Legislature:
Category:
Reset
Active:

Enemalta — Applikazzjonijiet pendenti biex sistemi fotovoltajiċi jitqabbdu mal-grid

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti biex sistemi fotovoltajiċi jiġu mqabbda mal-grid tal-Enemalta fil-ġurnata li fiha tkun qed tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Tista’ tgħid ukoll il-qies ta' kull waħda minn dawn is-sistemi f'kWh u d-dati meta daħlu l-applikazzjonijiet?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li matul din is-sena, l-Enemalta installat 1,383 PV meter, filwaqt li għandha pendenti 57 applikazzjoni għal PV meters. Minn dawn hemm 53 applikazzjoni li daħlu għand l-Enemalta wara l-25 ta’ Settembru 2023, jiġifieri ilhom xahar jew inqas. 34 minn dawn l-applikanti diġà ngħataw appuntament, filwaqt li l-bqija tal-applikanti ser jingħataw appuntament fil-viċin. Il-generation capacity meħtieġa tvarja minn 1.17kWp sa 544.32kWp, skont il-ħtiġijiet tal-installazzjoni tal-applikant.

San Ġwann – Project Green

Question

Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanti flimkien ma' renders relatati mal-proġett ta' Project Green, f'San Ġwann?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Project Green qed issegwi l-proċess ta’ Full Development Permit, fejn bħalissa beda l-vetting inizjali ta’ dan il-proġett u diskussjonijiet bejn l-Aġenzija u l-Awtorità tal-Ippjanar. Meta din il-fażi tkun lesta u jkunu saru l-emendi neċessarji li tkun talbet l-Awtorità, il-pjanti u d-dokumenti kollha jsiru aċċessibbli għall-pubbliku inġenerali fuq is-sit elettroniku tal-Awtorità.

Enemalta — Xiri ta’ gas LNG

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11829, tista' l-Ministru taqsam l-ammont ta’ gass LNG li nxtara mill-Enemalta għal kull sitt xhur, u ċjoè minn Novembru 2021 sa April 2022, Mejju 2022 sa Ottubru 2022, Novembru 2023 sa April 2023 u Mejju 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Tista’ wkoll tipprovdi l-prezz tan-nefqa totali?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kwantità ta’ gass LNG li nxtara mill-Enemalta kull sitt xhur kien kif ġej: Novembru 2021 s’April 2022 - 516,942.40 mmBTU Mejju 2022 s’Ottubru 2022 - 1,803,201.60 mmBTU Novembru 2023 s’April 2023 - 2,056,038.77 mmBTU Mejju 2023 sa Settembru 2023 - 1,936,026.29 mmBTU Kif diġà spjegajt fit-tweġiba li tajtu għall-mistoqsija parlamentari 11829, fil-preżent, il-prezz jinħadem permezz ta’ formula stabbilita fil-kuntratt li jissejjaħ l-‘Indexed Price LNG Supply Term’. Id-dettalji speċifiċi dwar il-prezz ma jistgħux jingħataw għax din l-informazzjoni hija ta’ natura kummerċjalment sensittiva.

Magħtab — Waste-to-energy plant - Non-recyclable waste

Question

Tista' l-Ministru tispeċifika eżatt meta l-Wasteserv tgħid li l-faċilità Waste-to-Energy fil-Magħtab "will be processing 192,000 tonnes of non-recyclable waste per year", x'inhi d-definizzjoni tagħha ta' "non-recyclable waste"?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li "non-recyclable waste" huwa skart li ma jkunx jista’ jiġi riċiklat jew imdawwar f’enerġija u kompost mill-organic processing plant.

