Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-pożizzjoni attwali ta' Malta fir-rigward tal-Operazzjoni Irini tal-Unjoni Ewropea li hija intiża sabiex timplimenta l-embargo tal-Ġnus Magħquda kontra t-traffikar ta' armi lejn il-Libja u t-traffikar ta' immigranti? Jista' l-Ministru jispjega għala Malta esprimiet riservi flimkien mat-Turkija u l-gvern Libjan dwar din il-missjoni?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill Onor. Interpellant li Malta temmen bis-sħiħ li l-embargo tal-Ġnus Magħquda kontra t-traffikar tal-armi lejn il-Libja għandu jigi nfurżat sabiex ikun hemm il-paċi u s-sigurtà f'dan il-pajjiż. Għalhekk Malta saħqet u tkompli tisħaq sabiex dan l-embargo jiġi osservat mill-kommunità internazzjonali ħalli b’hekk l-Operazzjoni Irini tkun tista’ twettaq il-mandat tagħha b'mod effettiv u imparzjali.
Matul din is-sena Malta qablet li din l-Operazzjoni titkompla. Malta kienet esprimiet riżervi dwar l-Operazzjoni Irini s-sena li għaddiet fid-dawl tal-kriżi tal-immigrazzjoni, primarjament minħabba n-nuqqas ta’ solidarjetà rigward ir-rilokazzjoni ta’ immigranti irregolari. Matul din is-sena komplejna nisħqu li l-oġġettiv marbut mat-traffikar tan-nies ta’ din l-operazzjoni, għandu jingħata l-importanza li jixraqlu.
Riżervi oħra li esprimejna huma frott id-dubji dwar l-effettività u l-imparzjalità ta’ din l-Operazzjoni peress li tinkoraġġixxi mblokk tal-armi mill-baħar, iżda tonqos milli tindirizza rotot bejn il-fruntieri fuq l-art u bl-ajru.
Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej — rappreżentant tas-settur tad-diżabilità fil-kumitati, fora u bordijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm u liema huma l-kumitati, fora, bordijiet u forma oħra ta’ tmexxija li taqa’ taħt l-Ministeru u min hu jew hi r-rappreżentant tas-settur tad-diżabilità u lil min din l-persuna tirrappreżenta fuq dawn il-kumitati, fora, bordijiet eċċ?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill Onorevoli interpellant li l-informazzjoni għada qed tinġabar.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il Ambaxxatur/High Commissioner inħatru, jew inbiddlu, tul l-2020, min kienu, u x’kredenzjali kellhom dawk li nħatru ġodda?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li fis-sena 2020 kienu 17 l-Ambaxxaturi li nbidlu jew inħatru ġodda. Dawk li ma kienux Ufficjali Pubblici fi hdan il-Ministeru, għaddew mill-process stabbilit taht Artiklu 38(1) tal-Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika.
Jista’ l-Ministru jgħid meta l-katavru tal-vittma li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament li ġie maqtul fi qtil razzista sentejn ilu, se jiġi rritornat lill-familja fil-Kosta tal-Avorju u dan fid-dawl li l-familja qed issostni li l-ġisem kellu jintbagħat f’Marzu 2020?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi d-domanda lill Ministeru konċernat.
Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewrope — direct ordes lil kumpanija
Question
Jista’ l-Ministru jelenka kull kuntratt, inkluż direct orders jew simili, mogħtija minn kull entità fi ħdanu lill-kumpanija lid-dettalji dwarha qed jingħataw separatament mill-2019 sal-jum li fih tkun imwieġba din l-interpellanza? Jista’ għal kull każ, jagħti l-ammont, data u minn min kien approvat?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej ma tagħx kuntratti jew Direct Orders jew affarijiet oħra lill-Kumpanija li qed jirreferi għaliha fil-Mistoqsija.
Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej — persuni maħtura bħala membru ta’ bord jew entità
Question
B'referenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 19236, jista’ l-Ministru jgħid min huma dawk il-persuni maħtura?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’referenza għat-tweġiba tal-PQ19236, il-membri msemmija huma lkoll uffiċjali pubbliċi. Għaldaqstant, għall-fini ta’ protezzjoni tad-dejta, qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni relatata ma’ dawk minnhom li s-salarju tagħhom hu fi Skala bejn 1 u 5.
Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej — ħaddiema b'diżabilità
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni b’diżabilità jaħdmu fil-Ministeru, jew entità li taqa’ taħtu?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan il-Ministeru u l-entitajiet li jaqgħu taħtu ma jzommux informazzjoni tal-ipjegati tagħhom skont jekk għandhomx
diżabilità.
Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej – teleworking
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati li jaqgħu taħt l-Ministeru tiegħu li bħalissa qed jaħdmu permezz ta’ teleworking? Kemm kien hemm talbiet għal xogħol ta' teleworking minn Marzu 2020 li ma ġewx milqugħa?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru u l-entitajiet li jaqgħu taħti qed jimxu mad-Direttiva 13.3 maħruġa fl-4 ta’ Marzu li għadda u li kopja tagħha qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Il-miżuri mħaddmin fid-dipartimenti u l-entitajiet fir-rigward tal-imxija tal-COVID-19 huma dawk maħruġin mis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci.
Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej – impjegati li mardu bil-COVID-19
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm impjegati taħt il-Ministeru tiegħu li ġew infettati u mardu bil-COVID-19 u kemm hemm impjegati li bħalissa qegħdin kwarantina minħabba xi kuntatti li kellhom ma’ individwi pożittivi?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill- Onor. Interpellant li kull impjegat li ħareg pożittiv għall- COVID – 19 mar fi kwarantina u attwalment hemm 3 persuni li jinsabu fi kwarantina.
Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej – miżuri minħabba l-COVID-19
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-miżuri li ttieħdu fl-uffiċini kollha li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu sabiex jiġi assigurat li l-periklu ta' infezzjoni tal-COVID-19 jitnaqqas eżempju b'użu ta' screens bejn l-iskrivaniji u l-obbligu tal-ilbies tal-maskri inkluż f'dawk l-uffiċċji li mhumiex aċċessibbli għall-pubbliku?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li bbażat fuq linji gwida maħruġa mill-awtoritajiet tas-saħħa pubblika, fil-binjiet kollha li jaqgħu taħt il-Ministeru tal-Affarijiet Barranini u Ewropej qed jigu osservati dawn il-miżuri li ġejjin biex jikkontrollaw u jimmitigaw, kemm jista 'jkun l-imxija ta' COVID-19:
· Kontrolli tat-temperatura fid-dħul tal-binja huma obbligatorji. Individwi li juru deni (37.2 Deg C jew aktar) mhumiex permessi jidħlu fl-imsemmi post;
· L-uffiċjali u l-viżitaturi kollha jitħallew jidħlu fil-post biss libsin maskra jew
visor
;
· I- uffiċjali kollha għandhom spazju personali tax-xogħol (l-ebda
hot-desking
mhu permess) b'kompjuters u tagħmir tax-xogħol assenjat individwalment;
· kontenituri ta’ sanitizzazzjoni ta' l-idejn ibbażati fuq 70% l-alkoħol ġew installati f'punti strateġiċi fil-postijiet kollha, b'enfasi partikolari f'żoni bħal swali fejn isiru laqgħat, entraturi, ħdejn magni tal-
photocopy
, liftijiet ... eċċ. Prodotti ta’ sanitizzazzjoni ġew ipprovduti fl-uffiċċji kollha;
· Tindif regolari huwa żgurat, b'attenzjoni partikolari għal partijiet komuni, kċejjen, u kmamar tal-banju;
· Tabelli u posters tqiegħdu madwar il-post tax-xogħol biex ifakkru u jissensibilizzaw lill-uffiċjali kollha u oħrajn dwar ir-riskji ta ’COVID-19 u l-miżuri meħtieġa biex iwaqqfu l-imxija tiegħu;
· Sinjali li jinkoraġġixxu l-użu regolari ta ħasil ta' l-idejn qed jintwerew fil-post kollu;
· Uffiċjali huma kontinwament imħeġġa biex iżommu mal-istess grupp ta’ ufficcjali (cluster), jilbsu maskri fejn id-distanza soċjali ta' żewġ metri ma tistax tiġi żgurata, meta jżuru uffiċini mhux tagħhom, waqt il-laqgħa kollha wiċċ imb'wiċċ, u meta jiċċaqalqu minn l-uffiċċji tagħhom;
· Kull fejn possibbli, l-iskrivaniji ġew irrangati mill-ġdid dahar ma' dahar jew ħdejn xulxin;
· Fejn distanza fizika mhix possibli ġew introdrodotti separazzjoni fiżika bejn l-iskrivaniji.
