Legislature:
Category:
Reset
Active:

Il-Qorti Ġenerali tal-Qorti Ewropea – Każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 31501 u ċjoè: Peress li fil-Qorti Ġenerali tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, skada t-terminu tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb li t-terminu tiegħu jiġġedded?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni ser tingħata f’seduta oħra.

Bini ta’ Awla ġdida – Nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 31504 u jgħid kemm ġiet tiswa l-Awla l-ġdida li nbniet sabiex isiru l-ġurijiet fiha?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Awla l-ġdida li nbniet sabiex isiru l-ġurijiet fiha ġiet tiswa: € 539,352.46ċ. Din l-awla tintuża kuljum sabiex fiha isiru s-seduti kif ukoll sal-lum ġew iċċelebrati 5 ġurijiet fiha.

Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni – Estimi – Item 31 - Benefiċċjarji

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 32275 u jgħid min kienu l-benefiċċjarji tal-Item 31 – Professional Services imsemmi fl-estimi tal-Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari Nr 33670.

Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni – Estimi – Item 31 - Servizzi professjonali

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 32276 u jgħid ta’ xiex kienu s-servizzi professjonali li ġew provduti mill-benefiċċjarji tas-servizzi professjonali imsemmija f’Item 31 tal-estimi tal-Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ta kull sena isiru ħlasijiet għal diversi servizzi skond il-bżonnijiet tal-Ministeru, li n-natura tagħhom hija miġbura taħt id-definizzjoni ta’ Professional Services, liema definizzjoni tinsab fl-Estimi Finanzjarji. Fl-għeluq ta’ kull sena, l-ispiża attwali li tkun seħħet taħt dan l-item, tidher fil-Financial Report li jiġi ippubblikat mit-Teżor. Iż-żewġ dokumenti imsemmija jitqiegħdu fuq il-mejda tal-Kamra tad-Deputati kull sena.

Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni - Estimi - Item 5154

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 32277 u jgħid kemm mill-ispiża ta’ 8.3 miljun ewro għal spejjeż relatati ma’ ġurijiet, taħrikiet ta’ xhieda u esperti f’kawżi kriminali msemmija f’Item 5154 tal-estimi tal-Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni kienu: i. għall-ġurijiet; ii. għat-taħrikiet ta’ xhieda u iii. għall-ħlas ta’ esperti?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni ser tingħata f’seduta oħra.

Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni – Direct Orders

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ħarġu direct orders mill-ministeru tiegħu?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-entitajiet u d-dipartimenti tal-Gvern japplikaw ir-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi ta’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt joħorġu mill-Public Procurement Regulations.

Vjolenza domestika - Taħriġ lill-Membri tal-Ġudikatura

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 31731 u jgħid jekk isirx taħriġ dwar il-vjolenza domestika lill-Membri tal-Ġudikatura? Jista’ jgħid ukoll jekk qattx sar u jekk sar, meta?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Kumitat għall-Istudji Ġudizzjarji (JSC) jorganizza seminars u konferenzi regolari għall-membri tal-Ġudikatura flimkien ma’ diversi entitajiet lokali u internazzjonali dwar diversi suġġetti. Fl-aħħar sentejn fuq din it-tema speċifika saru 2 seminars/konferenzi f’Malta u 2 internazzjonali.

L-Università ta’ Malta – Master of Notarial Studies

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Università ta’ Malta għandhiex il-ħsieb li twaqqaf il-kors universitarju ta’ Master of Notarial Studies?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Il-Qorti tar-Reviżjoni tal-Atti Notarili – Żjarat f’uffiċċji ta’ nutara

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 31498, jista’ l-Ministru jgħid kemm-il-żjara saret fl-aħħar sentejn, mill-Qorti tar-Reviżjoni tal-Atti Notarili f’uffiċċji ta’ nutara, meta dehrilha li kien meħtieġ skont l-artikolu 115(1) tal-Kap 55 tal-Liġijiet ta’ Malta?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi in konġunzjoni mat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 31498, jigi ikkonfermat li tul l-aħħar sentejn, ma saret l-ebda żjara mill-Qorti ta’ Reviżjoni tal-Atti Nutarili f’uffiċċji ta’ nutara privata.

Reġistratur tal-Qorti (Ċivili) - Flus miġbura fi drittijiet u spejjeż

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inġabru flus fi drittijiet u spejjeż dovuti lir-Reġistratur tal-Qorti (Ċivili) matul l-2025?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi matul is-sena 2025 is-somma ta’ drittijiet u spejjeż miġbura mir-Reġistratur tal-Qorti (Ċivili) kienet ta’ €5,048,358.85ċ.

Ksur ta’ ‘protection orders’

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 30196 u 31061 u jgħid kemm inkisru ‘protection orders’ li ħarġu favur il-vittmi tal-vjolenza domestika mill-allegati aggressuri fis-sena 2024 u minn Jannar 2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Maġistrati - Inkjesti pendenti u każijiet oħra mhux relatati ma’ vjolenza domestika

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 30191 u 31058 u jgħid kemm għandhom inkjesti pendenti u każijiet oħra mhux relatati ma’ vjolenza domestika l-maġistrati sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara l-implimentazzjoni tar-riforma fl-inkjesti, ix-xogħol relatat ma' inkjesti huwa assenjat lill-Maġistrati Inkwirenti li xogħlom huwa relatat mal-inkjesti biss u ma jisimgħux kawżi.

