Qorti tal-Appell/Qorti Kostituzzjonali — Assistenta Ġudizzjarja jew Court Attorney
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-persuna, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, hijiex taqdi doveri bħala Assistenta Ġudizzjarja jew Court Attorney fil-Qorti tal-Appell jew fil-Qorti Kostituzzjonali?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern ma jżomm ebda rekord dwar min huma l-qraba tal-impjegati tas-Servizz Pubbliku u tal-entitajiet, u ma jkunx qed jagħmel sew jekk jagħmel hekk.
L-Assistenti Ġudizzjarji u l-Court Attorneys jaħdmu taħt is-superviżjoni u d-direzzjoni tal-Ġudikanti u jirrispondu lilhom. Kif ma jidħolx il-Ministeru għall-Ġustizzja fl-assenjazzjoni tad-dmirijiet ta’ dawn, lanqas ma għandu, bir-rispett kollu lejħ, jidħol l-Onor. Membru Interpellant.
Lil hinn minn dan kollu m'iniex dispost li nwieġeb fuq familjari t’ebda mid-diversi Avukati Ġenerali li servew lill-Istat Malti f’dawn l-aħħar żminijiet, uħud minnhom ukoll għal għaxar snin jew iżjed, u f’diversi perjodi taħt amministrazzjonijiet varji. Ħadt m’għandu jkun soġġett għal kwalunkwe forma ta’ diskussjoni politika abbażi tal-fatt li huwa qarib ta’ persuna jew persuni li jkunu servew lill-Istat Malti.
Jista' l-Ministru jgħid kemm vetturi ġew leased/mikrija mill-Ministeru, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Meta ġew leased/mikrija, mingħand min, kemm jiswew kull sena u min jużahom?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Filwaqt li nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba numru 6227, tlabt biex jinġabar il-kumplament tal-informazzjoni.
Qrati – sentenzi li fihom ingħatat il-piena ta’ Community Service Order
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm sentenzi li fihom ingħatat il-piena ta’ Community Service Order u jista’ jindika s-sigħat komplessivi u l-organizzazzjonijiet li ġew servuti fl-aħħar ħames snin, possibbilment sena b’sena?
Response (ATTARD, JONATHAN)
It-tabella bl-informazzjoni mitluba hekk kif miġbura sa April 2023 tinsab hawn taħt. Rigward liema kienu l-organizzazzjonijiet nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi il-mistoqsija tiegħu lil Ministru kkonċernat.
Sena20192020202120222023
Sa April
Numru ta’ Ordnijiet36511166
Total
ta’ Siegħat7055780209032401560
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ każijiet pendenti quddiem il-Qrati Maltin bħalissa? Jista' jgħid kemm kien hemm każijiet li nqatgħu matul is-sena 2022 u kemm daħlu każijiet ġodda quddiem il-Qrati Maltin matul l-istess perjodu?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li tlabt biex l-informazzjoni tinġabar.
Ministeru għal-Ġustizzja — persuni li għandhom mobile allowance
Question
Jista' l-Ministru jgħid fil-Ministeru mmexxi minnu, kemm hemm persuni li bħalissa għandhom mobile allowance, xi grad huma, kemm hemm f’kull grad, kemm hi din l-allowance għal kull xahar u għal kull sena, għal kull wieħed minnhom?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Filwaqt li nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba numru 9554, ninformah li hemm 9 persuni li huma intitolati għall-benefiċċju msemmi, bħala parti jew jaħdmu mas-Segretarjat tiegħi.
Reġistratur tal-Qorti (Kriminali) – ġbir ta’ flus f’multi u drittijiet peritali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm inġabru flus f’multi u drittijiet peritali dovuti lir-Reġistratur tal-Qorti (Kriminali) insegwitu għal sentenzi tal-istess Qrati Kriminali matul is-sena 2022?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fis-sena 2022 is-somma miġbura mir-Reġistratur tal-Qorti (Kriminali) Malta f’multi u drittijiet peritali hija ta’ € 1,627,187.35 u fil-Qorti Kriminali (Għawdex) is-somma miġbura hija ta €90,653.34.
Prim’Awla Sede Kostituzzjonali – kawżi pendenti kontra l-Avukat tal-Istat
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm kawżi pendenti kontra l-Avukat tal-Istat quddiem il-Prim’Awla (Sede Kostituzzjonali) li jittrattaw kontestazzjoni dwar l-allegat non-konformità mal-artikolu 39(1) tal-Kostituzzjoni? Jekk hemm, jista’ jgħid liema huma u f’liema stadju tal-proċeduri waslu quddiem il-Qorti?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba hekk kif miġbura sas-6 ta’ Ġunju 2023.
