direttiva. Abbażi tal-evidenza disponibbli, l-ERA tqis li l-monitoraġġ li sar huwa adegwat.
Operat ta’ impjant - Spezzjonijiet/investigazzjonijiet
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1959, tista’ l-Ministru tgħid jekk l-operatur tal-impjant inkwistjoni għandux il-permessi u l-awtorizzazzjonijiet ambjentali meħtieġa skont il-liġi, f’liema stadju jinsab il-proċess għall-ħruġ tal-permess ambjentali, u liema miżuri konkreti ntalab jimplimenta l-operatur sabiex jiġu evitati jew imnaqqsa rwejjaħ u emissjonijiet mill-operat tiegħu? Tista’ tgħid ukoll jekk ġiex stabbilit terminu għall-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri?
Response (DALLI, MIRIAM)
B’żieda mat-tweġiba li tajtha għall-mistoqsija parlamentari 1959, ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-impjant inkwistjoni ngħata clearance mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) fit-2 ta’ Frar 2026. Il-clearance hija valida għal erba’ snin, u l-operatur irid japplika għal permess ambjentali matul dan il-perjodu.
Il-clearance tinkludi kundizzjoni li permezz tagħha l-operatur meħtieġ jissottometti, fi żmien tliet xhur, rapport li jidentifika s-sorsi t’emissjonijiet u rwejjaħ mill-operat tiegħu u x’miżuri huma proposti biex dawn jiġu indirizzati, kif ukoll it-terminu ta’ żmien għat-twettiq ta’ kull miżura proposta. Ir-rapport mitlub ġie sottomess u l-ERA talbet lill-operatur jindirizza xi aspetti indikati fir-rapport li ma kienux għas-sodisfazzjon tal-Awtorità.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3279, tista’ l-Ministru tgħid jekk saritx investigazzjoni dwar il-materjal li nstab f’għalqa privata f’Wied il-Qlejgħa? Tista’ tgħid ukoll jekk sarx it-tindif ta’ dan il-materjal, fid-dawl tal-fatt li jinsab fil-parti fejn tgħaddi n-nixxiegħa tal-ilma f’dan il-wied?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) għamlet spezzjoni fis-sit u ġie nnutat munzell ta' materjal konsistenti f'ħamrija b'ġebel imdaqqas f'għalqa biswit il-Wied. Il-materjal ma jidhirx li hu skart però f'dan l-istadju l-ERA se tkompli tinvestiga.
Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra itemised break down tan-nefqa fuq it-tagħmir tal-uffiċċju tal-Project Green, mit-twaqqif tal-aġenzija fl-2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Tista’ wkoll għal kull item tgħid jekk in-nefqa saritx b’tender, b’sejħa għal kwotazzjonijiet, b’direct order, jew b’mod ieħor?
Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra itemised break down tan-nefqa fuq it-tagħmir tal-uffiċċju tal-Climate Change Authority, mit-twaqqif tal-Awtorità fl-2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Tista’ wkoll għal kull item tgħid jekk in-nefqa saritx b’tender, b’sejħa għal kwotazzjonijiet, b’direct order, jew b’mod ieħor?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, sa mit-twaqqif tagħha, l-Awtorità għall-Azzjoni dwar il-Klima kompliet fejn kienet ħalliet l-Awtorità ta' Malta dwar ir-Riżorsi u baqgħet tinvesti f’tagħmir elettroniku modern li jsaħħaħ l-effiċjenza u l-effettività tal-operat. Dan it-tagħmir kien jikkonsisti prinċiparjament f’laptops/tablets, monitors, printers u apparat ieħor għal-laqgħat virtwali. In-nefqiet annwali kienu ta’ €5,899 fl-2024 (minn Novembru), €40,238 fl-2025 u €26,279 fl-2026 (sa Ottubru). L-apparat inxtara skont il-proċeduri tar-Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm daħlu applikazzjonijiet għall-iskema tal-grant tal-batteriji domestiċi mar-Regulator for Energy & Water Services (REWS) minn Ġunju 2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b’xahar, u fl-istess tabella tindika kemm minnhom ġew ipproċessati sal-lum, kemm ġew approvati, u kemm ġew rifjutati?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, fl-2025, l-iskema tal-grant tal-batteriji domestiċi kienet miftuħa bejn Frar u Awwissu. Matul dan il-perjodu, ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (REWS), irċieva 3,248 applikazzjoni li minnhom ġew approvati 3,122 u m’hemm l-ebda pendenza. Din is-sena l-iskema reġgħet fetħet f’April u n-numru t’applikazzjonijiet li rċieva l-Uffiċċju tar-Regolatur kien jammonta għal 3,433. Minn dawn s’issa ġew approvati 1,953, filwaqt li 37 ġew rifjutati.