Għawdex — proġett tas-second class water għall-bdiewa

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 3722 li ngħatat fit-22 ta' Novembru 2022, dwar il-proġett tas-second class water għall-bdiewa ġewwa Għawdex fejn ġie imwieġeb 'li d-dispensing points fil-fatt għadhom ser jiġu installati, u din il-fażi tax-xogħlijiet ippjanata titnieda u tiġi konkluża fl-ewwel tliet kwarti tas-sena 2023 permezz ta’ kuntratt separat', għaldaqstant tista’ l-Ministru tgħid jekk dan il-kuntratt separat ħariġx u jekk iva meta ħareġ u meta ġie awarded? Tista’ tgħid ukoll jekk id-dispensing points ġewx installati kollha fl-ewwel tliet kwarti tas-sena 2023 hekk kif kien ġie mwieġeb fit-tweġiba parlamentari 3722?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tali kuntratt ġie ffirmat u x-xogħol inbeda minnufih. Biex tassigura li s-sistema tkun iktar robusta u kapaċi għall-bżonnijiet li sejra sservi, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ddeċidiet li ttejjeb id-disinn tal-water dispensers minn kif oriġinarjament kien ippjanat. Għaldaqstant, iż-żmien tat-tlestija kellu jittawwal. Ninsab infurmata li l-prototipi saru u ġew anke ttestjati, waqt li l-installazzjonijiet huma ppjanati li jsiru fiż-żmien li ġej.

Ilma li hu tajjeb għax-xorb

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk l-ilma li qiegħed jasal fid-djar kollha tal-familji ġewwa Għawdex huwiex tajjeb għax-xorb? Tista’ tgħid kif il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) fil-preżent u anki fil-futur qarib qed taħdem u x'inhi tagħmel ġewwa Għawdex biex jibqa’ jasal prodott ta' ilma dejjem aħjar fid-djar tal-familji f’Għawdex?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ilma li jasal fid-djar kemm f’Għawdex kif ukoll f’Malta huwa tajjeb għax-xorb u jaqa’ sew fil-parametri Ewropej applikabbli. Madankollu l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ħasset li dan jista’ jittejjeb iktar, u għaldaqstant investiet, implimentat u qed tkompli timplimenta numru ta’ proġetti li jtejbu kemm il-kwalità kif ukoll il-kwantità ta’ ilma f’Għawdex. Dawn jinkludu proġetti ewlenin fosthom l-impjant state of the art f’Ħondoq ir-Rummien, tibdil ta’ mejnijiet antiki kif ukoll proġett li permezz tiegħu jingħaqdu ż-żewġ ġibjuni prinċipali ta' Għawdex li huma Ta’ Ċenċ 3 u 4.

Ta’ Qali – Qtugħ ta’ dawl

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk fil-perjodu bejn l-1 ta' Awwissu 2023 u l-31 ta' Awwissu 2023 intlaqtux xi cables tad-dawl minn kuntratturi f'Ta' Qali? Jekk iva, tista’ tagħti d-data ta' meta seħħ u meta ġiet solvuta l-problema?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li matul il-perjodu indikat f’Ta’ Qali kien hemm xi ħsarat iżolati fuq linji tad-dawl, b’wieħed minn dawn il-każijiet seħħ fit-18 t’Awwissu u ġie rappurtat lill-Enemalta bħala “broken aerial line” fis-seba’ ta’ filgħodu. Tim tekniku tal-Enemalta intbagħat fuq il-post b’mod immedjat u l-ħsara ssewwiet f’temp ta’ 3 sigħat. Madanakollu ma kien instab ħadd fuq il-post u baqa’ mhux magħruf min ikkaġuna din il-ħsara.

San Ġiljan — Drenaġġ ħiereġ mil-loġġa tas-sajjieda

Question

Tista’ l-Ministru tara għaliex wara diversi lmenti u rapporti lill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) għadu xorta ħiereġ id-drenaġġ mil-loġġa tas-sajjieda ġewwa x-Xatt tas-Sajjieda ġewwa San Ġiljan?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li minn investigazzjoni li saret irriżulta li drenaġġ mhuwiex ħiereġ mill-infrastruttura tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u l-każ ġie riferut lill-Awtorità konċernata.

Sistema tad-drenaġġ — Manutenzjoni

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk hux vera li s-sistema tad-drenaġġ ta’ pajjiżna f'ċerti nħawi tinsab fi stat ħażin ta’ manutenzjoni u qed tikkawża ħruġ ta’ drenaġġ f’xi bajjiet?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-istatement li qed jagħmel mhuwiex minnu. Ninsab infurmata li l-każijiet ta’ ħruġ ta’ drenaġġ fil-bajjiet li ġew rappurtati matul is-sajf li għadda kienu kkaġunati minn ħsarat ta’ terzi u/jew relatati ma’ konnessjonijiet privati. F’każijiet minnhom saħansitra lanqas kien drenaġġ.

