Legislature:
Category:
Reset
Active:

Recycling Performances ta’ Malta

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16189 u jippubblika figuri li juri r-recycling performance ta' pajjiżna minn 2013 sa issa sena b’sena u jekk id-data neċessarja tal-waste streams tagħna dejjem kenitx available fil-ħin lill-Unjoni Ewropea? Jista' jgħid jekk Malta jew qattx talbet u/jew ingħatat xi perjodu tranżitorju biex tilħaq dawn ir-recycling targets? Jista' jagħmel dan b’mod komparattiv mal-istati membri ġodda li ssieħbu fl-Unjoni Ewropea fl-istess żmien tagħna?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Ministeru għall-Ambjent, Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar – PR u media events organizzati

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16200 u jgħid mill-2017 sal-lum, xahar b’xahar, kemm ġew organizzati PR u media events mill-Ministeru tiegħu? Kemm kienet l-ispiża ta’ kull attività u kemm kienet in-nefqa totali ta’ dawn l-attivitajiet? Min kienu l-kuntratturi li ħadmu fuq dawn l-attivitajiet u jekk dawn intgħażlux wara sejħa pubblika?

Response (FARRUGIA, AARON)

Kif l-Onor. Interpellant huwa żgur konxju t-tagħrif speċifiku mitlub diffiċli li jinġabar mingħajr ma jinvolvi spejjeż oħrajn li mhumiex relatati. Ninfurmah li l-organizzazzjoni ta’ attivitajiet simili spiss tinvolvi xogħol u materjali li jintużaw aktar minn darba, speċjalment f’kampanji li jtulu. L-ispejjeż ivarjaw għal kull attività.

Il-Magħtab — bini tal-Inċineratur - effetti fuq il-baħar tal-madwar

Question

B’referenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 21156 dwar studju fuq l-effett fuq il-baħar tal-madwar li ser iħalli l-bini tal-inċineratur fiż-Żona tal-Magħtab, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-istudju relatat ma’ dan is-suġġett u fl-istess waqt jindika liema hi “l-aqwa teknoloġija disponibbli” li Wasteserv ser tkun qed taddotta?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, bħala parti mit-tweġiba li tajtu għall-Mistoqsija Parlamentari 21156, poġġejt diġà fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ sommarju eżekuttiv ta’ sittin faċċata li, fost l-oħrajn, jitratta l-ekoloġija martittima, l-istudju ta’ qiegħ il-baħar u l-kunsiderazzjonijiet li ttieħdu sabiex jiġi ddisinjat pipeline apposta li jassigura li l-ambjent marittimu ma ssirlux ħsara bil-ħruġ ta’ ilma sħun. Irrid nispjega li, kuntrarju għal dak li kien sar meta nbniet l-ewwel power station f’Delimara, fejn l-ilma sħun beda jiżbokka max-xatt tal-Ħofriet, l-outfall tal-impjant tal-Waste to Energy hu propost li jkollu tul ta’ kilometru u li jkun mgħammar ukoll b’diffuser apposta sabiex, anke bil-kurrent tal-baħar, issir l-aqwa dispersion possibbli. Ir-rotta proposta għall-pipeline kienet suġġetta wkoll għal analiżi batimetrika sabiex għal darboħra l-impatt ambjentali ikun minimu. Minbarra s-sommarju msemmi, kif anke spjegajt fit-tweġiba li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant, l-istudji voluminużi li diġà saru huma disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit elettroniku tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (https://era.org.mt/era-project/pa03012-20/). F’dawn l-istudji, fir-rigward tal-effetti fuq l-ambjent marittimu, wieħed jista’ jikkonsulta erba’ dokumenti ewlenin. Dawn huma msejħa (i) AA (Appropriate Assessment), (ii) Volume 1 Coordinated report: Environmental Impact Assessment, (iii) Volume 2 Non-technical summaries (Maltese & English) u (iv) Volume 3 Appendices: Appendix VI Ecology. F’dak li jikkonċerna l-għażla tat-teknoloġija l-istudju pertinenti huwa l-EIA Coordinated Report, li f’sezzjoni 4.3 jitratta t-teknoloġiji alternattivi.

Environment Impact Assessment mill-Wasteserve dwar il-bini tal-inċineratur fil-Magħtab

Question

B’referenza għan-nuqqas ta’ risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 21154 jista’ l-Ministru jindika min ser jerfa’ r-responsabbilità politika u amministrattiva dwar in-nuqqas ta’ due diligence li saret mill-Wasteserv dwar l-għażla tal-kumpanija/persuna sabiex jagħmel il-Valutazzjoni tal-Impatti Ambjentali (EIA) dwar l-inċineratur fil-Magħtab, liema għażla fissret spiża addizzjonali fuq il-poplu Malti tal-inqas €10,000 u dan li wara sar magħruf li kien hemm kunflitt ta’ interess?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninsab infurmat li, dwar il-każ li qed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant, ġiet ippreżentata fil-Qorti ittra ġudizzjarja. Għaldaqstant, f’dan l-istadju, ma nħossx li jkun għaqli li nżid kummenti oħra mat-tweġiba li diġà tajt għall-mistoqsija parlamentari 21154.

