Legislature:
Category:
Reset
Active:

OHSA – passi fuq kostruzzjoni ta’ sit

Question

Tista’ l-Ministru tgħid għaliex l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) ma ħadet ebda passi biex tiżgura li s-sit ta’ kostruzzjoni f’Tas-Sliema li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament ma tiġġenerax sħab ta’ trabijiet kif ġara s-Sibt, 3 ta’ Frar 2018 filgħodu?

Response (DALLI, HELENA)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru konċernat.

Spezzjonijiet fuq siti ta’ kostruzzjoni

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il spezzjoni fuq sit ta’ kostruzzjoni għamlet l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) kull xahar fl-2017 u fl-2018?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li mill-1 ta’ Jannar 2017 sal-aħħar ta’ Awwissu 2018, l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol għamlet 4,264-il spezzjoni fuq siti ta’ kostruzzjoni. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni kif mitluba mill-Onor. Interpellant.

OHSA — ħaddiema

Question

Tista’ l-Ministru tgħid minn kemm ħaddiema u impjegati hija magħmula l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA)?

Response (DALLI, HELENA)

L-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) timpjega 33 ħaddiema li qegħdin fis-sezzjoni eżekuttiva u 2 impjegati fl-uffiċċju taċ-Chairperson.

Organizzazzjonijiet Volontarji – għajnuna għal tkabbir tal-kapaċitajiet operattivi

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’tipi ta’ għajnuna ġiet mogħtija lill-Organizzazzjonijiet Volontarji sabiex ikabbru l-kapaċitajiet operattivi tagħhom f’dawn l-aħħar ħames snin u sal-aħħar ta’ Mejju 2018? Liema huma dawk l-Organizzazzjonijiet Volontarji li mhumiex qed jagħtu rendikont fil-ħin kif obbligati bil-liġi li jagħmlu?

Response (DALLI, HELENA)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru konċernat.

Vittmi tal-vjolenza domestika – manwal tal-proċeduri mogħti lill-entitajiet

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 5661, tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-manwal tal-proċeduri mogħti lill-entitajiet kollha kif ukoll il-ktejjeb ta’ informazzjoni dwar is-servizzi li jistgħu jgħinu lill-vittmi tal-vjolenza domestika?

Response (DALLI, HELENA)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt fis-seduta tal-4 ta’ Ġunju 2018 għall-mistoqsija 6175.

Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza – informazzjoni maħruġa bil-Malti

Question

Tista’ l-Ministru ġentilment tieħu l-passi neċessarji sabiex l-informazzjonijiet kollha li l-Ministeru tagħha joħorġu bħal (a) Society’s Concern u (b) Who is Who? jiġu tradotti bil-Malti għall-benefiċċju taċ-ċittadini Maltin li ma jafux jaqraw bl-Ingliż?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li d-dokument Society’s Concern qiegħed preżentament fil-proċess li jiġi tradott għall-Malti filwaqt li d-dokument Who is Who? ser jiġi tradott għall-Malti fix-xhur li ġejjin.

Kurituri umanitarji mill-Ewropa

Question

Bħal-lum sena fil-Presidenza tal-Kunsill Ewropew u Malta wegħdet li għandhom jinħolqu kuruturi umanitarji mill-Ewropa. Tista’ l-Ministru tgħid jekk dawn seħħewx?

Response (DALLI, HELENA)

Il-kuruturi umanitarji jistgħu jieħdu diversi forom, fosthom ir-risistemazzjoni. F’Settembru 2017, il-Kummissjoni nehdiet programm ġdid għar-risistemazzjoni ta’ 50,000 persuna fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali, b’mod partikolari mill-Afrika ta’ Fuq u l-Qarn tal-Afrika, (speċifikament il-Libja, l-Eġittu, n-Niġer, iċ-Ċad, u l-Etjopja), kif ukoll mit-Turkija, il-Ġordan u l-Lebanon. Dan il-programm qed jappoġġja wkoll il-Mekkaniżmu għall-Evakwazzjoni Urġenti mill-Libja lejn in-Niġer, li huwa implimentat mill-UNHCR, billi jipprovdi għar-risistemazzjoni ta’ refuġjati vulnerabbli li jkunu ġew evakwati. Fl-istess ħin, qed ikomplu n-negozjati fl-Unjoni Ewropea sabiex jiġi stabbilit qafas Ewropew permanenti għar-risistemazzjoni.

Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u Ugwaljanza — direct orders

Question

Tista’ l-Ministru telenka liema direct orders ingħataw u l-ħlas rispettiv għalihom, minn kull entità li għaliha hija responsabbli matul l-2017, xahar b’xahar separatament?

Response (DALLI, HELENA)

Nirreferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 523.

Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u Ugwaljanza – persuni b’diżabilità — ħaddiema

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm persuni li huma reġistrati bħala persuni b'diżabilità li jaħdmu fid-dipartimenti, aġenziji, awtoritajiet jew entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabilità politika tagħha?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li t-tagħrif għadu qed jinġabar u t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Eleġibilità Għal Fondi Mill-Unjoni Ewropea

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentar 6242 li oriġinarjament saret lill-Prim Ministru u issa ġiet riferuta lilha u ċjoè: peress li anke l-Gvern Malti qiegħed jammetti li mhux eskluża l-possibbiltà li għall-perjodu finanzjarju (baġitarju) tal-Unjoni Ewropea 2021-2027, Malta taf ma tibqax eleġibbli għall-istess ammont ta’ fondi mill-Unjoni Ewropea daqs qabel, speċjalment minħabba l-Brexit, tista’ tgħid kif f'dan ix-xenarju se tiġi mwettqa l-wegħda li kienet saret lill-Għawdxin, li skont id-Dikjarazzjoni 36, annessa mat-Trattat ta' Sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea li tgħid hekk: " in the event that Malta, as a whole, would no longer be eligible to certain measures of the regional policy, the report (by the Commission to the Council on the economic and social situation in Gozo, and in particular, on the disparities in the social and economic development levels between Gozo and Malta) would assess whether the specific economic situation of Gozo justifies a continued eligibility of Gozo to these measures, and under which conditions, during the reference period" ? Fid-dawl ta’ din id-dikjarazzjoni unilaterali, tista’ tgħid jekk saritx diġà t-talba għal rapport speċifiku dwar Għawdex lill-Kummissjoni Ewropea?

Response (DALLI, HELENA)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-Proposti tal-Kummissjoni Ewropea għall-Politika ta’ Koeżjoni li ħarġu fid-29 u 30 ta’ Mejju 2018. Il-Gvern Malti se jiskatta l-mekkaniżmu skont l-imsemmija Dikjarazzjoni sabiex jintalab rapport mill-Kummissjoni Ewropea dwar Għawdex. Il-Gvern ikompli jagħmel ħiltu fix-xhur li ġejjin biex fiċ-ċirkustanzi preżenti Malta u Għawdex jibqgħu jibbenefikaw sostanzjalment mill-fondi msemmija.

Fondi tal-Unjoni Ewropea – biedja u sajd

Question

Tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni rigward fondi tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-biedja u s-sajd u ċjoe: a) kemm huwa n-numru ta’ applikanti għal kull applikazzjoni ta’ fond differenti li hemm, u li fil-preżent qed ikun iġġudikat mill-aġenzija rispettiva li għandha responsabilità li tiġġudika l-applikazzjonijiet għall-fondi tal-Unjoni Ewropea; b) id-deskrizzjoni tal-fondi li fil-preżent qed ikunu aġġudikati; u c) meta huwa ż-żmien (id-data) li fih il-perjodu tal-aġġudikazzjoni jagħlaq?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li t-tagħrif għadu qed jinġabar u t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Strateġija Nazzjonali dwar il-Vjolenza Domestika – manwal tal-proċeduri

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 5661, tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-manwal tal-proċeduri msemmija u li ngħataw l-entitajiet u l-ktejjeb ta’ informazzjoni mfassal mill-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Domestika?

Response (DALLI, HELENA)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.

Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u Ugwaljanza — għajnuna finanzjarja lill-knisja

Question

Tista' l-Ministru tagħti l-ammont ta’ għajnuna finanzjarja li ngħatat lill-Knisja, lill-għaqdiet u soċjetajiet tal-Knisja, lill-parroċċi, lill-istituzzjonijiet, fosthom edukattivi li jitmexxew mill-Knisja, lid-djar tal-anzjani mmexxija mill-Knisja, lill-ordnijiet reliġjużi u lil NGOs tal-Knisja, mill-Ministeru tagħha jew entitajiet, korporazzjonijiet, awtoritajiet, dipartimenti, kumpaniji u aġenziji li jaqgħu taħtha, minn Marzu 2013 sad-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija, sena b’sena b’mod separat? Tista’ tagħti d-dettalji relatati dwar kull forma t’għajnuna finanzjarja mogħtija?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u Ugwaljanza – social media advertising — nefqa

Question

Tista’ l-Ministru tgħid u telenka kemm intefqu flus minn kull entità u dipartiment li jaqa’ taħtha, fuq social media advertising, però maqsuma skont Facebook, Instagram, YouTube, Twitter, Google eċċ, minn Marzu 2013 sal-jum li fih din l-interpellanza tkun imwieġba, maqsuma sena b’sena?