Sistema tad-drenaġġ — Studju fuq manutenzjoni/kapaċità

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Gvern ikkummissjonax xi studju fuq l-istat ta’ manutenzjoni u/jew ta’ kapaċità tas-sistema tad-drenaġġ?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qed tlesti t-tfassil ta’ pjan ta’ Investiment Nazzjonali għas-Servizzi tal-Ilma mifrux fuq medda ta’ għaxar snin (2023-2033) u li partijiet minnu diġà bdew jitwettqu. Dan il-pjan jinkludi wkoll diversi miżuri intiżi għat-tisħiħ tas-sistema tad-drenaġġ kif ukoll tal-impjanti għat-tisfija tad-drenaġġ, kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex. Fost dawn il-miżuri hemm proġetti li diġà nbdew, oħrajn li l-ippjanar tagħhom jinsab fi stadju avvanzat u oħrajn li qegħdin fi stadji differenti tal-ippjanar.

Żbroff ta' drenaġġ — Pjan ta' kontinġenza

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Gvern għandux xi pjan ta’ kontinġenza biex fis-sajf li ġej ma jerġax ikun hemm bajjiet li jingħalqu minħabba żbroff ta’ drenaġġ bħalma ġara din is-sena?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12283.

EWA — Skema għall-Għaqdiet Volontarji

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11337, fejn jingħad li l-ewwel sejħa mill-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma (EWA) ħarġet fl-2022, tista’ l-Ministru tgħid jekk allura l-iskema għall-Għaqdiet Volontarji, li kienet tħabbret fit-30 ta' Marzu 2021, u li l-fondi tagħha ġew imqassma fl-24 ta' Lulju 2021, kinitx amministrata mill-EWA? F'dak il-każ, tista' l-Ministru tispeċifika kif ġiet amministrata dik l-iskema, kemm kienu l-applikanti, u kemm kienu dawk l-applikazzjonijiet li ġew aċċettati? Tista’ tgħid ukoll kemm minnhom irċivew il-fondi, kemm minnhom għadhom jistennew li jirċivuhom, u kemm ġew rifjutati?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-iskema li qed jirreferi għaliha ma kinitx amministrata mill-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma (EWA) iżda mid-Direttorat tal-iStrategy and Support, kif kien imwaqqaf dak iż-żmien. Taħt is-sejħa msemmija kienu ntlaqgħu 26 applikazzjoni li waħda minnhom kienet ġiet irtirata mill-applikant innifsu. Il-25 applikazzjoni l-oħra ġew aċċettati kollha. L-iskema ma kinitx tipprovdi għall-għoti ta’ fondi iżda għall-installazzjoni ta’ sistemi ta’ pannelli. Dawn l-applikazzjonijiet issa se jiġu assorbiti minn skema ġdida li ser tkun amministrata mill-EWA u li dwarha se ssir laqgħa mal-applikanti kollha fil-jiem li ġejjin.

Birżebbuġa — Xogħlijiet/Proġetti ġewwa l-Qajjenza

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhuma x-xogħlijiet u/jew proġetti li hemm il-ħsieb li jsiru fl-area fejn qabel kien hemm l-impjant tal-gass ġewwa l-Qajjenza, Birżebbuġa? Tista' l-Ministru tgħid ukoll jekk sarux konsultazzjonijiet mar-residenti u mal-Kunsill Lokali ta' Birżebbuġa f'dan ir-rigward?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li peress li l-Enemalta hija biss parti waħda mis-sidien tal-art indikata, qegħdin isiru diskussjonijiet mas-sidien l-oħra, pubbliċi u privati, sabiex jinstab l-aħjar użu alternattiv għal din l-art.

