Tista’ l-Ministru tgħid x’qed iwassal biex numru ta’ djar fl-inħawi ta’ Triq Salvu Gatt, il-Mosta, qed ikollhom il-vultaġġ jitla’ u jinżel spiss? Tista’ tgħid ukoll meta hu ppjanat li din il-problema tissolva għal kollox?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li fiż-żona indikata kien hemm ħsara fuq feeder partikolari u li din issewwiet. Infurmata wkoll li Enemalta qed tippjana li f’din iż-żona jsiru iktar feeders.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk sarux tentattivi mill-Enemalta, mal-Operaturi involuti jew mill-Gvern Malti mal-Kummissjoni Ewropea, sabiex Malta tingħaqad mal-pipeline tal-idroġenu li hu ppjanat mill-Alġerija għall-Ġermanja via t-Tuneżija, l-Italja u l-Awstrija, magħruf bħala South H2 Corridor, u li ġie kkonfermat bħala Project of Common Interest mill-Kummissjoni Ewropea?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara li fl-2022–2023 tlestew l-istudji neċessarji, l-Gvern ħa l-passi meħtieġa biex id-disinn tal-proġett tal-pipeline bejn Malta u Gela fi Sqallija jiġi rivedut u aġġornat biex il-pipeline ikun jista’ jintuża wkoll għall-idroġenu bħala pipeline
“hydrogen-ready”
. Dawn l-istudji servew mhux biss biex jiġi modifikat id-disinn tal-pipeline, iżda wkoll għamlu possibbli l-valutazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea li permezz tagħha l-proġett żamm postu fil-lista tal-Proġetti ta’ Interess Komuni (PCI).
Bħala parti minn din il-valutazzjoni, tqies ukoll il-Proġett
South H₂ Corridor
– proġett maħsub biex jittrasmetti l-idroġenu mill-Afrika ta’ Fuq għall-Ewropa u li jgħaddi mill-infrastruttura tal-gass f’Enna (fi Sqallija), li diġà hija konnessa ma’ Gela fin-netwerk tal-gass ta’ Sqallija. Għalhekk, fil-każ li dan il-proġett
South H₂ Corridor
jimmaterjalizza, u kif semmejt qiegħed fil-lista tal-PCI, hemm il-potenzjal li l-
Melita TransGas
hydrogen-ready pipeline bejn Malta u Sqallija jkun jista’ jqassam l-idroġenu minn Gela permezz ta’ dan il-
Corridor
. Għaldaqstant, il-Gvern qed jissorvelja mill-qrib il-progress ta’ dan il-proġett u d-disponibilità tal-idroġenu fi Sqallija.
Tista' l-Ministru tgħid kemm hawn fabbriki f'pajjiżna li għadhom jużaw il-Heavy Fuel Oil?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li d-duħħan mill-użu ta’ fjuwil klassifikat bħala żejt kurburanti tqil huwa regolat mill-Att dwar l-Arja Pura (KAP200) u l-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 200.01 Regolamenti dwar Perjodi Permessi għal Duħħan Sewdieni. L-użu ta’ żjut karburanti tqal, li l-kontenut ta’ kubrit tagħhom jeċċedi l-1% skont il-massa huwa projbit f’Malta. Ninsab infurmata li hemm 15-il kumpanija li jew għandhom awtorizzazzjoni jew applikazzjoni għaddejja għall-ħażna ta’ dan it-tip ta’ fjuwil.
Tista' l-Ministru tgħid x’xogħlijiet qed isiru fil-parti ta' isfel ta' Triq San Mikiel fl-Iklin u mil-liema entità? Tista’ tgħid ukoll meta huwa mistenni li jitlesta x-xogħol u x'miżuri qed jittieħdu sabiex ma jikkawżax periklu għas-sewwieqa u għar-residenti fl-akkwata?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għaddejja bi proġett li mistenni jitlesta fix-xhur li ġejjin u li jikkonsisti f’xogħlijiet ta’ tkabbir u rerouting tal-mejn li qed jilqa’ d-drenaġġ minn Naxxar u t-telgħa tal-Iklin fi Triq Ġeronimo Abos, l-Iklin. Bħalma jsir f’kull proġett li twettaq, il-Korporazzjoni dejjem tassigura li jiġi evitat kull periklu għall-pubbliku u jkunu mħarsa r-regolamenti dwar saħħa u sigurtà.