Persuni li ntbagħtu l-ħabs minħabba nuqqas ta’ aċċess għall-minuri
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li ntbagħtu l-ħabs effettiv minħabba nuqqas ta' aċċess għall-minuri skont l-artikolu 338(ll) tal-Kodiċi Kriminali, Kap. 9, u nuqqas ta' ħlas ta' manteniment skont l-artikolu 338(z) tal-Kap. 9 mill-2020 sal-lum? Minn dawn, kemm kienu ommijiet u missirijiet?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fis-sena 2020 kien hemm missier wieħed (1) illi weħel multa ta’ 50 ewro u missier ieħor weħel ammenda ta’ 50 ewro wara li nstabu ħatja dwar nuqqas ta' ħlas tal-manteniment, żewġ (2) ommijiet weħlu multa ta’ 50 ewro wara li nstabu ħatja fuq rifjut t’aċċess u omm minnhom weħlet 9 sentenzi ta’ detenzjoni effettiva.
Għall-informazzjoni mitluba dwar is-snin 2021 u 2022 nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġibiet li tajt għall-mistoqsijiet 8414 u 9713.
Filwaqt li fis-sena 2023 ma kien hemm l-ebda persuna li ntbagħtet l-ħabs minħabba nuqqas ta’ aċċess għall-minuri u/jew għal nuqqas ta’ ħlas ta’ manteniment.
Ministeru għall-Ġustizzja – rwol ta’ Eks Avukat Ġenerali
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 8193 u jgħid x’inhu r-rwol tal-Eks Avukat Ġenerali, li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, fi ħdan il-Ministeru tiegħu u x’paga qed jieħu għal dan ir-rwol?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna msemmija minnu tipprovdi servizzi ta’ konsulenza legali. Ta’ dan is-servizz din il-persuna qed titħallas €40 fis-siegħa sa massimu ta €68,000.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ilu l-iktar każ antik quddiem il-qorti li għadu ma nqatax?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-aktar kawża li ilha għaddejja quddiem il-Qrati ta’ Malta u Għawdex sal-31 ta’ Mejju 2023 hija kif mniżżel fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-kamra. Ta’ min jinnota li l-maġġoranza ta’ dawn il-każijiet huma appuntati li jinstemgħu din is-sena stess.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 9084 u 9371 u jgħid kemm kien hemm missirijiet u ommijiet li fis-sena 2020 effettivament instabu ħatja ta' ksur tal-Kodiċi Kriminali (Kap. 9 tal-Liġijiet ta' Malta) artikolu 338(z), dwar in-nuqqas ta' ħlas tal-manteniment, u artikolu 338(II), dwar in-nuqqas ta' aċċess ta' wlied minuri, u kemm weħlu twissijiet, multi, ħabs sospiż u/jew priġunerija?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninsab infurmat li l-informazzjoni ser tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 9083 u 9370 u jgħid kemm kien hemm missirijiet u ommijiet li fis-sena 2022 instabu ħatja ta' ksur tal-Kodiċi Kriminali (Kap. 9 tal-Liġijiet ta' Malta) artikolu 338(z), dwar in-nuqqas ta' ħlas tal-manteniment, u artikolu 338(II), dwar in-nuqqas ta' aċċess ta' wlied minuri, u kemm weħlu twissijiet, multi, ħabs sospiż u/jew priġunerija?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fis-sena 2022 kien hemm:
- Disa’ (9) missirijiet illi ntbagħtu l-ħabs wara li nstabu ħatja dwar nuqqas ta' ħlas tal-manteniment
- Ħamsa u għoxrin (25) missirijiet li ngħataw libertà kondizzjonata fuq nuqqas ta’ ħlas ta’ manteniment
- Tlett (3) ommijiet li ngħataw libertà kondizzjonata fuq rifjut t’aċċess,
- Tnejn u tlettin (32) omm u mitejn u disgħa u ħamsin (259) missirijiet weħlu sentenza ta' twiddiba u ċanfira.
Riforma tas-sistema tal-kumpilazzjonijiet u rinviji – konsultazzjoni pubblika — sottomissjonijiet
Question
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tas-sottomissjonijiet kollha li saru mill-pubbliku dwar ir-riforma fis-sistema tal-kumpilazzjonijiet u rinviji bħala parti mill-konsultazzjoni pubblika u li għalqet nhar il-31 ta' Mejjju 2023?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sottomissjonijiet mibgħuta qed jiġu analizzati u meħuda inkonsiderazzjoni. Meta dan il-proċess ikun konkluż ser jiġi ppubblikat rapport kif isir wara kull konsultazzjoni pubblika.
Jista' l-Ministru jagħti d-dettalji ta' kull direct order li ngħata mill-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati, inkluż id-data, il-valur u l-isem tal-persuna u/jew tal-kumpaniji li lilha ngħata, mis-sena 2019 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Contracting Authority tippubblika din l-informazzjoni fuq il-Gazzetta tal-Gvern għal kull procurement li jsir għal kull perjodu ta’ sitt xhur, skont ir-Regolament 111(2) tal-Public Procurement Regulations.
Jista' l-Ministru jgħid mingħand liema persuna jew kumpanija huma mikrija l-vetturi wżati mill-membri tal-ġudikatura? Jista' jgħid kif ġiet magħżula l-persuna jew kumpanija li mingħandha qiegħdin jinkrew il-vetturi għall-użu mill-membri tal-ġudikatura?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa l-karozzi użati mill-Membri tal-Ġudikatura huma mikrija mingħand il-kumpanija GO Hire Ltd.