Wasteserve — żieda fil-ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 21158 u jindika kemm żdied l-ammont ta’ ħaddiema li hemm jaħdmu mal-kumpanija Wastserv, xahar b’xahar, bejn Jannar 2017 u April 2021?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. interpellant li t-tagħrif jingħata f’xi seduta oħra.

Tisbiħ ta’ post – każ ta’ persuna

Question

Jista’ l-Ministru jara l-każ li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament rigward tisbiħ ta’ post?

Response (FARRUGIA, AARON)

PA- L-Awtorità tal-Ippjanar tikkonferma li fuq is-sit indikat m’hemmx permess jew applikazjoni ta’ żvilupp għal tisbiħ taż-żona indikata.

Għawdex – applikazzjonijiet għal żvilupp

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' applikazzjonijiet għal żvilupp li ġew sottomessi mal-Awtorità tal-Ippjanar għal żvilupp f'Għawdex sena b'sena mill-2013 sal-lum? Jista' jgħid ukoll kemm minn dawn kienu għal żvilupp barra ż-żoni tal-iżvilupp u kemm minnhom fiż-żoni ta’ żvilupp? Jista' jgħid kemm minnhom ġew approvati u kemm minnhom ġew miċħuda?

Response (FARRUGIA, AARON)

Nitlob lill-Onor. Interpallant jirreferi għat-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Ambjent, Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar – ingaġġ ta’ impjegati

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16113 u jgħid kemm daħlu impjegati ġodda mal-entitajiet u korporazzjonijiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu bejn Ġunju 2017 u Diċembru 2019, xahar b'xahar u skont il-grad?

Response (FARRUGIA, AARON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba li kont tajt għall-Mistoqsija Parlamentari 14913.

Ministeru għall-Ambjent, Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar — Kumpaniji u entitajiet – chairpersons u diretturi

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16114 u jgħid min huma ċ-chairpersons u diretturi ta' kull kumpanija u entità li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li nħatru wara l-10 ta' Jannar 2020? Jista' jgħid x'remunerazzjoni u benefiċċji oħra għandu kull wieħed minnhom?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Ambjent, Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar – Irġiel bil-parental leave

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16115 u jgħid kemm kien hemm irġiel li jaħdmu fis-setturi li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu fuq parental leave fis-snin 2013, 2014, 2015, 2016, 2017, 2018 u 2019? Kemm hemm irġiel fuq parental leave din is-sena? Kemm minn dawn it-talbiet intlaqgħu? Jista' jgħid f'kull każ kemm damu bil-parental leave?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul il-perjodu msemmi, iġifieri mill-2013 ’il quddiem, fil-Ministeru kollu, inklużi l-entitajiet, kien hemm biss impjegat raġel wieħed (1) li għamel użu mill-Parental Leave. L-impjegat imsemmi ħareġ fuq Parental Leave għal perjodu ta’ tliet xhur fl-2017. Minbarra dan il-każ ma kienx hemm talbiet oħrajn għall-Parental Leave minn impjegati rġiel.

Ministeru għall-Ambjent, Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar – Nefqa fuq mobile phones

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16118 u jgħid kemm kienet in-nefqa globali għall-mobile phones tal-Ministeru u fid-dekasteru li jaqa’ taħtu matul is-snin 2018, 2019 u 2020 s’issa?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif mitlub qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Ambjent, Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar – ħlasijiet lill-kuntratturi

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16144 u jgħid illum kemm huwa kkalkulat f'ċifra ta' flus globali l-ħlasijiet li l-Ministeru jrid jgħaddi lill-kuntratturi li jissuplixxu s-servizzi u l-provvisti abbażi ta' tenders li ttieħdu mill-istess kuntratturi u kumpaniji mill-ministeri u dekasteri eċċ. li jaqgħu taħtu?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Ammont ta’ skart għar-riċiklaġġ miġbur

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16154 u jagħti tagħrif dwar l-ammont ta' skart għar-riċiklaġġ li nġabar, lokalità b’lokalità, f’din il-leġiżlatura maqsuma xahar b’xahar?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif mitlub qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Awtorità tal-Ippjanar – Xemxija – binjiet mhux kompluti jew siti ta’ kostruzzjoni – ħitan adegwat

Question

Jista’ l-Ministru jara li l-Awtorità tal-Ippjanar tieħu l-passi li tagħtiha l-liġi sabiex binjiet mhux kompluti jew siti ta’ kostruzzjoni fix-Xemxija, isirulhom ħitan adegwati sabiex jiġu evitati perikli u inkonvenjent varji bla bżonn għar-residenti?

Response (FARRUGIA, AARON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jispeċifika liema huma dawn is-siti li qed jirreferi għalihom.

Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar — persons of trust u positions of trust

Question

Jista’ l-Ministru jindika n-numru ta’ persons of trust u positions of trust li hemm f’kull entità fi ħdan il-Ministeru tiegħu, fil-ġurnata li fiha qed issir din l-interpellanza?

