Legislature:
Category:
Reset
Active:

Memorandum of Understanding ma' Singapore

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-Memorandum of Understanding li ġew riċentement firmati ma’ Singapore?

Response (ABELA, CARMELO)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li ġie ffirmat Memorandum of Understanding wieħed mas-Singapore, fit-9 ta’ April 2019. Dan il-Memorandum of Understanding huwa dwar koperazzjoni fil-qasam tat-teknoloġiji ġodda u s-cybersecurity. Il-ftehim daħal fis-seħħ b’mod immedjat.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ — reklamar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa fuq reklami u avviżi fuq kull mezz, inkluż social media, minn kull entità li hija fid-dekasteru tiegħu fix-xahar t’April u Mejju 2019?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-entità li taqa’ taħt dan il-Ministeru ma kelliex spejjeż ta’ reklamar matul April u Mejju 2019.

Attendenza għal laqgħat barra minn Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgġħid f'kemm-il laqgħa attenda barra minn pajjiżna tul din is-sena minn Jannar sal-aħħar ta' Mejju 2019 kemm fi ħdan l-Unjoni Ewropea u kemm għal laqgħat oħra

Response (ABELA, CARMELO)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li il-laqgħat li attendejt barra minn pajjiżna tul din s-sena minn Jannar sal-aħħar ta Mejju 2019 kemm fi ħdan l-Unjoni Ewropea u kemm għal laqgħat oħra, huma: Pajji¿ Dati Laqgħat Belġju, Brussell 21 ta’ Jannar 2019 18 ta’ Frar 2019 18 ta’ Marzu 2019 13 ta’ Mejju 2019 Kunsill tal-Affarijiet Barranin Belġju, Brussell 21 ta’ Jannar 2019 It- 22 Laqgħa Ministerjali tal-Unjoni Ewropea mal-ASEAN, laqgħa li ġabet flimkien il-ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea ma dawk tal-għaxar membri tal-Assoċazzjoni tan-Nazzjonijiet Asjatiċi tax-Xlokk (ASEAN). Fil-marġini, ke laqgħat bilaterali mat-Tajlandja u is-Singapore. Belġju, Brussell 21 u 22 ta’ Jannar 2019 Laqgħa Ministerjali tall-ministri tal-Affarijiet Barranin tal-pajji¿i ta’ l-Unjoni Ewropeja mal-pajjiżi ta’ l-Unjoni Afrikana u fil-marġini laqgħat bilaterali mal-Ghana, il-Gambia, ir-Rwanda u in-Namibja. It-Turkija 23-25 ta’ Jannar 2019 Forum tan-Negozji bejn it-Turkija w Malta ġewwa l-Istanbul, fejn l-On. Ministru akkumpanja l-E.T. Marie Louise Coleiro Preca, u fejn flimkien attendew laqgħa bilaterali mal President Tork Recep Tayyip Edrogan u l-Viċi President Fuat Oktay. Ir-Rumanija 31 ta’ Jannar – 1 ta’ Frar 2019 Laqgħa informali tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-UE (Gymnich) Belġju, Brussell 4 ta' Frar 2019 Il-ħames Laqgħa Ministerjali bejn l-Unjoni Ewropeja u l-Lega tal-Pajjiżi Għarab fi Brussell. Warsaw, Polonja 13 u 14 ta’ Frar 2019 Laqgħa Ministerjali dwar il-Promozzoni ta’ Futur ta’ Paċi u Sigura fil-Lvant Nofsani Munich, Ġermanja 15 sa 17 ta’ Frar 2019 Konferenza tas-Sigurta f’Munich u laqgħat bilaterali mas-Sudan u l-Oman fil-marġini tal-Konferenza. L-Irlanda 18-21 ta’ Frar 2019 Żjara uffiċċjali, laqgħa mal-FM Irlandiz Sharm el-Sheikh, l-Eġittu 25 ta' Frar 2019 L-ewwel Samit bejn l-Unjoni Ewropeja u l-Lega tal-Pajjiżi