Legislature:
Category:
Reset
Active:

Applikazzjonijiet għad-dħul fil-Junior College

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm applikaw żgħażagħ biex jidħlu l-Junior College għall-kors sena akkademika 2009 – 2010? Kemm ġew aċċettati u kemm tħallew barra?

Response (CRISTINA, DOLORES)

In-numru ta’ żgħażagħ li applikaw biex jidħlu l-Junior College għas-sena akkademika 2009/2010 huwa ta’ 1975. Minn dawn ġew aċċettati 1456, li jinkludu 184 li jirrepetu. Kull min applika u kellu l-kwalifiki meħtieġa ġew aċċettati u ħadd ma tħalla barra.

Applikazzjonijiet għad-dħul fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm applikaw żgħażagħ biex jidħlu għall-korsijiet tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi fil-korsijiet li se jibdew fis-sena akkademika 2009 – 2010 u kemm tħallew barra ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Għas-sena akkademika 2009/2010 applikaw 361 żgħażugħ/żgħażugħa li minnhom 216 bdew kors full-time fl-ITS fil-25 ta’ Settembru, 2009. Mija u ħamsa u erbgħin (145) applikazzjoni ma ntlaqgħux. 62 applikanti issottomettew aktar minn applikazzjoni waħda, filwaqt li kien hemm applikanti oħra li l-applikazzjoni tagħhom ma ntlaqgħetx minħabba bosta raġunijet fosthom li ma kellhomx il-kwalifiki meħtieġa.

Applikazzjonijiet għad-dħul fl-iskola Giovanni Curmi, Naxxar

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm applikaw żgħażagħ biex jidħlu fl-Iskola Sekondarja Ogħla Giovanni Curmi n-Naxxar għas-sena akkademika 2009 – 2010 fl-ewwel sena u kemm tħallew barra?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li din is-sena fl-iskola post sekondarja Giovanni Curmi n-Naxxar, daħlu 2,009 student, u ma tħalla ħadd barra.

Applikazzjonijiet għal dħul f’istitutzzjoni ta’edukazzjoni ogħla f’Għawdex

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm applikaw żgħażagħ Għawdxin biex jibdew xi kors f’istitutzzjoni ta’edukazzjoni ogħla f’Għawdex fis-sena akkademika 2009 - 2010, f’liema korsijiet applikaw u kemm thallew barra?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Applikazzjonijiet għal korsijiet fl-Università ta' Malta

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm applikaw żgħażagħ fil-korsijiet differenti li bdew fis-sena akkademika 2009 – 2010 fil-fakultajiet kollha tal-Universita` ta’ Malta u kemm minnhom tħallew barra ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Handymen fl-iskejjel

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm ħaddiema li jaħdmu bħala handymen f'kull skola f'Malta u Għawdex? Tista' tgħid kif jiġu mqassmin dawn il-handy men ġewwa kull skola, jekk huwiex fuq il-bażi ta' kemm hija kbira l-iskola jew ta' kemm imorru tfal fiha?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Skejjel — handymen jaħdmu fuq bażi ta' kuntratt

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk il-handymen li jaħdmu fl-iskejjel, jaħdmux fuq bażi ta' kuntratt/self employed jew inkella xogħol fixed mal-Gvern? Ġieli kien hemm okkażjonijiet fejn ix-xogħol li kien hemm il-ħtieġa li jsir ħareġ għalih kuntratt tax-xogħol? Kemm-il darba saret din u liema drabi kienu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-handyman li jaħdmu fl-iskejjel huma ħaddiema permanenti mal-Gvern. Ma kienx hemm okkażjonijiet fejn ix-xogħol ta’ handyman inħareġ għalih kuntratt ta’ xogħol.

Mosta — skejjel primarji - work force

Question

Tista' l-Ministru jgħid kemm għandhom bżonn handymen l-iskejjel primarji tal-Mosta u kemm attwalment hemm handymen jaħdmu hemm bħalissa? Tista' tgħid jekk hemmx il-ħsieb li tiżdied il-work force jew hux se tibqa' dik attwali?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li fiż-żewġ skejjel primarji tal-Mosta bħalissa hemm Handyman għal kull skola. Jekk ikun hemm il-bżonn li jiżdied il- workforce dan isir skont l-istaff li jkun disponibbli f’dak iż-żmien li ssir it-talba għal zieda.

Mosta — Skola ġdida - xogħlijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk ix-xogħol fuq l-iskola l-ġdida tal-Mosta huwiex miexi kif ippjanat u allura meta se tkun lesta biex tilqa' t-tfal fiha?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ix-xogħol fuq l-iskola l-ġdida tal-Mosta huwa miexi kif ippjanat u għalhekk huwa maħsub li din l-iskola tkun lesta sas-sena 2010.