Response (DALLI, HELENA)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.

Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u Ugwaljanza – konsulenza fuq public relations jew komunikazzjoni — nefqa

Question

Tista’ l-Ministru tgħid u telenka kemm intefqu flus minn kull entità u dipartiment li jaqa’ taħtha, għal konsulenza fuq public relations jew komunikazzjoni, minn Marzu 2013 sal-jum li fih din l-interpellanza tkun imwieġba, maqsuma sena b’sena?

Response (DALLI, HELENA)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.

Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u Ugwaljanza — persuni li huma maħtura bħala Kummissjunarji

Question

Tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-persuni fil-Ministeru inkluż f'kull entità, dipartiment u awtorità li jaqgħu taħt ir-responsabbilità tagħha u li fil-preżent huma maħtura bħala Kummissjunarji b’setgħa li jagħtu ġurament skont l-Ordinanza dwar il-Kummissjunarji b’setgħa li jagħtu Ġurament (Kap. 79 tal-Liġijiet ta' Malta)? Tista' l-Ministru tgħid x'inhi l-kariga ta' kull waħda minn dawn il-persuni u dwar xiex jingħataw il-ġuramenti quddiem kull waħda mill-imsemmija persuni?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li fid-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg hemm żewġ uffiċċjali fil-kariga ta’ Assistenti Diretturi li fil-kompetenza tax-xogħol tagħhom għandhom is-setgħa li jagħtu l-Ġuramenti f’dak li għandu x’jaqsam ma’ investigazzjonijiet dwar ksur ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol.

Applikazzjonijiet għall-Fondi Ewropej mill-Ministeru għal Għawdex

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 3169 tista’ l-Ministru tgħid x’applikazzjonijiet ġodda saru mill-Ministeru għal Għawdex għall-fondi tal-Unjoni Ewropea mill-Budget 2014-2020? Għal xiex inhuma l-applikazzjonijiet? Tista’ tgħid f’liema stadju waslu l-applikazzjonijiet, ċjoè jekk ġewx approvati jew le? F'kull każ, tista' tgħid kemm tħallas s’issa mill-Fondi Ewropej fuq kull proġett jew inizjattiva approvata f'Għawdex mill-istess budget?

Response (DALLI, HELENA)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-aġġornatament tat-tabella li kienet mpoġġija fuq il-Mejda tal-Kamra fit-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 3169. F’din it-tabella hemm indikat n-nefqa li saret s’issa f’dak li jikkonċerna l-lista tal-applikazzjoniet li saru mill-Ministeru għall-Għawdex u li ġew approvati għall-Programmi tal-Fondi Ewropej (2014-2020).

Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u Ugwaljanza – event organisation for promotional and communications realted events — nefqa

Question

Tista’ l-Ministru tgħid u telenka kemm intefqu flus minn kull entità u dipartiment li jaqa’ taħtha, għal event organisation for promotional and communications related events, minn Marzu 2013 sal-jum li fih din l-interpellanza tkun imwieġba, maqsuma sena b’sena?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor Interpellant illi t-tagħrif speċifiku mitlub, diffiċli li jinġabar mingħajr ma jinvolvi spejjeż oħrajn li mhumiex relatati. L-organizzazzjoni ta’ attivitajiet simili tinvolvi wkoll xogħol u materjali li spiss jintużaw aktar minn darba f’attivitajiet simili, bħal pereżempju kif inhu l-każ f’kampanji li jtulu.

Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u Ugwaljanza – promotional material — nefqa

Question

Tista’ l-Ministru tgħid u telenka kemm intefqu flus minn kull entità u dipartiment li jaqa’ taħtha, fuq promotional material (brochures, websites, flyers, mailshots eċċ) minn Marzu 2013 sal-jum li fih din l-interpellanza tkun imwieġba, maqsuma sena b’sena?

Response (DALLI, HELENA)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.