Għarab. Fil-margini saret laqgħa bilaterali mad-Djibouti. Ġinevra, l-I¿vizzera 26 ta' Frar 2019 Konferenza ta' Rahan għall-Kriżi Umanitarja fil-Jemen. L-Isvizzera 26 ta’ Frar 2019 L-40 Sezzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem (Human Rights Council) L-Ungerija 27 ta’ Frar 2019 Laqgħa bilaterali mal-FM Ungeriz u stedina biex nindirizza lill-Ambaxxaturi tal-Ungerija Kosovo 6-7 ta’ Marzu 2019 Laqgħa mal-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Kosovo, l-E.T. Behgjet Pacolli Belġju, Brussell 12 sal-14 ta’ Marzu 2019 It-Tielet konferenza fi Brussel dwar il-futur tas-Sirja u r-reġjun L-istat tal-Vatikan 18-22 ta’ Marzu 2019 Jakkumpanja d-delegazzjoni Presidenzjali fil-Vatikan L-Italja 21 ta’ Marzu 2019 L-Onor Ministru Abela akkompanja lill-President l-E.T. Coleiro Preca fejn kien hemm laqgha mall-Papa. Il-Ministru kellu wkoll laqgħa bilaterali mal-E.T. Enzo Moavero Milanesi, Ministru tal-Affarijiet Barranin ta’ l-Italja Singapore 6 sa 9 ta’ April 2019 L-Onor Ministru Abela mexxa delegazzjoni tal-kummerċ u ltaqa’ ma’ l-E.T. Dr Mohamad Maliki Bin Osman, Senior Minister ta' l-Istat, Ministeru tad-Difiża u Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin tas-Singapore Il-Polonja 11-12 ta’ April 2019 Laqgħa tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin fi ħdan il-Berlin Process dwar il-Balkani tal-Punent Belġju, Brussell 13 u 14 ta’ Mejju 2019 Laqgħa Ministerjali tal-pajjiżi ta’ l-Unjoni Ewropeja mal-pajjiżi tal-G5 Sahel u fil-marġni laqgħa bilaterali mal-Mali. Belġju, Brussell 14 ta’ Mejju 2019 Kunsill tal-Affarijiet Barranin flimkien mal-Ministri responsabbli għad-Difiża Belġju, Brussell 16 ta’ Mejju 2019 Laqgħa tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin għall-Iżvillup Helsinki, Finlandia, 17 ta’ Mejju 2019 Il-129 Sessjoni tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa Il-Greċja 19 – 20 ta’ Mejju 2019 L-Onor Ministru Abela attenda ċerimonja kulturali f-Ateni, fejn kellu laqgħat bilaterali mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin, l-ET George Katrougalos;Viċi Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Greċja l-ET Terence Quick u mal- Kummissarju Ewropew għall-Migrazzjoni, l-Intern u ċ-Ċittadinanza, Dimitris Avramopoulos. Kelli laqgħa ukoll ta’ Kuntatt mal-Maltin tal-Greċja

Portijiet ta’ Malta u Għawdex — dħul ta’ bastimenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid, sena b'sena, mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm daħlu bastimenti barranin fil-portijiet ta' Malta u Għawdex? Jista' jagħti l-isem ta' kull wieħed mill-bastimenti u jekk kienx bastiment militari jew inkella bastiment ċivili? Jista' jgħid ukoll f'liema port Malti daħal kull wieħed mill-bastimenti barranin u kemm dam?

Response (ABELA, CARMELO)

Nitlob lill-Onorevoli nterpellant biex jirreferi din il mistoqsija lil Ministeru konċernat.

Ftehimiet bejn Malta u Ghana

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tas-sitt ftehimiet li ġew iffirmati minn Malta u l-Ghana waqt iż-żjara statali tal-President tal-Ghana Akufo-Addo f’Malta f'Marzu 2019?

