Akkomodazzjoni soċjali – Lista ta’ stennija – Anzjani
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li għandhom 60 sena jew aktar fuq il-lista ta’ stennija għall-akkomodazzjoni soċjali? Jista’ jgħid ukoll kemm hemm anzjani fuq il-lista ta’ stennija f’kull lokalità?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li hemm 286 applikazzjoni ta’ persuni li għandhom 60 sena jew aktar fuq il-lista ta’ stennija għall-Akkomodazzjoni Soċjali.
Nirreferi għat-Tabella, li qegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra, li tinkludi rendikont ta’ kull lokalità.
Żgħażagħ li bbenefikaw minn skemi ta’ għajnuna għall-ewwel dar
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il persuna żagħżugħa bbenefikat minn skemi ta’ għajnuna għall-ewwel dar?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li l-informazzjoni meħtieġa tinsab fit-tabella li qiegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. L-informazzjoni miġbura tkopri minn mindu ġew varati l-iskemi u l-età ta’ żagħżugħa meħuda hija ta’ 30 sena ’l isfel.
Akkomodazzjoni soċjali – Applikazzjonijiet miċħuda
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il applikazzjoni għall-akkomodazzjoni soċjali ġiet miċħuda matul l-aħħar tliet snin, maqsuma sena b’sena?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li l-informazzjoni dwar in-numru ta’ applikazzjonijiet għall-Akkomodazzjoni Soċjali li ġew miċħuda matul l-aħħar tliet snin qiegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri qed jittieħdu biex jiġi żgurat aċċess ugwali għall-akkomodazzjoni għal kulħadd?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li l-Awtorità tad-Djar twettaq attivitajiet ta’ outreach ma’ NGOs u entitajiet oħra, bil-għan li l-professjonisti jkunu infurmati dwar il-proċeduri u l-assistenza li jistgħu jipprovdu lill-klijenti tagħhom matul il-proċess kollu, mill-istadju tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni ’l quddiem. Parti integrali mill-outreach isir ukoll ma’ individwi fil-kommunitajiet bl-għan li nżidu l-għarfien dwar is-servizzi offruti mill-Awtorità tad-Djar.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jingħataw iċ-ċwievet tal-appartamenti tal-blokok tal-akkomodazzjoni soċjali li hemm ippjanati li jitlestew sal-aħħar tas-sena 2026?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-appartamenti tal-akkomodazzjoni soċjali kollha li huma ppjanati biex jitlestew matul is-sena 2026 qed jimxu skont il-pjan stabbilit sabiex jitlestew fil-perjodu previst.
L-għoti taċ-ċwievet lill-benefiċjarji jsir hekk kif jitlestew il-konnessjonijiet tas-servizzi essenzjali tad-dawl u tal-ilma mal-grid pubblika mill-entitajiet kompetenti.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb li sal-aħħar ta' din is-sena jinbnew xi blokok ġodda għall-akkomodazzjoni soċjali u meta huwa ppjanat li jitlestew? Jekk iva, jista’ jgħid jekk humiex se jkunu aċċessibbli għal persuni b’diżabilità?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li sa tmiem l-2026 hemm ippjanat li jkun tlesta xogħol fuq blokok ġewwa l-lokalitajiet ta’ Żejtun, Il-Belt Valletta u Raħal Ġdid. Uħud mill-akkomodazzjonijiet ser ikunu aċċessibbli għall-persuni b’diżabbiltà.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm proprjetajiet tal-Gvern, inklużi garaxxijiet, li jinsabu fi stat li jeħtieġu rinnovazzjoni? Jista' wkoll jagħti timeframes ta' meta ser isiru dawn ir-rinnovazzjonijiet u jagħti stima ta' kemm se jiswew ix-xogħlijiet?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-garaxxijiet tal-Awtorità huma fil-maġġoranza tagħhom mikrija u, għaldaqstant, huwa l-obbligu tal-inkwilin li jżomm il-garaxx mikri lilu/lilha fi stat tajjeb ta’ manutenzjoni.
Fejn ikun hemm bżonn ta’ xogħlijiet ta’ rinovazzjoni fuq garaxxijiet speċifiċi, dawn isiru każ b’każ, partikolarment fejn ikun hemm preparazzjoni għall-bejgħ kummerċjali jew għall-kiri fit-tul b’kirja kummerċjali. Għaldaqstant, tali interventi jsiru skont il-ħtieġa u d-domanda li tinqala’ f’kull każ partikolari.