Ħaddiema ġodda — caretakers u handymen

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk humiex sejrin jiġu ingaġġati ħaddiema ġodda biex jkunu jistgħu jaħdmu bħala caretakers u handymen għall-iskola l-ġdida tal-Mosta?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ix-xogħol ta’ Handymen u Caretakers fl-iskola l-ġdida tal-Mosta irid isir minn nies tal-Gvern jew privat. F’dan l-istadju għadha ma ttieħditx deċiżjoni min se jagħmlu.

skejjel ġodda proġettati

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm huwa proġettat li jinbnew skejjel ġodda sas-sena 2013? Fejn beħsiebhom jinbnew dawn l-iskejjel u kemm se tkun l-ispiża għal dawn l-iskejjel?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Huwa proġettat li jinbnew dawn l-iskejjel sas-sena 2013: · Skola Sekondarja tas-Subien fil-Mosta (Żokrija) u hija stmata li ġejja tiswa €8 miljuni. · Skola Sekondarja ġewwa r-Rabat Għawdex u hija stmata li ġejja tiswa €7 miljuni (mhux inkluż fl-istima il-parkeġġ u s-sular ta’ taħt l-iskola). · Skola Sekondarja tal-Bniet ġewwa l-Ħandaq limiti ta’ Ħal Qormi u hija stmata li ġejja tiswa €9 miljuni. · Skola tal-Kindergarten ġewwa l-Mosta u hija smata li ġejja tiswa €2.5 miljuni. · Skola Sekondarja tal-Bniet ġewwa Ħal Kirkop u hija stmata li ġejja tiswa €9 miljuni.

Film Fund

Question

Tista' l-Ministru tispjega kif ġie użat il-Film Fund li ġie varat fid-diskors tal-budget tas-sena 2008 f'paġna 48? Liema entitajiet ibbenefikaw minn dan il-fond mis-sena 2008 sal-lum? Kemm ġew assenjati fondi b'kollox tramite dan il-Film Fund mis-sena 2008 sal-lum?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Fit-2008 il-Ministeru tal-Edukazzjoni, Kultura, Żgħażagħ u Sport nieda il-Film Fund bl-iskop li tkun inkoraġġuta l-produzzjoni u l-iżvilupp ta’ xogħlijiet awdjo-viżivi u b’mod partikolari l-films qosra u dokumentarji. Dawn huma il-proġetti li bbenefikaw minn dan il-fond sal-lum: Hamlet of Strait Street - film qasir ta’ Lighthouse Communications. Dear Dom – dokumentarju ta’ Falkun Film Productions. The Simshar Tragedy – dokumentarju ta’ WE Productions. Dawn huma l-fondi li ġew assenjati: Hamlet of Strait Street – Lighthouse Communications - €23,722. Dear Dom – Falkun Film Productions- €53,464 The Simshar Tragedy – WE Productions - €63,016.80 Il-kumpaniji ngħataw l-ewwel 50% malli ġie ffirmat il-kuntratt u se jingaħtaw il-bqija tal-50% meta jispiċċaw il-proġett.

Youth National Programme

Question

Tista' l-Ministru tgħid għalfejn ma ntnefaq proprju xejn din is-sena fil-Youths National Programme meta kien hemm €70,000 ivvotati għal dan il-programm? X'inhu l-għan ta' dan il-programm? Għaliex ma twettaqx?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-vot tal-Youth National Programme huwa l-vot li bih qed jitwettaq il-programm ta’ empowerment, tal-Kunsill Lokali taż-Żgħażagħ, proġett li tnieda f’Settembru li għadda. 29 Kunsill Lokali qed jieħdu sehem f’dan il-programm u huwa mistenni li l-vot ikun intuża sa l-aħħar ta’ Diċembru.