· Uffiċjali huma mħeġġa jagħmlu aktar laqgħa onlajn milli wiċċ imb'wiċċ, fejn possibbli;
· L-uffiċjali ġew infurmati biex ma jirrappurtawx għax-xogħol jekk iħossuhom morda jew jekk jaħsbu li ġew f'kuntatt mal-virus, bl-arranġamenti ta' xogħol mid-dar offrut bħala alternattiva. Ir-regola ġeneralment applikata hija li uffiċjali li juru deni (37.2 Deg C jew aktar), sintomi simili għall-influwenza jew sintomi oħra ta ’COVID-19 għandhom jibqgħu d-dar sakemm jiġu ċertifikati minn tabib li jistgħu jirritornaw għax-xogħol;
Barra minn hekk, matul din il-pandemija, ix-xogħol mid-dar kompla jiġi ffaċilitat skond il-proceduri applikabli tas-servizz pubbliku.
Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej – sanitizzazzjoni ta’ uffiċċji
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’prekawzjonijiet qed jittieħdu sabiex l-uffiċini jiġu sanatizzati? Ingħataw xi direct orders biex dan isir?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li kull uffiċċju qed jiġi mnaddaf kuljum inkluż postijiet komuni partikolarment fejn ikun hemm ċirkulazzjoni ta’ uffiċjali bħal kurituri, kċejjen, toilets.Il-Ministeru xtrara prodotti biex wieħed jiffaċilita’ is-sanatizzazzjoni tal-uffiċċji meta jkun hemm bżonn. Dawn qed jinxtraw skont il-proċeduri stabbiliti għall-akkwist.
Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej — impjegati
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il persuna hija impjegata fil-Ministeru u fid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu f’kull skala tas-salarju provdut fil-gradi ta’ salarji għas-servizz pubbliku u jgħid kemm minnhom huma nisa u kemm minnhom huma rġiel?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19253.
F'Lulju 2019 daħlet fis-seħħ id-Direttiva Ewropea tas-Single Use Plastics li tinkludi l-għan nobbli li jitnaqqas l-iskart tal-plastic, speċjalment dak 'disposable'. Ġo pajjiżna hawn diversi workshops u fabbriki li jipproduċu materjali bil-plastic li kellhom jadattaw għal din id-Direttiva. Uħud minn dawn jinsabu fi stat ta' inċertezza dwar il-materjali u proċessi li jistgħu jużaw issa li parti mill-produzzjoni tagħhom tiġi meqjusa projbita għax tmur kontra d-Direttiva. B'mod partikolari, hemm ċerta materjali li għalkemm mhux espressament projbiti mid-Direttiva jistgħu jiġu koperti bl-effetti tagħha bħal ma huma l-użu tal-plastic bio-degradabbli u l-użu ta' kartun u karti li jkun jinkludi plastic-coating. Jista' l-Ministru jindika x'qed isir min naħa tal-Gvern sabiex jiċċara dawn id-domandi mill-Industrija u x' ħidma qed iwettaq il-Gvern biex jirrapreżenta l-interessa tal-industrija Maltija fuq livell Ewropew anke fil-livell ta' implimentazzjoni ta' din id-Direttiva?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsijiet tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.