App ‘Charge my Ride’ - Dħul mill-kuntrattur lill-Ministeru
Question
B’referenza għar-rapport ta’ segwitu tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO), li juri li għalkemm l-app ‘Charge my Ride’ tnediet f’Ottubru 2021, sa nofs Ġunju 2025 l-ebda dħul ma kien għadu ġie trasferit mill-kuntrattur lill-Ministeru, filwaqt li l-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma (EWA) stmat li l-flus iġġenerati bejn Ottubru 2021 u Frar 2025 huma ta’ madwar €1.05 miljun:
Tista’ l-Ministru tgħid:
i. jekk sal-lum id-dħul ġiex trasferit lill-Ministeru;
ii. kemm hu l-ammont eżatt u totali dovut lill-Gvern sal-aħħar perjodu disponibbli;
iii. x’inhi d-data meta l-Ministeru huwa mistenni li jirċievi l-ewwel trasferiment u l-ħlasijiet kollha pendenti; u
iv. f’liema stadju wasal il-proċess ta’ rikonċiljazzjoni li, skont l-NAO, kien qed isir minn Certified Public Accountant għall-perjodu bejn Jannar u Awwissu 2024, u x’kien l-eżitu ta’ dan l-eżerċizzju?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni qed tinġabar.
B’referenza għar-rapport tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO), li jgħid li l-kuntratt kien jinkludi ammont ta’ €16,000 (eskluż il-VAT) li kellu jitħallas mill-kuntrattur għall-ispare parts, iżda l-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma (EWA) ma kellhiex dokumentazzjoni dwar jekk dan l-ammont ġiex assorbit mill-kuntrattur, u li l-istess Aġenzija ħallset €83,971 fi spare parts bejn l-2023 u l-2024, tista’ l-Ministru tgħid:
i. jekk il-kuntrattur assorbiex jew le l-ammont ta’ €16,000 kif stipulat;
ii. jekk ir-risposta hija fin-negattiv, x’kienet ir-raġuni għalfejn dan ma sarx; u
iii. x’passi ttieħdu jew se jittieħdu biex jiġu rkuprati s-somom dovuti lill-Gvern?
Tista’ tipprovdi wkoll break down dettaljat tat-€83,971 li ntefqu mill-Aġenzija, billi tindika s-siti fejn intużaw, it-tip ta’ spare parts mixtrija, u l-perjodi ta’ meta saru dawn il-ħlasijiet?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li l-figura ta’ €16,000 (eskluża l-VAT) li qed tiġi kkwotata hija figura li, fi żmien li kien qed isir l-ewwel eżerċizzju ta’ verifika mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) bejn l-2021 u l-2022, kienet diġà meqjusa assorbita; tant hu hekk li fl-istess żmien kienet issir manutenzjoni bl-użu ta’ spare parts li kienu disponibbli. Imbagħad, fl-2023 u l-2024, kif anke jirriżulta mill-Follow-up Audit innifsu, l-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma, li fil-frattemp kienet ħadet f’idejha l-proġett tal-installazzjoni taċ-charging pillars pubbliċi, ħallset is-somma ta’ €83,971 fi spare parts. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra informazzjoni dwar l-istock ta’ spare parts li ġie kopert bl-ispiża msemmija u li parti minnu għadu disponibbli biex jintuża għall-ħtiġijiet futuri.
Fid-dawl ta’ rapport tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO), li jindika li l-kuntratti għaċ-charging pillars li ġew installati qabel Lulju 2022 ma kinux koperti b’garanzija tal-prestazzjoni valida, tista’ l-Ministru tgħid:
i. għal liema perjodu eżatt ma kienx hemm garanziji validi;
ii. kemm-il charging pillar kien affettwat minn dan in-nuqqas;
iii. x’riskju finanzjarju jew operattiv ġarrab il-Gvern jew l-entità konċernata; u
iv. x’miżuri ttieħdu biex jiġu mitigati dawn ir-riskji jew biex jiġu rkuprati spejjeż, jekk kien hemm?