Ħlas lil RAI għall-Christmas Concert

Question

Tista' l-Ministru tispjega fiex se jintnefqu €250,000 allokati għas-sena d-dieħla taħt l-item RAI Christmas Concert? Għalfejn il-Gvern ħass li għandu jħallas lir-Rai €250,000?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Kull sena, lejlet il-Milied, l-istazzjon nazzjonali televiżiv Taljan ir-RAI ixandar Kunċert tal-Milied bis-sehem ta’ numru kbir ta’ artisti magħrufa u korijiet. Għal ħafna snin dan il-kunċert kien ikun rekordjat mill-Vatikan iżda għal dawn l-aħħar tliet snin beda jkun rekordjat barra mill-Vatikan u fl-ewwel sena kien rekordjat f’Monte Carlo u din is-sena minn Catania. Dan il-kunċert ikun trasmess madwar id-dinja (mondovisione) u l-udjenzi li jarawh jilħqu għal għexieren ta’ miljuni, tliet miljuni biss minnhom fl-Italja. Dan il-kunċert idum sagħtejn u nofs bejn it-8.30 p.m. u l-11.00p.m. – ħin meqjus bħala prime time. Kieku wieħed kellu jħallas għal dan l-ispazju, għal dak it-tul ta’ ħin, f’dak il-jum u f’dawk il-ħinijiet, jiswih aktar minn €2 miljun. Il-Ministeru tal-Edukazzjoni, Kultura, Żgħażagħ u Sport daħal f’negozjati mal-Kongregazzjoni tas-Salesjani ta’ Ruma li tieħu ħsieb torganizza dan il-kunċert permezz tal-kumpannija Prime Time , biex jara l-possibbilta’ li l-kunċert ikun rekordjat f’Malta. Dawn in-negozjati taw riżultati pożittivi. Dan il-kunċert għandu jservi ta’ riklam kbir għal pajjiżna filwaqt li jagħtu spazju lill-mużiċisti tal-Orkestra Filarmonika Nazzjonali biex jidhru fuq ir-ribalta internazzjonali. Il-ħlas mhux se jsir lir-Rai direttament iżda hu parti mill-ispiża għall-organizazzjoni ta’ dan il-kunċert, inkluż l-ingaġġ tal-artisti barranin li jieħdu sehem fih. Il-Ministeru jħoss li din hi okkażżjoni mhux ta’ min jitlifha li għandha tagħmel ġid kbir lil pajjiżna kemm mil-lat turistiku kif ukoll minn dak kulturali.

Akkademja tal-Mużika — item imneħħi mill-budget

Question

Tista' l-Ministru tgħid għalfejn ġiet abolita kompletament l-item ta' €200,000 (eżistenti s-sena l-oħra, imma assenti kompletament għall-budget tas-sena 2010) għall-Akkademja tal-Mużika? Dan ifisser li l-Gvern abbanduna għal kollox l-idea li jagħmel Akkademja tal-Muzika wara l-bruttafigura tal-proġett ta' Akkademja ta' Riccardo Muti?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Fl-aħħar leġislatura, il-Ministeru tat-Turiżmu u l-Kultura issottomessa applikazzjoni għall-Fondi Strutturali Ewropej sabiex titwaqqaf l-Akkademija tal-Mużika fl-ex-Sptar Navali ta’ Bighi, il-Kalkara. Dan il-proġett ma kienx ġie magħżul miIl-Kumitat tal-Għażla tal-Proġetti u b’hekk ma setax ikompli kif kien ippjanat originalment. Dan il-vot ġie abolit għax in-nefqa marbuta ma’ dan il-vot m’għadx hemm il-ħtieġa tiegħu fl-infiq għas-sena rikurrenti li ġejja. Il-Gvern qed iħares lejn iniżjattivi varji kif jista’ jsaħħaħ aħjar it-tagħlim tal-mużika fl-Universita ta’ Malta, l-iskola tal-Mużika u l-Orkestra Filarmonika Nazzjonali.

Tfal mhux Maltin li jattendu skejjel primarji

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' tfal, mhux ta' nazzjonalità Maltija, li fil-fatt jattendu l-iskejjel primarji tal-11 u t-12-il distrett, raħal b'raħal rispettivament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Malta Racing Club — nefqa tal-gvern

Question

Tista' l-Ministru tagħti rendikont dettaljat tan-nefqa totali tal-Gvern għall-proġett li għadu kif sar fill-Malta Racing Club, kemm f'dak li għandu x'jaqsam mat-tisbiħ, is-sigurtà u l-manutenzjoni tal-kumpless innifsu kif ukoll għax-xiri ta' ramel u materjal ieħor minn barra l-pajjiż?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-investiment fuq titjib, tisbieħ, sigurta’ u manutenzjoni fil-korsa tal-Marsa kien jammonta għal total ta’ €149,242.93. Dawn kienu maqsuma kif ġej: Xoghol ta’ Tisbieħ: € 5,000.00 Xoghol ta’ Manutenzjoni: € 64,145.03 Xiri u testijiet ta’ Ramel: € 80,096.90 Total: €149,242.93 €38,954.00 milll-ispiża ingħataw f’forma ta’ grant jew xogħol mill-Gvern jew entitajiet tiegħu. Il-€110,288.93 l-oħra qed jitħallsu mill-fondi ġenerati mill-istess Malta Racing Club.