Response (ABELA, CARMELO)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sitt dokument li ġew iffirmati bejn Malta u l-Ghana waqt iż-żjara Statali f’Malta tal-President tal-Ghana, l-E.T. Akufo-Addo, fis-26 ta’ Marzu 2019 huma s-segwenti: 1. Minuti Maqbula tat-Tieni Sessjoni tal-Kummissjoni Konġunta Permanenti għall-Kooperazzjoni Bilaterali bejn ir-Repubblika ta’ Malta u r-Repubblika tal-Ghana (5 ta' Ġunju 2018) 2. Memorandum ta' Ftehim bejn l-Awtorità Maltija dwar il-Mediċini u l-‘ Ghana Food Drugs Authority ’ 3. Memorandum ta’ Ftehim fil-qasam tat-Turiżmu, l-Arti u l-Kultura. 4. Ftehim għall-Evitar ta' Tassazzjoni Doppja u l-Prevenzjoni ta' Evażjoni Fiskali Rigward it-Taxxi fuq l-Income 5. Ftehim dwar it-Tneħħija tal-Ħtiġiet tal-Viża għal Detenturi ta Passaporti Diplomatiċi u Uffiċjali / tas-Servizz 6. Memorandum ta’ Ftehim dwar Servizzi tal-Ajru. Il-ftehmiet li daħħlu fis-seħħ b’mod immedjat, jiġifieri dawn elenkati numri (1) sa (3) jinsabu fuq it-Treaty Series tal-website tal-Ministeru tal-Affarjiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ, għall-konsum pubbliku: https://foreignaffairs.gov.mt/en/Treaties%20Series/Pages/Treaties%20Search%20Page.aspx li kopja tagħha qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. B’mod separat qed ngħaddi kopja ta’ dawn id-dokumenti lill-Onor. Interpellant. Dawk id-dokumenti elenkati numri (4) sa (6) għalihom għad irid jiġi komplut l-proċess ta’ ratifikazzjoni u għalhekk jitqiegħdu għall-konsum tal-pubbliku meta din ir-ratifikazzjoni sseħħ.

Persuni reġistrati ma rappreżentanzi diplomatiċi Maltin barra minn Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huma l-Maltin reġistrati mar-rappreżentanzi diplomatiċi Maltin barra minn Malta? Jista' jindika għal kull wieħed mir-rappreżentanzi diplomatiċi Maltin kemm hu n-numru ta' Maltin reġistrati?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Malta m’għandhiex reġistru obligatorju għall-Maltin li jgħixu barra biex jirreġistraw id-dettalji tagħhom fih. Għaldaqstant l-informazzjoni mitluba ma tistax tingħata.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ — aċċessibilità għall-persuni b’diżabilità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inizjattivi ttieħdu matul l-2018 u s’issa fl-2019 sabiex fil-Ministeru tiegħu u fl-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu, il-binjiet li minnhom joperaw, ikunu aktar aċċessibbli għal persuni b’diżabilità?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru ħa ħsieb sabiex il-proġetti strutturali li kienu ppjanati li jinbdew matul is-sena 2018 u jitkomplew fis-sena 2019, f’Malta kif ukoll barra minn Malta, ikunu aċċessibbli għal persuni b’diżabilità. L-istess sar meta kien hemm il-ħtieġa li tinbena struttura temporanja fil-bitħa ta’ Palazzo Parisio fil-Ministeru stess, sabiex isiru attivitajiet ‘awdjo viżivi’ ta’ Sempre Viva. Il-kuntrattur ġie mitlub jinstalla rampa apposta li setgħet tipprovdi aċċess lil persuni b’diżabilitżà. Dan minkejja l-fatt illi l-binja nfisha ta’ Palazzo Parisio hija skedata u ma tistax tagħmel tibdil strutturali. Inżid ninforma wkoll li l-uffiċini ta’ TradeMalta huma attrezzati b’aċċessibilità għal persuni b’diżabilità. L-uffiċini li joperaw minnhom diġà kellhom din l-aċċessibilità meta nkera il-post.

Protokoll Numru 12 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 9422 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk il-Gvern għandux ħsieb li jinkorpora fil-Liġi Maltija, il-Protokoll Numru 12 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem?