Tista’ l-Ministru tagħti lista tal-ħsarat (faults) kollha li ġew reġistrati fuq in-network tal-Enemalta f’Lulju u Awwissu 2026, u fl-istess lista tindika:
x’kienet il-kawża tal-ħsara;
meta ġiet installata l-ġonta jew it-tagħmir li kellu l-ħsara;
min hu l-manifattur;
meta u x’ħin kien meta ġie rappurtat jew innutat; u
meta u x’ħin kien meta ġie msewwi?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qiegħda attwalment tiġi miġbura u eżaminata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) fil-kuntest ta’ proċess ta’ awditjar li għadu għaddej.
Is-Swieqi, Pembroke, San Ġiljan u l-akkwati – Ilmenti dwar irwejjaħ u emissjonijiet
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1957, tista’ l-Ministru tgħid x’azzjoni ttieħdet mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) fir-rigward tat-18-il ilment li rċeviet bejn l-1 ta’ Jannar 2026 u l-31 ta’ Awwissu 2026 dwar l-impjant inkwistjoni, inkluż kemm saru spezzjonijiet, jekk sarx monitoraġġ tal-kwalità tal-arja u tal-emissjonijiet, partikolarment matul il-ħinijiet ta’ filgħaxija u billejl, u jekk instabx ksur ta’ xi kundizzjoni tal-permess jew regolament ambjentali?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġibiet li tajtha għall-mistoqsijiet parlamentari 1959 u 1961.
Tista’ l-Ministru tgħid x’inhu l-pjan tal-Gvern biex l-ammont ta’ skart imħallat li jmur fil-landfill jinżel minn kważi 80% kif inhu rrappurtat illum għal taħt l-10% sal-2035, skont id-direttivi Ewropej?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern qed jimplimenta l-Istrateġija fit-Tul għall-Immaniġġjar tal-Iskart bil-għan li jkompli jnaqqas progressivament l-ammont ta’ skart li jintrema fil-landfill u jersaq lejn il-miri Ewropej relatati mal-ekonomija ċirkolari u l-immaniġġjar sostenibbli tal-iskart. Dan qed isir permezz ta’ pakkett komprensiv ta’ miżuri li jinkludu t-tisħiħ tal-ġbir separat tal-frazzjoni organika u tal-materjali riċiklabbli, investimenti f’faċilitajiet ta’ sortjar, trattament u rkupru tal-iskart, kif ukoll infrastruttura ġdida maħsuba biex tkompli tnaqqas id-dipendenza tal-pajjiż fuq il-landfill.
F’dan il-kuntest, il-Gvern qed iwettaq investimenti sinifikanti permezz tal-proġett Ecohive Complex, li jirrappreżenta trasformazzjoni sostanzjali fis-sistema nazzjonali tal-immaniġġjar tal-iskart u li se jkompli jsaħħaħ il-kapaċità tal-pajjiż għat-trattament, l-irkupru u l-ipproċessar ta’ diversi flussi ta’ skart. Dawn il-miżuri, flimkien ma’ inizjattivi oħrajn previsti fl-Istrateġija Nazzjonali għall-Immaniġġjar tal-Iskart, huma maħsuba biex inaqqsu progressivament il-volum ta’ skart li jintrema fil-landfill u jappoġġjaw it-tranżizzjoni ta’ Malta lejn sistema aktar sostenibbli u effiċjenti tal-immaniġġjar tar-riżorsi. Dawn jinkludu wkoll proġetti bħal Waste to Energy u l-Iskip Management Facility.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm hawn charging stations taħt is-sistema taċ-Charge My Ride f’Malta u Għawdex? Tista’ tgħid ukoll jekk hemmx xi forma ta’ kuntratt li jittratta l-immaniġġjar tagħhom, meta jiskadi dan il-kuntratt, u x’inhu l-pjan ’il quddiem biex dawn iċ-charging stations jiżdiedu?