Università ta' Malta — kap ġdid tad-dipartiment

Question

Tista' l-Ministru tikkonferma jekk il-kap il-ġdid tad-Dipartiment tal-Psikoloġija fl-Università huwiex psikologu reġistrat mal-MPPB? Tista' tgħid kemm din il-persuna hija membru sħiħa tad-Dipartiment tal-Psikoloġija ta’ l-Università? Tista' tgħid jekk jirriżultax li l-kap il-ġdid tad-Dipartiment tal-Psikoloġija fl-Università huwiex psikologu, u jekk le tħossx li dan ma jagħmilx ġieħ lil dan id-dipartiment u s-serjetà li għandha turi l-Università? Tista tgħid kif minn dawk il-psikologi kollha li hemm fid-dipartiment kif ukoll f’dipartimenti oħra, ir-Rettur tal-Università ma kienx kapaċi jsib lil xi ħadd kompetenti u b’iżjed esperjenza għal din il-kariga?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Kap il-ġdid tad-Dipartiment tal-Psikoloġija fl-Università huwa membru sħiħ tad-Dipartiment tal-Psiloloġija tal-Università. Huwa studja l-Counselling li huwa fergħa importanti ħafna fil-Psikoloġija. Kull membru fid-dipartiment jispeċjalizza f’fergħa partikulari bħal per eżempju, clinical psychology, social psychology, counseling psychology eċċ. Il-kap il-ġdid tal-Psikoloġija huwa membru fil-Malta Association for the Counselling Profession (MACP) li tagħha kien ukoll president. Huwa ukoll membru elett fil-Kunsill Eżekuttiv tal-International Association for Counselling (IAC) li hija l-organizzazzjoni mondjali dwar il-counselling. Il-persuna li saret Kap tad-Dipartiment għandu l-ogħla kwalifiki, jiġifieri għandu Research-based Doctorate (Level 8) barra kwalifiki oħra. Huwa għandu esperjenza kbira fil-counselling u dan l-aħħar kien ukoll Acting Head of Department. Ta’ min jgħid li d-Dipartiment joffri Masters fil-Counselling, fil-Personal and Social Development u fl-Edukazzjoni Inklussiva. Din il-persuna ġiet maħtura wara konsultazzjoni mal-membri tad-Dipartiment, li l-maġġoranza assoluta irrikomandaw li din il-persuna għandha tkun il-Kap tad-Dipartiment tal-Psikoloġija għax hija persuna li tagħmel ġieħ lid-Dipartiment, għandha esperjenza ta’ tmexxija u diġà kien għal xi snin jikkoordina korsijiet f’dan il-qasam b’suċċess kbir.

Settur tal-Edukazzjoni terzjarja — abbozz tal-liġi

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta se tressaq l-abbozz tal-liġi li jirregola s-settur tal-edukazzjoni terzjarja quddiem dan il-Parlament? Peress li dan l-abbozz kellu jgħaddi f’Ġunju 2009, tħoss il-Ministru li wasal iż-żmien illi ċittadini Maltin li lesti jinvestu għall-edukazzjoni tagħhom minn buthom, għadhom jiġu protetti mill-hekk imsejħa istituzzjonijiet tal-edukazzjoni terzjarja li qed ibiegħu kwalifiki fażulli f’isem universitajiet barranin illi m'huma rikonoxxuti minn ħadd u minn imkien?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Iċ-Ċentru Malti għal Rikonoxximent ta’ Kwalifiki u tal-Informazzjoni u l-Kunsill Malti għall-Kwalifiki diġa’ joffru protezzjoni liċ-ċittadini Maltin billi jinfurmawhom dwar ir-rikonnoxximent tal-programm edukattiv u l-livell tal-kors partikulari skont il-Qafas Nazzjonali tal-Kwalifiki. Il-Gvern jagħraf il-bżonn li jkompli jsaħħaħ l-istrutturi u l-qafas legali ta’ dan is-settur. Għal dan il-għan għaddejja l-ħidma fuq l-abbozz tal-liġi dwar l-edukazzjoni ogħla u avvanzat li se titressaq quddiem il-Parlament fiż-żmien qarib. Matul din is-sena, il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Ogħla għamlet konsultazzjoni dwar l-istrategija f’dan il-qasam u ppreżentat rapport bir-rakkommondazzjonijiet miġbura li għenu sabiex titkompla l-ħidma fuq il-preparazzjoni ta’ din il-liġi.