Response (ABELA, CARMELO)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern għandu l-ħsieb li jinkorpora fil-Liġi Maltija, il-Protokoll Numru 12 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Fil-fatt, dan il-Protokoll se jkun parti mill-pakkett tal-Abbozz ta’ Liġi dwar l-Ugwaljanza li ser jitressaq mill-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza. Għal din ir-raġuni nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi lill-Ministeru kkonċernat jekk hemm bżonn ta’ aktar informazzjoni.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ — miri tal-Horizon 2020

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9290 u b'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9279, jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija oriġinali u jgħid: a) jekk dawn il-miri hux ser jintlaħqu sa ftit xhur oħra; b) kemm aħna ‘l bogħod minn dawn il-miri; u ċ) u x’qed isir mill-Ministeru tiegħu sabiex jintlaħqu l-miri t’hawn fuq? Jista' jgħid ukoll kemm hu l-persentaġġ ta': a) nisa f'pożizzjoni ta' deċiżjoni; u b) nisa fuq advisory board?

Response (ABELA, CARMELO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9458.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ — Green Leaders

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm, jekk hemm, Green Leaders fid-Dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħtu?

Response (ABELA, CARMELO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Green Initiatives huma parti integrali mill-politika tal-Gvern. Il-miżuri favur l-ambjent ma jistriħux fuq il-persuna, iżda fuq l-inizjattivi li jieħu l-Gvern. Fost il-miżuri favur l-ambjent li ttieħdu f’dawn l-aħħar snin kien hemm: · tisħiħ tal-Green Public Procurement; · introduzzjoni tal-Online Government, li qed iwassal biex inqas nies ikollhom għalxiex jinqalgħu minn djarhom u jużaw il-karozzi; · installazzjoni tal-pannelli; · Il-flessibilità mogħtija lill-ħaddiema fil-qadi ta’ dmirijiethom.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ — miri tal-Horizon 2020

Question

Il-miri tal-Horizon 2020 huma li: a) tal-inqas 40% tal-persuni f’pożizzjoni ta’ deċiżjoni jkunu nisa; b) tal-inqas 50% tal-persuni f’ advisory groups ikunu nisa; u c) jiżdied in-numru ta’ nisa fir-riċerka u l-innovazzjoni billi jitneħħew il-forom kollha ta’ deskrizzjoni a bażi tal-ġeneru. Għaldaqstant jista’ l-Ministru jgħid: a) jekk dawn il-miri hux ser jintlaħqu sa ftit xhur oħra; b) kemm aħna ‘l bogħod minn dawn il-miri; u ċ) u x’qed isir mill-Ministeru tiegħu sabiex jintlaħqu l-miri t’hawn fuq?

Response (ABELA, CARMELO)

Nitlob lill-Onore. Interpellant jirreferi għat-tweġiba ta’ PQ 9279.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ – nefqa fuq reklamar fil-media

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa mill-Ministeru tiegħu u minn kwalsiasi entità li taqa’ taħtu f’reklamar fuq kull mezz tal-media bejn l-2004 u l-2018, maqsuma xahar b’xahar u mqassam kemm skont il-mezz ta’ reklamar (stampat, gazzetti, radju, TV, internet eċċ) kif ukoll il-benefiċjarju (eż. Facebook, LinkedIn, Allied, Mediatoday, eċċ)?

Response (ABELA, CARMELO)

Minħabba li din l-informazzjoni sabiex tinġabar tirrikjedi ħafna rizorsi umani, ikun jaqbel li dawn ir-riżorsi jintużaw b’mod aktar produttiv. Iżda jekk l-Onor. Interpellant għandu bzonn xi informazzjoni aktar preċiża għal xi żmien partikolari nagħmlu dak li jkun possibbli biex din tinġabar.

Individwu li għajjar konsulent tan-Nazzjonijiet Uniti u membru ta’ PEN International

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’passi dixxiplinarji ħa fil-konfront tal-assistent tiegħu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament u li kien involut f’inċident li fih għajjar bi kliem indiċenti konsulent tan-Nazzjonijiet Uniti u membru ta’ PEN International?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-narrativa tiegħu u n-narrattiva ta’ dak li seħħ hija differenti.

