Legislature:
Category:
Reset
Active:

Postijiet mibjugħa lill-inkwilini rikonoxxuti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew mibjugħa postijiet lill-inkwilini rikonoxxuti, fejn il-Gvern huwa s-sid tagħhom, minn Jannar 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bejn Jannar 2024 u t-12 ta’ Ġunju 2025, ġew mibjugħa 196 unit lill-inkwilini rikonoxxuti.

Applikazzjonijiet għall-akkomodazzjoni soċjali li ma setgħux jiġu proċessata

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il applikazzjoni għall-akkomodazzjoni soċjali ma setgħetx tiġi proċessata minn Jannar 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni kif provduta lili minn nofs Marzu 2024 sal-lum. Infurmat li biex testrapola l-informazzjoni qabel Marzu 2024, l-Awtorità teħtieġ li tagħmel eżerċizzju intensiv mill-impjegati tagħha b’mod manwali minħabba li l-ipproċessar diġitali tal-applikazzjonijiet għall-Akkomodazzjoni Soċjali beda propju mill-perjodu indikat aktar qabel. Minn nofs Marzu 2024 sal-20 ta’ Ġunju 2025 kien hemm total ta’ 43 applikazzjoni li ma setgħux jiġu pproċessati. L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

L-Awtorità tad-Djar — Tiswija ta’ djar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il tiswija ta’ djar li jaqgħu taħt l-Awtorità tad-Djar saret minn Jannar 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fit-total tat-tiswijiet ġewwa r-residenzi li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Awtorità tad-Djar kien hemm 1,502 intervent fl-2024 u 413 intervent s’issa fl-2025. In-nefqa totali għal dawn it-tiswijiet kienet ta’ €3,683,487 għall-2024 u €1,321,405 għall-2025 rispettivament. Dawn it-tiswijiet jinkludu biss rapporti relatati ma’ ħsarat interni u esterni, iżda ma jinkludux każijiet fejn l-inkwilini applikaw għal xi skema offruta mill-Awtorità tad-Djar.

L-Awtorità tad-Djar — Persuni jgħixu fi djar perikolużi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità tad-Djar għandhiex informazzjoni dwar persuni li qed jgħixu fi djar meqjusa bħala perikolużi, u jekk iva, jista’ jgħid kemm hemm?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tad-Djar ma għandhiex din l-informazzjoni. Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-Rapport Finali tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO), speċifikament Volume 2: Chapter 2 – Occupied Dwellings.

Ordni ta’ Rekwiżizzjoni — Persuni affettwati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm fadal persuni milquta b’Ordni ta’ Rekwiżizzjoni? Jekk fadal, jista’ jgħid jekk hemmx time frame għal meta dawn se jiġu rilaxxati?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għad fadal 123 proprjetà li huma milquta b’Ordni ta’ Rekwiżizzjoni. Ir-rekwiżizzjoni tiġi rilaxxata hekk kif ikunu milħuqa l-kundizzjonijiet meħtieġa, kif dejjem kienet il-prattika.

Kuntratti għall-akkomodazzjoni soċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il kuntratt għall-akkomodazzjoni soċjali ġie ffirmat mill-bidu tas-sena 2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, u kemm persuni għadhom qed jistennew biex jingħatalhom unit?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-1 ta’ Jannar 2025 sa llum ġew iffirmati 136 kuntratt ġdid għall-akkomodazzjoni soċjali. Bħalissa hemm 1,730 applikant fuq il-lista ta’ stennija.

Skema ‘inċentivi ta’ post’ — Applikanti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il applikant ta ċ-ċwievet tal-post tiegħu taħt l-iskema magħrufa bħala ‘inċentivi ta’ post’, minn Jannar 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (GALDES, RODERICK)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex ikun aktar speċifiku fit-talba tiegħu, hekk kif ma teżistix l-ebda skema bl-isem ta’ ‘inċentivi ta’ post’ li taqa’ taħt dan il-Ministeru.

Awtorità tad-Djar — Akkomodazzjoni soċjali li ġew rifjutati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il każ li jinsab fuq il-lista ta’ stennija għall-akkomodazzjoni soċjali, irrifjuta post mogħti lill-applikanti mill-Awtorità tad-Djar, u x’raġunijiet ingħataw?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f’xi seduta oħra.

