Legislature:
Category:
Reset
Active:

Pitkalija – CCTV camera

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta kien l-aħħar investiment f'sistema ta' CCTV cameras fil-Pitkalija u kemm intefqu flus? Jista’ jgħid jekk l-installazjoni ta' dawn is-CCTV Cameras ħallewx ir-riżultati mixtieqa?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lil Onor. Interpellant li ninsab infurmat li s-CCTV cameras li hemm fil-Pitkalija saru fil-bidu tal-2018 bi spiża ta’ ftit anqas minn €12,500 u li dawn qed jagħtu r-riżultat mixtieq għaliex qed jippermettu kontroll ħafna aħjar minn dak possibbli mingħajr cameras.

Skema Sort It Out – tqassim ta’ organic bins u bins

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm tqassmu organic bins u bins tal-iskema Sort It Out, minn meta nbdiet din l-iskema, sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tqassmu 147,475 organic bins mill-bidu tal-Proġett Pilota fis-sena 2015 sal-lum filwaqt li tqassmu 120,441 bins tal-iskema Sort It Out, minn meta bdiet din l-iskema fl-2018 sal-lum.

Derogi relatati mal-għasfur selvaġġ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew applikati derogi relatati mal-għasfur selvaġġ fl-2017 u fl-2018? Jista’ jgħid ukoll liema derogi relatati mal-għasfur selvaġġ ġew applikati fl-2017 u fl-2018?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella bl-informazzjoni mitluba

Kaċċaturi u nassaba liċenzjati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fil-preżent kemm hemm kaċċaturi liċenzjati? Jista’ jgħid ukoll fil-preżent kemm għandna nassaba liċenzjati?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-preżent, it-Taqsima tar-Regolamentazzjoni għall-Għasafar Selvaġġi għandha 12,161 individwu b’liċenzja valida għall-kaċċa u nsib. Hemm 10,637 liċenzja ġenerali tal-kaċċa (jinkludu kaċċa għall-għasafar minn fuq l-art, kaċċa għall-għasafar minn fuq il-baħar, kaċċa tal-fenek selvaġġ u qbid tal-fenek selvaġġ bix-xibka) u 4,537 liċenzja ġenerali tal-insib għall-għasafar. Individwu jista’ jkollu liċenzja tal-kaċċa kif ukoll tal-insib u għalhekk l-ammont ta’ liċenzji mhux bilfors jammonta għall-ammont ta’ individwi.

Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi – każijiet ta’ rqajja’ kbar, ħmieġ u ragħwa

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 8952 u jgħid, kemm irċeviet rapporti l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi dwar każijiet ta' rqajja’ kbar ta’ ħmieġ u ragħwa mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jagħti d-data ta' kull rapport, il-lokalità u/jew indikazzjoni tal-bajja u x'azzjoni ttieħdet dwar kull rapport?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella bl-informazzjoni mitluba.