Rapporti ta’ serq ta’ passaporti

Question

Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra kemm kien hemm persuni li tul is-sena 2018, irrappurtaw lill-Ministeru u lill-Ambaxxati, li kien insterqilhom il-passaport?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul is-sena 2018 kien hemm erbatax (14)-il rapport ta’ serq ta’ passaporti.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ — nisa f'pożizzjoni ta' Teħid ta' Deċiżjonijiet

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9092, jista' l-Ministru jwieġeb l-ewwel parti tal-mistoqsija parlamentari u ċjoè: jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm nisa minn skala 1 sa skala 5 fl-istess Ministeru u fis-servizz pubbliku kollu fl-2012? Fir-rigward tat-tieni parti tal-mistoqsija parlamentari, jista' jikkonferma li l-Ministeru tiegħu m'għandux miri li jinħoloq xi tip ta' bilanċ fit-tmexxija abbażi ta' ġeneru?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-2012 fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ kien hemm sittax (16) -il mara minn skala 1 sa skala 5. Fir-rigward tat-tieni parti tal-mistoqsija,l-informazzjoni għada qed tinġabar.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ — nefqa ta' TV advertising

Question

Jista' l-Ministru jelenka kemm intnefqu flus minn kull entità u dipartiment li jaqa' taħtu fuq TV advertising fis-sena 2018?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ kif ukoll l-entità li taqa’ taħtu, m’għamlux spejjeż għal riklami fuq it-Televiżjoni matul l-2018.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ — Grievances Boards

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 8317 u jgħid, mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, liema kienu l- Grievances Boards li twaqqfu fi ħdan il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ u fi ħdan l-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu? Jista' jgħid min kienu l-membri ta' kull wieħed mill-imsemmija bordijiet u x'remunerazzjoni rċevew l-imsemmija membri? Jista' jgħid kemm tressqu każijiet quddiem kull bord u x'kienet id-deċiżjoni li ngħatat dwar kull każ li kellu quddiemu l-istess bord u dan mingħajr ma jindika l-isem u d-dettalji tal-persuni involuti? Jista' jgħid x'kien l-ammont li tħallas bħala kumpens dwar kull każ li tressaq quddiem l-imsemmija bordijiet?

Response (ABELA, CARMELO)

M’għandi xejn x’inżid mat-tweġiba mogħtija fil-mistoqsija parlamentari 8317.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ — pożizzjonijiet tal-management – pakkett finanzjarju

Question

Jista’ l-Ministru jagħti l-pakkett finanzjarju, inkluż benefiċċji, marbut ma’ kull pożizzjoni tal-management fl-awtoritajiet u entitajiet li jiffurmaw parti mid-dekasteru tiegħu? L-informazzjoni għandha tkopri l-pożizzjonijiet eżekuttivi u dawk mhux eżekuttivi sal-livell ekwivalenti ma’ Assistent Direttur fis-servizz pubbliku.

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

Laqgħat barra mill-pajjiż — attendenza

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’kemm-il laqgħa attenda barra minn pajjiżna tul is-sena li għaddiet sija fi ħdan l-Unjoni Ewropea u sija għal laqgħat oħra?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ attenda disgħa u sebgħin (79) laqgħa barra minn Malta matul l-2018.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ — nisa f'pożizzjoni ta' Teħid ta' Deċiżjonijiet

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 8875, jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm nisa minn skala 1 sa skala 5 fl-istess Ministeru u fis-servizz pubbliku kollu fl-2012? Jista' l-Ministru jgħid ukoll jekk f'dan is-settur hemmx miri għall-Horizon 2020 u jekk iva, kemm huma dawn il-miri u jekk humiex se jintlaħqu?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar. Għar-rigward tat-tieni partit tal-mistoqsija nitlob lill-Onor. Membru jirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru konċernat