Akkomodazzjoni soċjali — Każijiet marbuta ma’ vjolenza domestika

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ applikanti li qed jistennew akkomodazzjoni soċjali u li għandhom każijiet marbuta ma’ vjolenza domestika?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm 11-il applikant b’każijiet relatati ma’ vjolenza domestika li jinsabu fuq il-lista ta’ stennija għall-akkomodazzjoni soċjali. Nixtieq infakkar ukoll li l-Awtorità tad-Djar toffri diversi skemi ta’ għajnuna, fosthom dik tal-Ewwel Kirja u d-Depożitu għall-Inkwilini.

Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli — Uffiċċju addizzjonali

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23622, peress li bit-tieni uffiċċju qed nirreferi għall-post/binja li fih il-Ministru jiltaqa’ u mal-kostitwenti tiegħu, jista’ jgħid: (a) Kemm-il uffiċċju addizzjonali għandu barra l-binja uffiċjali tal-Ministeru tiegħu u f'liema lokalità qiegħed/qegħdin? (b) Dawn l-uffiċini huma binjiet pubbliċi jew privati? (c) X'inhu l-użu ta' dawn l-uffiċini? (d) Kemm titħallas kera għal kull uffiċċju sena b'sena u jekk din titħallasx minn fondi pubbliċi jew fondi oħrajn? (e) Min hu l-benefiċjarju ta' din il-kera? (f) Minn x'ħin sa x'ħin u f'liema ġranet ikunu miftuħin dawn l-uffiċini? (g) Min jiftaħ dawn l-uffiċini u jara lin-nies, il-Ministru personalment jew persuni oħra għan-nom tiegħu? (h) Jekk in-nies jarawhom persuni oħra għan-nom tiegħu, dawn huma impjegati tal-Ministeru jew tal-Gvern?

Response (GALDES, RODERICK)

Nittama li l-Onor. Interpellant jifhem bid-distinzjoni li hemm bejn uffiċċju Ministerjali u uffiċċju tal-kostitwenza. L-uffiċċju li fih naqdi d-dmirijiet Ministerjali tiegħi huwa f’123, Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, Triq Santa Luċija, il-Belt Valletta. Għar-rigward tal-uffiċċju tal-kostitwenza, dan huwa mħallas minn fondi privati, u mhux pubbliċi kif qed jipprova jimplika b’mod skorrett u qarrieqi l-Interpellant. Għalhekk mhux fil-mansjoni ta’ mistoqsija parlamentari.

Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli — Rigali u donazzjonijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23748 fejn intqal li l-informazzjoni kienet għadha qed tinġabar, issa li għaddew ix-xhur, jista’ l-Ministru jgħid kemm ta rigali u/jew donazzjonijiet minn fondi pubbliċi, xahar b'xahar, minn April 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, fiex kien jikkonsisti kull rigal, kemm kien jiswa kull rigal u lil min tah?

Response (GALDES, RODERICK)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra fejn hemm imniżżel ir-rigali uffiċjali li ngħataw matul din is-sena u f’liema okkażjoni. L-ispiża totali kienet tlaħħaq €44.10. (Korrezzjoni: Ara Dokument PL 5618 li tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra nhar l-Erbgħa, 18 ta' Ġunju 2025 f Seduta 357)

Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli — Public Expo Village 2025 - Nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 28674 u jgħid jekk il-Ministeru u/jew entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, ħadux sehem fil-Public Expo Village 2025 li saret f’Ta’ Qali mill-21 sal-25 ta’ Mejju 2025? Jekk iva, liema dipartimenti ħadu sehem, x’kien id-daqs tal-istand/stands tagħhom u kemm kienet in-nefqa ta’ kull dipartiment, kif ukoll in-nefqa totali tal-Ministeru fuq din l-Expo?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-istand tal-Ministeru tal-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli fil-Public Service Expo Village 2025 ġiet tiswa €46, 357. F’din l-istand kien hemm numru ta' uffiċjali mill-customer care tal-Awtorità tad-Djar sabiex jassistu u jagħtu informazzjoni dwar l-iskemi tal-Awtorità tad-Djar, kif ukoll il-bejgħ ta' ktieb ' Beyond Walls - A Long-Term Perspective of Social Housing in Malta' li ġie ppublikat mill-istess Awtorità. Din l-attività kopriet il-parteċipazzjoni wkoll ta-Awtorità tad-Djar. L-Expo Village tas-Servizz Pubbliku din is-sena żaruh 76,264 persuna.

Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli — Credit/Debit cards

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23598 fejn intqal li l-informazzjoni kienet għadha qed tinġabar, issa li għaddew ix-xhur, jista’ l-Ministru jgħid jekk l-entitajiet li jaqgħu taħtu jagħmlux użu minn credit/debit card pubblika u min għandu l-faċilità li juża kull credit/debit card? Għal xiex tintuża kull credit/debit card u x’inhu l-limitu ta’ nefqa kuljum għal kull credit/debit card? Jista’ jgħid ukoll x’kienet in-nefqa minn April 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b’xahar u xi nxtara, item item, b’din il-credit/debit card?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi hemm 2 entitajiet taħt id-dekasteru tal-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli li b'kollox inħarġulhom 7 cards. Il-ħruġ ta’ card isir biss wara li jkun hemm l-approvazzjoni tal-Ministeru għall-Finanzi u l-approvazzjoni tas-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru tiegħi, skont il-proċedura stabbilita. Inżid ngħid illi kull nefqa ssir skont u fil-parametri stabbiliti ta’ kif għandhom jintużaw il-fondi pubbliċi.

Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli — Credit/Debit cards

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23580 fejn intqal li l-informazzjoni kienet għadha qed tinġabar, issa li għaddew ix-xhur, jista’ l-Ministru jgħid kemm-il credit/debit card pubblika għandu maħruġa għall-użu tiegħu u tal-Ministeru tiegħu u min għandu l-faċilità li juża kull credit/debit card? Għal xiex tintuża kull credit/debit card u x’inhu l-limitu ta’ nefqa kuljum għal kull credit/debit card? Jista’ jgħid ukoll x’kienet in-nefqa minn April 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b’xahar u xi nxtara, item item, b’din il-credit/debit card?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi b’kollox hemm card waħda taħt id-dekasteru tal-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli li jinkludi s-Segretarju Permamenti. Il-ħruġ ta’ card jsir biss wara li jkun hemm l-approvazzjoni tal-Ministeru għall-Finanzi u l-approvazzjoni tas-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru tiegħi, skont il-proċedura stabbilita. Inżid ngħid illi kull nefqa ssir skont u fil-parametri stabbiliti ta’ kif għandhom jintużaw il-fondi pubbliċi. Il-ħlas isir mil-line item rispettiv kif approvati fl-estimi finanzjarji tal-baġit u li kopja tagħhom diġà tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra.

Għawdex — Akkomodazzjoni soċjali - Kiri

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 27706 li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar u jgħid kemm-il appartament, binja, jew unit f’Għawdex, inkera mill-privat biex jintuża bħala akkomodazzjoni soċjali għal kull sena bejn l-2020 u l-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ mingħand min ġew mikrija, il-lokalità u kemm hu l-ħlas li qed isir għal kull unit?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bejn l-1 ta’ Jannar 2020 u t-22 ta’ Mejju 2025, ġew mikrija 144 unit ta’ akkomodazzjoni mill-privat sabiex jintużaw bħala akkomodazzjoni soċjali. Il-ħlas annwali għal kull unit ivarja bejn €3,520 u €9,417. Id-dettalji dwar dawn l-units jinsabu fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli – Public Expo Village 2025 – Nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru u/jew entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, ħadux sehem fil-Public Expo Village 2025 li saret f’Ta’ Qali mill-21 sal-25 ta’ Mejju 2025? Jekk iva, liema dipartimenti ħadu sehem, x’kien id-daqs tal-istand/stands tagħhom u kemm kienet in-nefqa ta’ kull dipartiment, kif ukoll in-nefqa totali tal-Ministeru fuq din l-Expo?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli — Direct orders ta' inqas minn €5,000

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Mejju 2025?

Response (GALDES, RODERICK)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 26289.