Proġett ta’ Manoel Island — Telf ta’ veduti

Question

Peress li r-rapport tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) jirriserva d-dritt dwar il-landscape mix-Xatt tal-Gżira wara studju li sar mill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament li kkonkludiet li hemm bżonn ta’ tibdiliet sostanzjali fil-bini propost faċċata tax-Xatt tal-Gżira fuq il-veduti fir-rapport tagħha bħala parti mill-Environment Impact Assessment? Liema tibdil sar wara dawn ir-riżervi tal-ERA? Jaf li l-case officer tal-Planning Authority stess semma l-ħtieġa li l-landscape jiġi rivist?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jidher li hemm misinterpretazzjoni bejn it-termini landscape u landscaping. L-Awtorita’ tal-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) għamlet il-valutazzjoni tagħha dwar il-proġett abbażi ta’ Studju dwar l-Impatt Ambjentali (EIA) sottomess dwar l-applikazzjoni outline (PA 9407/18). Fir-rapport tagħha lill-Awtorita’ tal-Ippjanar, l-ERA nnutat li biex jittaffa l-impatt viżiv u biex l-iżvilupp jintegra ruħu aħjar fil-pajsaġġ ta’ madwaru, kien hemm bżonn ta’ landscaping plan. Huma d-dettalji tal-landscaping plan li kellhom bżonn jitħallew bħala materja riservata sabiex ikunu jistgħu jitqiesu fil-proċess Full tal-applikazzjoni. Wara dan, kien hemm xi tibdiliet fid-disinn tal-proġett. Dwar dawn, il-koordinatur tal-EIA ikkonfermaw li l-bidla ser ikollha tnaqqis tal-impatti viżivi minn ċerta viewpoints, waqt li l-impatti viżivi kienu ser jiżdiedu minn viewpoints oħra. Din in-nota kkonfermat li għalkemm kien hemm xi tibdil fl-impatti viżivi, l-impatti kif ġew assessjajti fl-EIA għadhom validi. Għaldaqstant, l-ERA ma kellhiex oġezzjoni fuq il-proposta kif ġiet riveduta. Il-mistoqsija dwar l-aspetti msemmijin mill-case officer tal-Awtorita’ tal-Ippjanar għandha tiġi indirizzata direttament lill-Awtorità tal-Ippjanar.

Ingaġġ ta’ uffiċċjal għoli mil-Litwanja — kuntratt

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda kopja tal-kuntratt ta’ ingaġġ jew impjieg tal-uffiċċjal għoli mil-Litwanja li qed jamministra l-iskema tar-ritorn tal-fliexken b’salarju u perkaċċi ta’ iktar minn €110,000 fis-sena? Kif saret l-għażla?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mhux minnu li ġie ingaġġat mill-Gvern xi persuna kif allegat fil-mistoqsija.

Il-Fgura — Triq Valperga - daħla għal Wied Blandun

Question

B'referenza għat-tweġibiet għall-mistoqsijiet parlamentari 7795 u 8235, jista’ l-Ministru jara li x-xogħol ikun konkluż, għaliex jirriżulta li parti biss mill-passaġġ tnaddfet u hija aċċessibbli?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li x-xogħol li kellu jsir fil-fatt għadu għaddej u għandu jkun lest fil-jiem li ġejjin.

Kumpless tal-Magħtab – ħruq – tmexxija ta’ inkjesta

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 9038, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport intern li huwa talab li jsir dwar il-ħruq li sar ġewwa l-kumpless tal-Magħtab nhar il-Ġimgħa 31 ta' Awwissu 2018?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari 9038, li fiha elenkajt il-konklużjonijiet tar-rapport, u allura f’dan l-istadju ma hemmx iżjed xi nżid.

ERA — negozji

Question

Jista' l-Ministru jgħid għala ċertu negozji (bħal dawk li jiddisponu minn tyres) rċevew ittra mill-ERA biex b’obbligu jattendu kors li għalih iridu jħallsu iżda li meta dawn ċemplu l-ERA biex jistaqsu dettalji dwar dati u ħinijiet intqal lilhom li l-ERA ma kinetx taf?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma l-Onor. Interpellant li negozji jew individwi li huma reġistrati ma’ l-ERA sabiex iġorru xi tip ta’ skart huma obbligati jagħmlu b’suċċess kors (skond AL 549.63) li ser ikun qed jingħata mill-MCAST. Dan il-kors jittratta aspetti relatati ma’ l-iskart u l-immaniġġjar tiegħu. L-ERA, bħala l Awtorità kompetenti għall-implementazzjoni tal-liġijiet ambjentali għandha obbligu li tirreġistra vetturi tal-ġarr ta’ l-iskart. Għaldaqstant, qiegħda tinforma lil dawk li preżentement għandhom vettura b’reġistrazzjoni valida dwar din il ħtieġa skont il-liġi hawn fuq imsemmija, dan permess ta’ ittra u telefonata. F’din il-komunika l-ERA tinforma lill-individwi dwar kif jikkuntattjaw l-MCAST sabiex jirreġistraw għall-kors. Minħabba li dan il-kors huwa organizzat mil-MCAST, dati u ħinijiet u dettalji prattiċi għal dan il-kors għandhom jiġu miksuba mill-MCAST.

Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima — aċċessibilità għall-persuni b’diżabilità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inizjattivi ttieħdu matul l-2018 u s’issa fl-2019 sabiex fil-Ministeru tiegħu u fl-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu, il-binjiet li minnhom joperaw, ikunu aktar aċċessibbli għal persuni b’diżabilità?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, fil-Ministeru tiegħi, il-binja fejn jinsab is-Segretarjat Permanenti diġà kienet attrezzata b’lift u faċilitajiet sanitarji għall-persuni b’diżabilità, madankollu matul l-2018 ġiet installata rampa fid-daħla ewlenija sabiex ikun hemm aċċess ħieles għar-reception. Fir-rigward tal-kumpanija Wasteserv (Malta) Ltd., matul l-2018, ġiet approvata estensjoni tal-uffiċini fil-Magħtab fejn fil-proċess tal-ippjanar saret konsultazzjoni mal-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità; dan sabiex l-aċċessibilità tkun assigurata. Inizjattivi oħra favur aktar aċċessibilità twettqu f’Hexagon House mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi. Dawn kienu jinkludu l-iddisinjar u t-twaħħil mill-ġdid ta’ faċilitajiet sanitarji sabiex f’kull livell tal-binja ikun hemm żewġ kmamar tal-banju aċċessibli għall-persuni b’diżabilità. Barra minn hekk saru xogħlijiet ta’ twessiegħ ta’ bibien u kurituri, tbaxxew l-iswiċċijiet tad-dawl u l-palm readers, u ġew allokati spazji ta’ parkeġġ għall-persuni b’diżabilità.

Kalkara – Bajja tar-Rinella – dog friendly beach

Question

Jista’ l-Ministru jara li d-dog friendly beach fil-Bajja tar-Rinella fil-Kalkara tkun tassew aċċessibbli, għax ilha iktar minn sentejn mirduma b’ġebel, ħadid u knaten, tant li hija eyesore u periklu?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi il-Mistoqsija lill-Minsiteru kkonċernat.

Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima – nefqa fuq reklamar fil-media

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 9427 u 8732 u ċjoè: Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa mill-Ministeru tiegħu u minn kwalsiasi entità li taqa’ taħtu f’reklamar fuq kull mezz tal-media bejn l-2004 u l-2018, maqsuma xahar b’xahar u mqassam kemm skont il-mezz ta’ reklamar (stampat, gazzetti, radju, TV, internet eċċ) kif ukoll il-benefiċjarju (eż. Facebook, LinkedIn, Allied, Mediatoday, eċċ)

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba tirrikjedi ammont sostanzjali ta ħin u riżorsi biex tinġabar u għaldqstant għandu jkun aktar speċifiku fit-talba tiegħu.

Birkirkara – Triq il-Knisja l-Qadima – dog bins, litter bins u tindif ta’ bankina

Question

Jista’ l-Ministru jara li jiżdiedu d-dog bins u litter bins fit-traffic island tal-parking space ta' Triq il-Knisja l-Qadima faċċata ta’ Triq Karm Zerafa, Birkirkara kif ukoll it-tindif ta' ħaxix ħażin li kiber mal-bankini fl-istess triq?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi il-Mistoqsija lill-Minsiteru kkonċernat.