Voluntary Coupled Support – negozjati mal-Unjoni Ewropea
Question
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Parlament dwar in-negozjati mal-Unjoni Ewropea in kwantu l’hekk imsejjaħ Voluntary Coupled Support u l-politika agrikola komuni, biex Malta tkun eleġibbli li toffri għajnuna finanzjarja diretta għall-oqsma agrikoli sensittivi tagħha? Jista’ jispjega kemm ser tkun tammonta din l-għajnuna għal kull sena tul il-budget Ewropew kurrenti?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill Onor. Interpellant li tul in-negozjati fil-Kunsill, Malta assigurat li tinżamm id-deroga permezz tal- Voluntary Coupled Support fil-CAP Strategic Plan Regulation. Mal-Membri Parlamentari Ewropej qed ikomplu jsiru n-negozjati kollha meħtieġa sabiex l-importanza ta’ din id-deroga għal pajjizna tinżamm fil-qbil politiku bejn it-tliet Istituzzjonijiet Ewropej. Dawn id-diskussjonijiet mistennija jiġu konklużi lejn l-aħħar ta’ din is-sena. Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsijiet tiegħu dwar l-ammont ta’ għajnuna għal kull sena, lill-Ministeru kkonċernat
Talba lill-Unjoni Ewropea għall-għajnuna lill-AirMalta
Question
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Parlament jekk tul l-2020 saritx talba mill-Gvern Malti u/jew mill-kumpanija Air Malta lill-Unjoni Ewropea biex l-istess Gvern Malti jkun jista’ jagħti għajnuna finanzjarja lill-istess kumpanija AirMalta u dan sabiex din tal-aħħar tkun tista’ tilqa’ għall-impatt tal-pandemija? Jekk iva, x’kien l-eżitu s’issa ta’ din it-talba?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsijiet tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jagħti lista ta' kemm saru s'issa titjiriet ta' ripatriju għall-persuni mhux Maltin, lejn fejn kienu diretti dawn it-titjiriet, kemm ġew ripatrijati individwi u n-nazzjonalità tagħhom? Kemm swew dawn it-titjiriet u kemm ġabar flus minnhom il-Gvern? Kemm hemm titjiriet ippjanati fix-xhur li ġejjin?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
B’referenza għad-domandi preċedenti, jista’ l-Ministru jikkonsidra mill-ġdid it-talba ta’ numru ta’ Maltin Kanadiżi sabiex tinfetaħ Kummissjoni Għolja f’Ottowa, Kanada?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru tal-Affarijiet Barranin diġà kkunsidra bir-reqqa l-ftuħ ta’ Kummissjoni Għolja f’Ottawa u jħares lejn tali proposta bħala waħda valida minnha nnifisha. Peress li bħalissa għaddej proċess ta’ ħidma biex jinfetħu Ambaxxati u Konsolat Ġenerali f’imkejjen oħrajn madwar id-dinja, ikun għaqli li tali ħidma l-ewwel titlesta f’dawn il-missjonijiet, qabel tali proposti ġodda jitressqu ‘l quddiem.
Consul on the Move – appuntamenti pendent fl-Awstralja, l-Istati Uniti tal-Amerika u fl-Ewropea
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru u kemm hemm appuntamenti pendenti tal-Consul on the Move (COTM) fl-Awstralja, l-Istati Uniti tal-Amerika u fl-Ewropa u dan sabiex isiru kif l-pandemija tgħaddi? Jista’ jindika dan pajjiż b’pajjiż u possibbilment stat b’stat?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li f'Marzu tal-2020 kienet ittieħdet deċiżjoni sabiex jiġu sospiżi ż-żjarat u l-pjanijiet kollha tal-programm Consul-on-the-Move (COTM) minħabba l-imxija tal-COVID-19. Bħal bqija tal-pajjiżi kollha fid-dinja, dawk li fihom jiġu organizzati ż-żjarat tal-COTM kienu affettwati b’numru ta’ restrizzjonijiet u projbizzjoni ta’ vjaġġar li għamluha impossibbli għall-konsli li jivvjaġġaw bejn reġjuni differenti. Barra minnhekk, il-Ministeru ħa l-miżuri kollha biex iħares is-saħħa tal-uffiċjali tiegħu hekk kif dawn setgħu jitpoġġew f’riskju li jiġu kkontaminati. Għaldaqstant, il-Consul-on-the-Move bħalissa jinsab sospiż sakemm is-sitwazzjoni titjieb u vjaġġi fi Stati u reġjuni mbegħda jkunu jistgħu jerġgħu jibdew isiru bla diffikulta’ u bla periklu għas-saħħa tal-uffiċjali konċernati.
Sadanittant in-numri ta’ talbiet għal appuntamenti pendenti fil-pajjiżi minn fejn jopera l-programm huwa elenkat kif ġej:
· Fl-iStati Uniti tal-Amerika hemm 34-il appuntament pendenti
· Fil-Kanada kien hemm 630 talba (li mhux bilfors huma kollha għal appuntament abbinati mal-COTM). In-numru jista’ jkun riżultat ta’ akkumulazzjoni ta’ talbiet li suppost kellhom jiġu trattati bejn Mejju u Ġunju tal-2020 (meta suppost kellha ssir żjara tal-COTM u tħassret minħabba l-pandemija).