Response (DALLI, MIRIAM)
Niġbed l-attenzjoni tal-Onor. Interpellanta, li mill-informazzjoni li ngħatatli, jidher li hija qed tikkwota minn rapport dwar l-eżitu tal-ewwel eżerċizzju ta’ verifika mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) li sar bejn l-2021 u l-2022. Ninfurmaha wkoll li sadanittant, fl-2025 kien sar follow-up audit min-NAO u dan sab li fil-frattemp kienu ġew implimentati linji gwida dwar l-amministrazzjoni tal-garanziji tal-prestazzjoni. Ninsab infurmata li qabel Lulju 2022 kien hemm garanziji li kienu qed jiġu amministrati minn Transport Malta bħala l-Awtorità Kontraenti oriġinali u li kwalunkwe interruzzjoni li seta’ kien hemm ġiet solvuta f’Lulju 2022.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29408, tista’ l-Ministru tispjega x’jitqies formalment bħala rapport lill-Awtorità jew lill-entità responsabbli rigward iċ-charging pillars, u b’mod partikolari jekk messaġġ fuq WhatsApp jew fuq mezzi simili ta’ komunikazzjoni jitqies bħala rapport validu, jew jekk hemmx xi rekwiżiti speċifiċi (bħal formola, email, hotline jew sistema online) biex ir-rapport ikun jista’ jiġi rreġistrat u pproċessat?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li l-kuntrattur privat li jopera ċ-charging pillars joffri diversi modi kif wieħed jista’ jagħmel rapport dwarhom. Dan jista’ jsir kemm bit-telefon, bil-WhatsApp, b’email, jew permezz tal-formula diġitali li hemm fiċ-Charge My Ride app kif ukoll fuq il-website Chargemyride.mt. Biex jiġi proċessat trid tiġi mgħoddija l-informazzjoni neċessarja skont il-każ li jkun qed jiġi rappurtat.
Segretarjat għall-Indafa Pubblika – Infiq fuq reklamar u promozzjoni
Question
Tista’ l-Ministru, permezz tas-Segretarju Parlamentari għall-Indafa Pubblika tipprovdi dettalji dwar l-ammont totali ta’ infiq fuq reklamar u promozzjoni, kemm mill-Uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari kif ukoll mid-dipartimenti u awtoritajiet kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, mill-2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena? Tista’ tgħid ukoll:
i. it-tip ta’ promozzjoni (eż. midja stampata, midja online, billboard, influencer, sponsored posts, eċċ.);
ii. data tal-publikazzjoni, promozzjoni, kampanja, eċċ.; u
iii. ammont totali tal-infiq
Tista’ l-Ministru tgħid x’direttivi tal-Unjoni Ewropea ġew jew mistennija li jiġu implimentati mill-Ministeru tagħha matul l-ewwel sitt xhur tas-sena 2026 u liema huma dawk li għadhom pendenti sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’hemmx direttivi li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika u li d-data ta’ skadenza għat-traspożizzjoni tagħhom taħbat fl-ewwel sitt xhur tas-sena 2026.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm kienet in-nefqa ta’ Project Green fuq reklamar, promozzjoni, attivitajiet, midja soċjali, billboards, retainers, print media, web advertising u kwalunkwe tip ieħor ta’ kampanji promozzjonali, u nefqa relatata ma' PR, mill-bidu tal-aġenzija sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba li għadni kemm tajt għall-istess mistoqsija ta’ kollega tagħha bin-numru 34271.
Project Green – Xiri u tħawwil ta’ siġar u arbuxelli
Question
Tista’ l-Ministru tagħti l-ammont totali ta’ infiq ta’ Project Green għal xiri u tħawwil ta’ siġar u arbuxelli, mill-2023 sal-aħħar tal-2025, maqsuma separatament għal kull sena?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba li għadni kemm tajt għall-istess mistoqsija ta’ kollega tagħha bin-numru 34270.
Is-Swieqi u l-Madliena – Public EV charging pillars
Question
Tista’ l-Ministru tgħid meta hemm il-ħsieb li jitwaħħlu public EV charging pillars ġewwa s-Swieqi u l-Madliena, fid-dawl li għad m’hemmx charging pillars f’dawn il-lokalitajiet?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fis-Swieqi diġà hemm 10 charging points għall-użu pubbliku, kif ukoll sitt charging points oħra li kienu tal-GoTo u li qegħdin fil-proċess biex jiġu rijattivati. Ninsab infurmata li ġew identifikati wkoll numru ta’ siti oħrajn fis-Swieqi u l-Madliena fejn jistgħu jitwaħħlu charging pillars ġodda għall-pubbliku.