Rigward il-proprjetajiet residenzjali tal-Awtorità tad-Djar, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-rinnovazzjoni tagħhom hija proċess kontinwu li jsir skont programm annwali ta’ xogħlijiet. Kull sena, l-Awtorità tippjana li twettaq interventi ta’ rinovazzjoni fuq madwar 50 blokk, għalkemm fil-prattika dan in-numru normalment jinqabeż skont ir-riżorsi disponibbli u l-ħtiġijiet identifikati.
Meta wieħed iqis li l-Awtorità hija responsabbli minn madwar 1,500 blokk, u li l-programm ta’ rinovazzjoni beda fl-2018, sal-lum ġew rinnovati 573 blokka.
L-ispejjeż u l-perjodu ta’ twettiq tax-xogħlijiet ivarjaw skont il-kundizzjoni tal-proprjetà u n-natura tal-interventi meħtieġa, u għalhekk ma jistax jingħata terminu jew stima waħda li tapplika għall-każijiet kollha. Madankollu, minn meta beda l-programm ta’ rinovazzjoni sal-lum, l-ammont totali investit kien ta’ madwar €25.8 miljun.
Awtorità tad-Djar – Proprjetajiet ta’ akkomodazzjoni soċjali
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm għandha proprjetajiet ta' akkomodazzjoni soċjali l-Awtorità tad-Djar? Jista’ jgħid ukoll kemm minnhom huma mikrija mill-privat?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant li l-Awtorita tad-Djar għandha total ta’ 7893 proprjetajiet ta' akkomodazzjoni soċjali li minnhom 1,497 huma mikrijin mill-privat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet ġodda għall-akkomodazzjoni soċjali li ilhom jistennew
i. aktar minn sena;
ii. aktar minn sentejn; u
iii. aktar minn tliet snin
u kemm minnhom ġew miċħuda u approvati fl-aħħar tliet snin?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li sal-aħħar tas-sena 2025, kien hemm 10 applikazzjonijiet li kienu għadhom qegħdin jinħadmu u kien hemm 304 applikazzjoni li ġew irrifjutati minħabba dokumenti nieqsa jew għax ma kinux eliġibbli u kien hemm 51 persuna li oġġezzjonaw id-deċiżjoni u kienu qegħdin jistennew deċiżjoni mill-Bord tar-Reviżjoni. L-informazzjoni qed titqieghed fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 638 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Arti, il-Kultura u l-Wirt Nazzjonali u jgħid x’inhu l-istat attwali tal-Kappella ta’ San Oswald fl-Imtarfa? Jista’ jgħid ukoll jekk hemmx xi pjanijiet biex din tiġi restawrata?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li l-Ministeru għall-Akkomodazzjoni u l-Artijiet mhuwiex responsabbli mis-sit u għaldaqstant ma jistax jipprovdi l-informazzjoni mitluba.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn art potenzjalment agrikola li però tinsab abbandunata? Jista’ jgħid ukoll x’qed jagħmel il-Gvern biex jinċentiva li din l-art tibda tinħadem?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lil Onorevoli Interpellant li l-kundizzjonijiet tal-kiri ta’ art agrikola (qbiela) jesiġu dejjem li din l-art tinħadem għal skopijiet agrikoli. Fir-rigward ta’ azzjoni li tittieħed, nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għal-liġi speċjali li l-Gvern ħabbar iktar kmieni f’din l-aħħar sena fejn dawk kollha li għandhom fil-pussess tagħhom raba, kemm franka kif ukoll tal-Gvern, ġew obbligati li jirreġistraw din ir-raba u jgħatu rendikont tal-ħidma tagħhom fuq din ir-raba.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslu x-xogħlijiet fuq il-proġett tal-housing f’Bormla?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta illi bħalissa għaddej xogħol ta’ madum, kmamar tal-banju u kisi fuq l-appartamenti nfushom.
Għaddej ukoll xogħol fuq il-liftijiet u garaxxijiet u qegħdin isiru trinek li huma meħtieġa sabiex isir embellishment tal-pjazza.
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kwalunkwe linji gwida jew politika adottata dwar l-użu tal-Intelliġenza Artifiċjali fi ħdan il-Ministeru u l-entitajiet tiegħu?
Jista' l-Ministru jgħid kemm hi l-istock ta' proprjetajiet li huma battala u huma f'idejn il-Gvern?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, sad-data tal-lum, hemm total ta' 241 proprjetà battala li jinsabu f'idejn l-Awtorità tad-Djar. Minn dawn, hemm numru żgħir li huma lesti sabiex jiġu allokati. Fir-rigward tal-bqija, għaddejja analiżi meħtieġa, qed isiru xogħlijiet ta' tiswijiet strutturali fejn ikun meħtieġ, jew qed jitħejjew rapporti tekniċi sabiex ikunu jistgħu jingħataw il-grants meħtieġa għat-twettiq ta' xogħlijiet qabel jiġu allokati.