Response (DALLI, MIRIAM)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3122 ninfurmah li l-kuntratt li jitratta l-immaniġġjar jiskadi fl-2028.
Tista’ l-Ministru tispjega kif it-tkabbir fis-settur tal-kostruzzjoni, id-domanda akbar għat-tkessiħ (air conditioning), l-introduzzjoni ta’ vetturi elettriċi (EVs), u l-provvista tal-elettriku lill-vapuri mill-art (shore-to-ship power) qed jiġu riflessi u kkalkulati fit-tbassir tad-domanda massima għall-perjodu 2027–2035?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tbassir tad-domanda għall-elettriku u l-ippjanar tan-network isiru fuq bażi kontinwa u jiġu aġġornati regolarment fid-dawl ta’ data operattiva, ekonomika u infrastrutturali.
Fil-proċess tat-tbassir jitqiesu fost oħrajn l-iżvilupp ekonomiku u demografiku, iż-żieda fl-elettrifikazzjoni tat-trasport inklużi vetturi elettriċi, żviluppi marbuta ma’ shore-to-ship power, it-tkabbir fl-attività turistika u kummerċjali, kif ukoll l-effett ta’ temperaturi ogħla u żieda fl-użu ta’ sistemi ta’ tkessieħ.
Persuni b’kontijiet pendenti – Provvista minima tad-dawl u ilma
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk għadhiex fis-seħħ il-politika jew il-prassi li tippermetti aċċess għall-ilma u provvista ta’ dawl baxxa (kemm iżommu bozza u friġġ mixgħula) lir-residenzi b’kontijiet għoljin pendenti? Jekk iva, kemm hawn residenzi b’din il-provvista bħalissa u kemm hemm persuni rreġistrati f’dawn ir-residenzi?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li bħalissa hemm 95 post li għandhom il-provvista tal-dawl baxxa minħabba kontijiet pendenti u fihom hemm reġistrati 98 persuna. Fir-rigward tal-ilma ma titbaxxiex il-provvista.
Is-Siġġiewi – Triq Karmenu Bonello – Enemalta – Tiswija ta’ lampa tat-triq
Question
Tista’ l-Ministru tgħid fiex waslet it-tiswija tal-lampa tat-triq (street lighting) bin-numru ta’ notifika tal-Enemalta 304632614 fi Triq Karmenu Bonello, is-Siġġiewi?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li n-numru tan-notifika provdut f’din il-mistoqsija ma jikkorrispondix mal-ebda lampa fi Triq Karmenu Bonello, iżda ma’ lampa li tinsab fi Triq Nikol Azzopardi u li dwarha l-aħħar li kien hemm talba biex din tqabbdet mal-provvista lura f’Awwissu li għadda.
Persuni li jkollhom diffikultajiet dwar xi infrastruttura tal-Enemalta jistgħu jċemplu fuq 8000 2224 jew jagħmlu rapport online permezz tas-sit elettroniku enemalta.com.mt
Is-Siġġiewi – Triq Dun Manwel Zammit – Enemalta – Tiswija ta’ lampa tat-triq
Question
Tista’ l-Ministru tgħid fiex waslet it-tiswija tal-lampa tat-triq (street lighting) bin-numru ta’ notifika tal-Enemalta 304634893 fi Triq Dun Manwel Zammit, is-Siġġiewi?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li t-tiswija fuq il-lampa li qed issir referenza għaliha saret.
Persuni li jkollhom diffikultajiet dwar xi infrastruttura tal-Enemalta jistgħu jċemplu fuq 8000 2224 jew jagħmlu rapport online permezz tas-sit elettroniku enemalta.com.mt