San Ġiljan - Triq Wied Għomor u Triq Forrest - Xogħlijiet
Question
Fid-dawl ta’ rapport li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament dwar bracket bil-wires tad-dawl li qed jinqala’ minn mal-faċċata tal-indirizz li d-dettalji dwaru wkoll qed jingħataw separatament, tista’ l-Ministru tara li dan il-bracket jittranġa? Tista’ tgħid ukoll jekk l-Enemalta tagħmilx tajjeb fl-eventwalità ta’ ħsara lil terzi?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li n-numru tan-notifika provdut mill-Onor. Interpellant ma jikkorrispondi mal-ebda rapport. L-unika rapport li kien hemm fir-rigward tat-toroq indikati f’din il-mistoqsija kien jirrigwardja ‘dangerous aerial lines’ li, skont ma jien infurmata, rriżulta li huma ta’ terzi u mhux tal-Enemalta.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 34124, tista’ l-Ministru tgħid x’kienet it-tip ta’ ħsara lokalizzata jew manutenzjoni fi Triq il-Wied u f’partijiet oħra tal-Iklin imsemmija f’kull waħda minn dawn l-istanzi:
- 27 ta’ Novembru 2025 bejn 1am - 9am;
- 4 ta’ Diċembru mal-lejl;
- 4 ta’ Diċembru bejn 3.15pm - 8pm;
- 5 ta’ Diċembru bejn 7am u 12.15pm;
- 9 ta’ Diċembru;
- 18 ta’ Diċembru, manutenzjoni ppjanata bejn 10pm-5am;
- 31 ta’ Diċembru bejn 11.15am - 1.30pm; u
- 2 ta’ Frar 2026, ippjanata bejn 8.30am - 2pm, imma s-servizz ġie lura fl-4pm?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li fiż-żona indikata żviluppaw ħsarat fuq feeder partikolari. Għaldaqstant, apparti li saru xogħlijiet fuq tiswija ta’ dan il-feeder sar ukoll rinfurzar tas-sistema b’feeder ġdid u manutenzjoni fuq is-sistema inġenerali. Kull meta kien possibbli, dawn ix-xogħlijiet saru mal-lejl biex l-inkonvenjent kien mill-inqas possibbli.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm kienet in-nefqa ta’ Project Green fuq reklamar, promozzjoni, attivitajiet, midja soċjali, billboards, retainers, print media, web advertising u kwalunkwe tip ieħor ta’ kampanji promozzjonali, u nefqa relatata ma’ PR, mill-bidu tal-aġenzija sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 33119 u 34058.
Project Green - Xiri u tħawwil ta’ siġar u arbuxelli
Question
Tista’ l-Ministru tagħti l-ammont totali ta’ infiq ta’ Project Green għal xiri u tħawwil ta’ siġar u arbuxelli mill-2023 sal-aħħar tal-2025, maqsuma separatament għal kull sena?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li matul din il-leġiżlatura sa tmiem l-2025, l-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika kif ukoll entitajiet li jaqgħu taħt Ministeri oħrajn bejniethom ħawlu madwar 60,000 siġra u aktar minn 100,000 arbuxell.
Project Green waħedha investiet €464,001 f’siġar u arbuxelli mill-2023 sal-2025. Dan l-investiment kien maqsum hekk: €65,000 fl-2023, €92,500 fl-2024 u €306,501 fl-2025.
Tista' l-Ministru tgħid jekk kienx hemm każijiet mill-2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, fejn il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) provdiet is-servizz tal-ilma u d-drenaġġ qabel ma nħareġ compliance certificate tal-post fejn ingħata? Jekk iva, tista' tgħid kemm kien hemm minn dawn il-każijiet u tgħid x'kienu r-raġunijiet għalfejn ingħata dan it-tip ta' permess?
Tista' l-Ministru tgħid jekk kienx hemm każijiet mill-2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, fejn l-Enemalta provdiet is-servizz tal-elettriku qabel ma nħareġ compliance certificate tal-post fejn twaħħlu? Jekk iva, tista' tgħid kemm kien hemm minn dawn il-każijiet u tgħid x'kienu r-raġunijiet għalfejn ingħata dan it-tip ta' permess?