Response (FARRUGIA, AARON)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari 20982.

ERA – Tal-Kus waste transfer station – tender

Question

Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar it-tender li ħarġet dan l-aħħar ġranet bl-isem 'Service tender monitoring based on the environmental permit issued by ERA for Tal-Kus waste transfer station'? Jista’ jgħid min kien qed jagħti u jagħmel dan is-servizz f'dawn l-aħħar 5 snin u kemm tħallas u kif intgħażel biex jagħmel dan ix-xogħol ta' monitoraġġ?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tender imsemmi għandu l-għan li jipprovdi għall-monitoraġġ tal-emissjonijiet fl-atmosfera taż-żona esterna tal-faċilità għat-trasferiment tal-iskart f’Tal-Kus. L-offerti se jibqgħu jintlaqgħu sas-27 ta’ Mejju 2021 u imbagħad l-aġġudikazzjoni se ssir fuq il-kriterju tal-orħos offerta konformi mal-ispeċifikazzjonijiet. Ninformah ukoll li fl-2016 u l-2017 il-kuntrattur li bena l-impjant kien responsabbli għall-faċilità filwaqt li fis-snin sussegwenti t-tali monitoraġġ sar minn Dr Robert Cortis, għall-prezz ta’ EUR 3,540, u EMC Monitoring and Consultancy, għall-prezz ta’ EUR 3,245. Fil-preżent il-monitoraġġ qed isir minn Dr Robert Cortis b’nefqa massima ta’ EUR 5,310. Il-figuri kkwotati jinkludu l-VAT u l-għażla tal-operaturi saret wara li nkisbu stimi u ntagħżlet l-orħos offerta minn fost dawk li kienu konformi mal-ispeċifikazzjonijiet.

Trattament ta' Skart Kimiku

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif kien qed jiġi trattat l-iskart kimiku bejn Jannar u April 2021?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninsab infurmat li l-iskart kimiku li jidħol għand il-WasteServ jiġi pproċessat primarjament b’żewġ metodi. L-iskart li hu kopert mill-kapaċità tal-inċineratur tal-Marsa, jiġifieri dak li fil-proċess tal-inċinerazzjoni ma jikkawża l-ebda ħsara u/jew periklu, jidħol fil-faċilità u jinħadem skont il-permess tal-Prevenzjoni u l-Kontroll Integrati tat-Tniġġis (IPPC). L-iskart l-ieħor jiġi esportat lejn faċilitajiet liċenzjati.

Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar – uffiċjali li jużaw karozzi tal-awtoritajiet għal użu personali

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 13860 u jgħid fl-awtoritajiet/entitajiet kollha li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu, kemm hemm uffiċjali li għandhom karozza tal-awtorità għall-użu personali tagħhom? Mingħajr ma jsemmi ismijiet, jista' jindika l-kariga li jokkupaw? Kemm minnhom qegħdin jaħdmu fil-qasam tal-ippjanar u kemm fil-qasam tal-ambjent?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Polluter Pays Principle – Cost Benefit Analysis

Question

PJista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 14799 u ċjoè: peress li r-regoli stabbiliti, inkluż dawk li joħorġu minn direttivi Ewropei, jisħqu fuq il-Polluter Pays Principle u peress li l-Gvern ser jagħlaq Sant'Antnin wara biss ftit żmien jopera, jista' l-Ministru jikkonferma kif ser japplika l-Polluter Pays Principle tul l-operat ta' dawn l-impjanti ġodda, ċjoè, għal għoxrin sena li ġejjin? Fid-dawl ta' dan, jista’ jippubblika l-Cost Benefit Analysis li għamel għal kull wieħed minn dawn l-impjanti ġodda ħalli l-poplu Malti jkun jaf x'qed jippjana l-Gvern fuq il-finanzjament ta' dawn il-proġetti?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma l-Onor. Interpellant, li l-għeluq tal-faċilità ta' Sant Antnin huwa parti mill-Mandat Elettorali u nikkonfermaw li se n¿ommu din il-wegħda. Kuntrarjament għall-politika antika, aħna determinati li nwettqu dak li ġie imwiegħed biex b’hekk inħallu lil uliedna ambjent aħjar milli sibna aħna. Il-prinċipju li min iniġġes iħallas diġà huwa implementat fil-qafas leġiżlattiv tal-skart u tisħieħ tiegħu qed jiġi kkontemplat fil-Pjan ta’ Ġestjoni tal-Iskart il-ġdid li jikkunsidra wkoll reġim ta’ ħlasijiet differenzjati li jimplimentaw l-aħjar prattiki biex jintlaħaq dan il-għan. Il-proġetti kollha li qed jitwettqu minn WSM kollha għandhom CBA li permezz tiegħu tintgħażel l-aħjar soluzzjoni, u nikkonfermaw li l-ħlasijiet differenzjati huma inklużi wkoll f'dawn l-istudji. Madankollu, m’aħniex f’pożizzjoni li nippublikaw l-ebda wieħed minn dawn is-CBAs sabiex tiġi evitata kwalunkwe interferenza mal-akkwist attiv ta’ dawn l-impjanti.