Każijiet ta’ vjolenza domestika - Maġistrati

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 30190 u 31057 u jgħid kemm hemm maġistrati fuq każijiet ta’ vjolenza domestika bħalissa? Jista’ jgħid ukoll x’inhu l-caseload tal-każijiet ta’ vjolenza domestika li għandu kull wieħed minnhom sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi bħalissa hemm erbgħa (4) Maġistrati li huma assenjati fuq każijiet ta’ vjolenza domestika. Ninformah ukoll li sal-aħħar ta’ Novembru 2025 kien hemm 1,627 każ pendenti li huma maqsumin f’ 1,000, 264, 296 u 67 bejn dawn il-Maġistrati.

Is-Sala tal-President tal-Qorti – Nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa totali għar-refurbishment tal-kamra li ngħatat l-isem ‘Is-Sala Tal-President tal-Qorti’? Jista’ jipprovdi n-nefqa għal kull oġġett mixtri għad-dekorazzjoni tas-Sala u tal-inventarju kollu tal-kamra? Jista’ jgħid ukoll min ħa ħsieb id-disinn ta’ din il-kamra u jekk inħarġitx tender qabel saret l-għażla tal-persuna jew kumpanija li ħadet ħsieb id-disinn, kif ukoll jgħid kemm kienet in-nefqa għall-kummissjoni tad-disinn?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi s-Sala tal-President, hija l-post fejn il-Prim Imħallef jilqa` delegazzjonijiet ta’ Ġudikanti u dinjitarji oħra li jiġu minn barra l-pajjiż kif ukoll il-post fejn isiru laqgħat importanti mill-Prim Imħallef għal membri tal-Ġudikatura.  Din is-sala kien ilu ma jsir refurbishment u investiment fiha għal aktar minn 20 sena, b’hekk lura fl-2022, fuq inizjattiva tal-Prim Imħallef stess u bi djalogu mal-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati, skatta proċess biex din is-sala tiġi nmodernizzata, bil-faċilitajiet neċessarji biex terġa sservi l-iskop oriġinali tagħha. Wara t-tlestija tal-proġett is-sala laqgħet fiha diversi dinjitarji u membri tal-Ġudikatura internazzjonali f’ambjent li jixraq lill-Qorti ta’ Pajjiżna. Kif mitlub, ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi n-nefqa totali fis-sala tal-konferenzi fil-Binja Prinċipali tal-Qorti ġiet tiswa €146,026.59. Id-disinn tas-Sala ġie kkummissjonat lil Camilleri Paris Mode ai termini tal-Public Procurement Regulations u l-spiża kienet €5,000. L-investiment għal kull oġġett mixtri għad-dekorazzjoni tas-sala, flimkien mal-inventarju, huma elenkati fid-dokument mehmuż.

Skema Irrinova Darek

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew sottomessi applikazzjonijiet taħt l-iskema ‘Irrinova Darek’? Jista’ jgħid kemm minnhom ġew approvati, kemm ġew miċħuda u kemm għadhom pendenti? Jista’ jgħid ukoll: i.    Għal liema raġunijiet ewlenin ġew miċħuda dawn l-applikazzjonijiet? ii.    Kemm kien hemm applikanti li kellhom jinvolvu assessur obbligatorju iżda xorta waħda ma kkwalifikawx, u x’ammont totali ġew imġarrba f’miżati tal-assessuri f’dawn il-każijiet? iii.    Għaliex il-Gvern qed jimponi xogħlijiet obbligatorji bħal “wall insulation” u pannelli solari bħala kundizzjoni biex wieħed jikkwalifika għal din l-iskema/grant? iv.    Liema xogħlijiet huma strettament obbligatorji u liema jistgħu jitħallew għad-deċiżjoni individwali tal-applikant?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni ser tingħata f’seduta oħra.

Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni – Direct orders ta’ inqas minn €5,000

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta' inqas minn €5,000 matul Novembru 2025, mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari Nr 31682.

Pembroke - Ilmenti

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 31712, jista’ l-Ministru jgħid kemm daħlu ilmenti rigward trab, eċċ. li qed ikun hemm waqt il-kostruzzjoni li għaddej bħalissa, f’Pembroke matul din is-sena u x’passi ttieħdu?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorita tal-Bini u l-Kostruzzjoni u l-Awtorita għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq ix-Xogħol irċevew 11- il ilmenti dwar trab f’siti ta’ kostruzzjoni ġewwa Pembroke. Dwar dawn l-ilmenti, l-uffiċċjali ta’ dawn l-awtoritajiet għamlu diversi spezzjonijiet fejn ttieħdu l-passi neċċessarji, fosthom nħarġet ordni ta’ waqfien tax-xogħlijiet u ħruġ ta’ multa fuq emissjonijiet tat-trab.

Spejjeż legali u extra-ġudizzjarji relatati mal-proċeduri kontra kumpanija

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 32138, peress li fid-decide numerata (iv) tad-deċiżjoni finali tat-Tribunal Internazzjonali tal-Kummerċ (ICC) li saret referenza għaliha fl-istess tweġiba ma hemmx spjega ta' tali ammonti, jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija fl-intier tagħha u jagħti l-ammonti li ntefqu fuq spejjeż legali, spejjeż ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji, marbuta mal-proċeduri tal-arbitraġġ kontra l-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, u jaqsam dawn l-ispejjeż f’tabelli separati u xahar b’xahar?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari Nr 31980.