Fl-1 ta’Mejju 2022 kien inħareġ tender għall-kiri ta’ 48 karozza tat-tip Plug-in Hybrid għal-Membri tal-Ġudikatura. Għal dan it-tender kienu ntefgħu 3 offerti u wara li saret l-evalwazzjoni rriżulta li l-offerti mitfugħa ma kinux konformi mal-ispeċifikazzjonijiet tad-dokument tat-tender. Żewġ offerenti li tefgħu l-offerta għal dan it-tender appellaw id-deċiżjoni tal-bord tal-evalwazzjoni quddiem il-Public Contracts Review Board u l-Qorti tal-Appell. Fiż-żewġ instanzi id-deċiżjoni tal-bord tal-evalwazzjoni ġiet ikkonfermata. Id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Appell ġiet mogħtija fl-20 ta’Marzu 2023.
Peress li kuntratt għall-kiri tal-karozzi użati mill-Membri tal-Ġudikatura kien se jagħlaq fit-12 ta’ April 2023, f’Ottubru tas-sena 2022, l-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati għamlet riċerka fi-suq dwar id-disponibbiltà ta’ kiri ta’ 48 vettura għall-Membri tal-Ġudikatura. Mill-proposti mitfugħa, il-kumpanija GO Hire Ltd, kienet l-unika li kellha għad-disponibbiltà tagħha vetturi tat-tip PHEV li jistgħu jinkrew għall-Membri tal-Ġudikatura f’qasir żmien. F’din ir-riċerka ma ġewx inklużi l-kumpaniji li tefgħu offerta fit-tender minħabba li kienu parti mill-proċess tal-appell.
Wara konsultazzjoni interna, u wara li kien hemm żieda fin-numru ta' Ġudikanti, l-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati talbet lid-Dipartiment tal-Kuntratti sabiex tibda proċedura ta’ Negotiated Procedure mal-kumpanija GO Hire Ltd għall-Kiri ta’ vetturi għall-Membri tal-Ġudikatura. It-tali talba ġiet approvata u hekk l-Aġenzija daħlet fi ftehim mal-GO Hire Ltd.
Ministeru għall-Ġustizzja – Donazzjonijiet lil Fondazzjoni
Question
Jista' l-Ministru jgħid, sena b'sena, mis-sena 2014 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija, kemm kien il-valur finanzjarju ta’ donazzjonijiet li l-Ministeru u/jew l-entitajiet (fosthom awtoritajiet) li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu, taw lill-Fondazzjoni li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament? Jista' jispeċifika meta donazzjoni kienet waħda finanzjarja u meta kienet għoti ta' servizz b'xejn jew makkinarju eċċ. u l-valur ta' tali għotja?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bejn l-2014 sal-31 ta’ Mejju 2023 il-Ministeru tiegħi, inkluż id-dipartimenti u l-entitajiet li jagħmlu parti minnu, ma tawx donazzjonijiet finanzjarji jew għotja ta’ servizz lill-Fondazzjoni msemmija.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx impjegati mill-Ministeru tiegħu li jmorru jiftħu u jaħdmu fl-uffiċċju/i tal-kostitwenza?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-impjegati tas-segretarjat privat huma ingaġġati u jaħdmu b’rispett sħiħ u konsistenti mal-Engagement of Staff for Ministers’ Secretariat maħruġ mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru fl-2012. Dawn il-linji gwida għadhom fis-seħħ u fil-preżent dawn huma aċċessibbli fil-Manual on Resourcing Policies and Procedures li jikkumplimenta l-Public Service Management Code.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm għandu ħaddiema mal-kuntrattur fid-dekasteru tiegħu, u f’liema rwoli?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. interpellant li sal-aħħar ta’ Mejju 2023 kien hemm 107 ħaddiema tal-kuntrattur jaħdmu f’dan id-dekasteru. Dan huma ingaġġati f’xogħlijiet ta’ tindif, sigurtà, messaġġiera, receptionists, klerikali u customer care.
Inkjesti dwar ħsarat jew imwiet fuq is-siti ta’ kostruzzjoni
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' inkjesti li għaddejjin bħalissa fil-Qrati Maltin għal dak li jirrigwarda ħsarat jew imwiet fuq is-siti ta’ kostruzzjoni? F’liema siti ta’ kostruzzjoni għadhom għaddejjin dawn l-inkjesti?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninsab infurmat illi bħalissa hemm tletin (30) inkjesta pendenti li jirrigwardaw ħsarat jew imwiet fuq is-siti ta’ kostruzzjoni, fir-rigward tat-tieni parti tal-mistoqsija, l-esponenti ai termini tal-Artikolu 518 ma jistax jagħti informazzjoni dwar liema huma s-siti ta’ kostruzzjoni involuti f’tali inkejsti.
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-persuni li nħatru membri tat-tliet Diviżjonijiet tal-Bord tal-Appelli dwar l-Immigrazzjoni? Jista' jagħti lista tal-irwoli u/jew ħatriet oħra li għandhom dawn il-membri mas-Servizz Pubbliku jew ma’ xi entitajiet pubbliċi?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi il-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.