Dipartiment tas-Sajd u tal-Akwakultura – permessi u kontrolli fuq l-operat tal-fish farms tat-tonn

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport ta' inkjesta mmexxija miċ-Chairperson li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament dwar l-operat tad-Dipartiment tas-Sajd u tal-Akwakultura fejn jikkonċerna l-permessi u l-kontrolli fuq l-operat tal-fish farms tat-tonn u li ġie ppreżentat nhar id-9 ta' Ġunju 2017?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lil Onor. Interpellant li fir-rigward tar-rapport ta’ inkjesta fejn tikkonċerna l-permessi u l-kontrolli fuq l-operat tal-fish farms tat-tonn, wieħed jista’ jifhem li fid-dawl ta’ l-iżviluppi reċenti fid-Dipartiment tas-Sajd u tal-Akwakultura, mhux għaqli li tiġi ppublikata l-inkjesta fl-intier tagħha minħabba li għaddejja investigazzjoni ulterjuri mill-Maġistrat Inkwerenti. Imma nista nippubblika l-konklużjonijiet tar-rapport hekk kif ġej: 1. ld-Dipartiment, bħala regolatur tal-akwakultura, għandu sistema ta' kontrolli fuq l-operaturi tal- fishfarms tat-tonn u l-proċess relatat, għalkemm inħass li hemm bżonn ta’ riżorsi ulterjuri tenut kont tal-mod qawwi Ii bih kibret l-industrija taI- fishharms tat-tonn f’Malta, partikolarment sabiex isiru l-kontrolli fuq il- fishfarms biex jiġi żgurat Ii mhux qed isir abbuż mill-operaturi. 2. ll-Bord ma sab l-ebda evidenza Ii tindika li l-proċess innifsu adottat mid-Dipartiment qed jagħti preferenza lil xi operatur partikolari a skapitu ta’ operaturi oħrajn. Jirriżulta li l-proċess huwa l-istess għall-operaturi kollha. 3. Il-Bord lanqas ma sab evidenza ta’ xi forma ta’ kollużjoni bejn uffiċjali pubbliċi li permezz tiegħu jista’ jkun ivvantaġġjat xi operatur ’l fuq minn ieħor. 4. Madanakollu l-Bord sab illi jeżistu ċirkostanzi li jagħtu x’jifhmu illi jista’ jkun hemm xi abbuż da parti ta’ operatur, u dan għar-raġunijiet indikati fil-proċess tal- harvesting . Il-Bord ma sab ebda evidenza li d-Dipartiment huwa kompliċi f’dan, għalkemm jidhirlu li fiċ-ċikorstanzi setgħu saru aktar kontrolli, u għandhom isiru aktar kontrolli biex jiġi aċċertat illi diskrepanzi kbar Ii jirriżultaw fll- weight gain tat-tonn mhumiex ir-riżultat ta’ xi abbuż. 5. Il-Bord ma sabx evidenza li xi uffiċjal pubbliku kkommetta xi aġir li jnaqqas il-fiduċja fl-amministrazzjoni pubblika. Madanakollu, għall-ilmenti dwar kunflitt ta’ interess, il-Bord sab illi l-fatt illi sa dak iż-żmien Assistent Direttur hija il-konjuga ta’ manager ta’ wieħed mill-erba’ operaturi tal- fishfarms kienet qed tnaqqas il-fiduċja fl-amministrazzjoni pubblika mill-operaturi l-oħra tal- fishfarms . Nixtieq ninforma lil-Kamra li abbażi ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet, l-Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima ħa l-azzjonijiet biex jindirizzaw dawn in-nuqqasijiet. Wieħed jifhem li żviluppi li seħħew fl-aħħar ġimgħat juri li fadal aktar xi jsir fir-rigward ta’ reklutaġġ ta’ uffiċjali, taħriġ u intorduzzjoni ta’ sistemi li jsaħħu l-operat ta’ dan id-dipartiment.