Project Green — Nefqa Totali

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 11667 u tgħid mill-bidu tas-sena 2023, sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari x’kienet in-nefqa totali ta’ Project Green, u minn din in-nefqa kemm kienet in-nefqa fir-remunerazzjoni tal-istaff, ħaddiema u amministrazzjoni, u kemm kienet in-nefqa totali f'reklamar u marketing (inkluż dak stampat, online, social media, ritratti, videos eċċ)?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li n-nefqa totali ta’ Project Green fuq ir-remunerazzjoni tal-istaff, ħaddiema u amministrazzjoni ammontat għal €2,033,264. Rigward il-kumplament tal-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant nirreferih għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 11078.

Ambjent Malta — Environmental Rangers

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il environmental ranger hemm ma’ Ambjent Malta?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma’ Ambjent Malta, fi ħdan dan il-Ministeru, hemm 8 Wardens (Environment) li huma impjegati full-time. Dawn huma mqassmin hekk: · 4 jagħmlu xogħol ta’ monitoraġġ u mmaniġġar ġewwa siti ta’ Natura 2000 · Wieħed stazzjonat ġewwa l-mixtla ta’ Ambjent Malta. · 3 huma mislufin lil Birdlife Malta u qegħdin stazzjonati ġewwa s-Salini Salt pens. Ninsab infurmata li Ambjent Malta qiegħda b’mod kontinwu toħroġ sejħiet pubbliċi għall-ingaġġ ta’ Wardens (Environment) biex jaħdmu bħala uffiċjali pubbliċi fil-qasam ambjentali. Minħabba l-esiġenza u anke nuqqas ta’ rispons għal dawn is-sejħiet pubbliċi, Ambjent Malta ħarġet sejħa pubblika biex jingħata servizz mill-privat ta’ Assistant Rangers li xogħolhom huwa li jassistu lill-Wardens (Environment) li jaħdmu ma’ Ambjent Malta. Għaldaqstant, fil-preżent hemm ukoll 9 Assistant Rangers li huma ingaġġati min-naħa tal-kuntrattur u qegħdin jagħmlu xogħol ta’ monitoraġġ, tneħħija ta’ materjal mormi llegalment u assistenza oħra lill-Wardens (Environment).

Ambjent Malta — Environmental Rangers - Rekwiżiti

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhuma r-rekwiżiti li jiġu mitluba mill-kandidati qabel ma jiġu ingaġġati bħala environmental rangers, u jekk jiġix ikkunsidrat jekk kellhomx xi kontravenzjonijiet ambjentali fil-passat?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lili-Onor. Interpellant li l-Wardens (Environment) li huma ingaġġati ma’ Ambjent Malta fi ħdan dan il-Ministeru daħlu mas-servizz pubbliku wara sejħa għall-ingaġġ. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, kopja tas-sejħa li ħarġet li fiha hemm inkluż it-termini u l-kundizzjonijiet marbutin ma’ din il-pożizzjoni flimkien mal-lista ta’ dmirijiet li għandhom l-istess Wardens (Environment). Waħda mir-rekwiżiti hija li kull applikant irid jippreżenta Kondotta tal-Pulizija maħruġa mhux aktar tard minn xahar mid-data tas-sejħa.

Environmental Rangers — Rapporti lill Pulizija

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il rapport sar mill-environmental rangers mal-Pulizija minn meta beda l-proġett pilota fl-2020?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Wardens (Environment) li huma ngaġġati ma’ Ambjent Malta jagħmlu xogħol ta’ monitoraġġ u maniġġjar ġewwa siti ta’ Natura 2000. L-għan primarju ta’ dawn l-uffiċjali huwa l-edukazzjoni lill-pubbliku u disseminazzjoni ta’ informazzjoni relatata ma’ żoni ta’ Natura 2000 flimkien ma’ siti oħrajn li għandhom valuri ambjentali. Matul il-ħidma tagħhom jagħmlu kuntatt mal-Pulizija u entitajiet oħrajn biex jiġu mitluba jintervjenu f’każijiet bħalma huwa kkampjar illegali, offroading u attivitajiet minn massa ta’ nies li jistgħu jkunu qed jagħmlu dannu lill-ambjent naturali. Ninsab infurmata li minn meta nbeda l-proġett pilota l-Wardens (Environment) għamlu 34 rapport lill-Pulizija.