Direttorat dwar ir-Regolamentazzjoni Veterinarja dwar il-qtil ta’ bhejjem — operat

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-inkjesta mmexxija miċ-Chairperson li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament dwar l-operat tad-Direttorat dwar ir-Regolamentazzjoni Veterinarja dwar il-qtil ta’ bhejjem wara li allegatament fil-merħliet tagħhom instabet il-marda tat-tuberkulożi u li ġiet maħtura nhar it-23 ta' Lulju 2018 tlestietx? Jekk iva, jista' jagħti d-data ta' meta ġie ppreżentat ir-rapport tal-inkjesta u jpoġġi kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-inkjesta għadha mhux konkluża. Il-Kumitat konċernat talab għal estensjoni sabiex ikun jista’ jingħalaq dan il-proċess, liema talba ġiet milqugħa.

Kumpless tal-Magħtab – ħruq – tmexxija ta’ inkjesta

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-inkjesta mmexxija miċ-Chairperson li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament dwar il-ħruq li sar ġewwa l-kumpless tal-Magħtab nhar il-Ġimgħa 31 ta' Awwissu 2018 u li ġiet maħtura nhar l-10 ta' Settembru 2018 tlestietx? Jekk iva, jista' jgħid id-data ta' meta ġie ppreżentat ir-rapport tal-inkjesta u jpoġġi kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lil Onor. Interpellant, li fuq il-każ in kwistjoni jiena kont tlabt biex tinfetaħ Inkjesta Maġisterjali, iżda ftit wara ġejt infurmat li l-Maġistrat Inkwerenti ma ħassitx il-bżonn li tinfetaħ din l-inkjesta. Għaldaqstant, jien kont tlabt biex isir rapport intern fuq dan l-inċident u rrizulta li: 1. ll-kawża tan-nar ġiet identifikata u stabbilita dakinhar stess, bħala li kienet ikkawżata minn materjali kombustibbli – Refuse Derived Fuel (RDF). 2. Il-Protezzjoni Ċivili kkonfermat dakinhar stess u b’mod pubbliku li l-Wasteserv kienet attrezzata u preparata tajjeb sabiex tilqa’ għal eventwalita’ bħal din. 3. Barra minnhekk, f’rapport li sar minn esperti mqabbdin mill-ERA rriżulta li d-duħħan ma ħalliex impatt negattiv fuq l-ambjent u kif ukoll fuq is-saħħa tal-bniedem.

Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima – nefqa fuq reklamar fil-media

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 8732 u ċjoè: Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa mill-Ministeru tiegħu u minn kwalsiasi entità li taqa’ taħtu f’reklamar fuq kull mezz tal-media bejn l-2004 u l-2018, maqsuma xahar b’xahar u mqassam kemm skont il-mezz ta’ reklamar (stampat, gazzetti, radju, TV, internet eċċ) kif ukoll il-benefiċjarju (eż. Facebook, LinkedIn, Allied, Mediatoday, eċċ)

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

Ta' Qali — Suq tal-Pitkalija - talbiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il talba, meta u minn liema MEP Maltin kien hemm/saru talbiet biex iżuru uffiċjalment is-Suq tal-Pitkalija f’Ta’ Qali mill-2014 ‘l hawn? Liema ġew approvati jew saru, u liema huma pendenti u liema rifjutati, u għala?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li saru żewġ talbiet minn MEPs, fejn l-ebda minnhom ma ġiet rifjutata.

Ir-Rabat – Wied l-Isqof – twessigħ ta’ passaġġi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk jafx u jaqbilx li l-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali, permezz ta’ Infrastructure Malta, qed tagħmel sfreġju gravi f’Wied l-Isqof, limiti tar-Rabat fejn qed tinqered il-biodiversità mħallsa minn flus pubbliċi u dawk tal-UE billi tant kemm qed isir twessigħ ta’ passaġġi miksija bil-konkos li jistgħu anke jgħaddu tliet u erba’ vetturi ħdejn xulxin (three u four lane) u billi tant kemm niżlu ’l isfel li nkixfet il-ħamrija li fuqha qed iżomm il-ħajt tas-sejjiegħ li spiċċa waqa’ f’partjiet minnu u fejn is-sodda tal-wied saret gandott?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dwar dan il-każ jien infurmat li r-regolatur ħa l-passi neċessarji.