Legislature:
Category:
Reset
Active:

Rabat, Għawdex – Triq il-Papa Ġwanni Pawl II — Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta ser jibda x-xogħol fuq l-arkata li hemm fi Triq il-Papa Ġwanni Pawl II fir-Rabat, Għawdex peress li din issa ilha bil-ħadid għal dawn l-aħħar sentejn u ma jidher li sar l-ebda xogħol ieħor fuqha? Jista' jgħid ukoll meta hu mistenni li jkun lest ix-xogħol u meta ser jitneħħa l-ħadid li hemm mal-arkata?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lil Onor. Interpellant li nħarġet tender CT3047/2023 - Tender for the structural consolidation and conservation of the aqueduct in triq Papa Gwanni Pawlu II, Rabat, Gozo using environmentally friendly measures. Wara li jiġi aġġudikat it-tender jibda x-xogħol skont il-permessi maħruġa mill-Awtorità tal-Ippjanar.

Ministeru għal Għawdex — Deputati tal-Oppożizzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma d-Deputati tal-Oppożizzjoni li huma impjegati fiċ-ċivil, jew fis-servizz pubbliku, jew f'kumpaniji fejn il-Gvern għandu b'xi mod interess maġġoritarju u ta' kontroll, jew f'aġenziji, entitajiet, jew awtoritajiet regolatorji fid-dekasteru li għalih hu responsabbli l-Ministru u jekk hemm persuni identifikati, jiġi indikat fejn qegħdin iservu u l-kariga li jokkupaw?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex tirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13997.

GOZO Channel – Audited Accounts

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-audited accounts għas-sena 2022 tal-kumpanija Gozo Channel (Operations) Ltd?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-audited accounts għas-sena 2022 tal-kumpanija Gozo Channel (Operations) Ltd għadhom m’għaddewx mill-proċessi neċessarji biex jiġu approvati u eventwalment ippublikati mill-MBR. Għaldaqstant il-kumpanija għadha mhix f’pożizzjoni li tippublika dawn l-accounts.

Ministeru għal Għawdex – Trasferimenti ta’ dipartimenti/taqsimiet

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13863 jista' l-Ministru jgħid mis-sena 2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari kemm-il Dipartiment jew taqsima fid-dekasteru tiegħu ġew jew hemm diġà arranġamenti biex jiġu trasferiti taħt aġenzija u/jew awtorità li mhijiex fid-dekasteru tiegħu?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-2013 kien hemm tliet Aġenziji li ġew iffurmati u li l-uffiċċji f’Għawdex sussegwentament ġew integrati ma’ dawn l-Aġenziji. Dawn kienu Libreriji, il-Qrati t’Ghawdex, u l-Uffiċċju tar-Reġistrazzjoni tal-Artijiet.

Ministeru għal Għawdex — Servizzi ta’ kumpanija privata

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk xi entità fi ħdan id-dekasteru tiegħu tatx xi forma ta’ kuntratt, jew ftehim, ta’ servizzi/xogħol/konsulenza eċċ. lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament? Jekk iva, liema entità, meta u kemm swiet?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ebda entità fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex ma tat xi forma ta’ kuntratt, jew ftehim, ta’ servizzi/xogħol/konsulenza eċċ. lill-kumpanija li d-dettalji dwarha ngħataw separatament.

Ministeru għal Għawdex — Fondi mill-Unjoni Ewropea

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm fondi ġejjin mill-Unjoni Ewropea li ntefqu matul l-2020, 2021 u 2022? Jista’ jgħid ukoll liema kienu u jagħti break down tagħhom?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministru kkonċernat.

Animal Welfare Gozo – Pożizzjoni ta’ Manager 1

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min hu inkarigat mit-taqsima tal-Animal Welfare Gozo fil-preżent u f’dawn l-aħħar ġimgħat u jekk is-sejħa li ħareġ il-Ministeru għal Għawdex sena ilu biex jimtela post vakanti ta’ Manager 1 fi ħdan l-istess sezzjoni ingħalqitx? Jista’ jgħid ukoll kemm mill-ħaddiema li jaħdmu f’din it-taqsima huma fil-grad ta’ Animal Welfare Officer?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, kif ingħad fid-diversi risposti li ngħataw, din is-sezzjoni taqa’ taħt ir-responsabiltà diretta tad-direttur EkoGħawdex. Dik is-sejħa kienet ingħalqet fi Frar iktar kmieni din is-sena u mit-tnax-il applikant, ma kien hemm ħadd eliġibbli. Bħalma ngħad fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6679 u anke dik aktar riċenti 12876, il-ħaddiema tax-xift jaqdu l-funzjonijiet ta’ Animal Welfare Handlers f’termini ta’ ħidma però dawn m’għandhomx il-grad t’Animal Welfare Officers.

Ministeru għal Għawdex — Direct Orders

Question

Jista’ l-Ministru jipprovdi lista tad-direct orders li ngħataw matul is-sena 2023 u jgħid ukoll l-ammonti mħallsa, is-servizz provdut jew mitlub, u lil min ingħataw dawn id-direct orders?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Contracting Authority tippubblika din l-informazzjoni fuq il-Gazzetta tal-Gvern għal kull procurement li jsir għal kull perjodu ta’ sitt xhur, skont ir-Regolament 111(2) tal-Public Procurement Regulations.

Ministeru għal Għawdex — Implimentazzjoni ta' Direttivi tal-UE

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’direttivi tal-Unjoni Ewropea ġew implimentati mill-Ministeru għal Għawdex matul is-sena 2023 u liema huma dawk li għadhom pendenti?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul is-sena 2023 ma kienx hemm Direttivi x’jiġu trasposti taħt dan il-portafoll tal-Ministeru għal Għawdex.

Għawdex — LIFE Integrated Project - Proġetti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-proġetti kofinanzjati mill-Unjoni Ewropea taħt il-programm LIFE Integrated Project tal-baġit il-ġdid tal-Unjoni Ewropea 2021-2027 li applika għalihom il-Ministeru għal Għawdex u fejn jinsabu f’Għawdex, liema ġew aċċettati u liema ma ġewx aċċettati sa issa? Jista’ jgħid ukoll kemm se jingħata flus il-Ministeru għal Għawdex minn dan il-fond fuq kull proġett? Jista’ jgħid jekk hux se jingħata aktar flus u jekk iva, kemm se jingħata minn dan il-fond u għal liema proġetti?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s’issa l-Ministeru għal Għawdex għadu ma bbenefikax minn tali programm.

Xagħra Għawdex — Għar ta' Calypso

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proġett tal-Għar ta' Calypso fix-Xagħra Għawdex, liema għar issa ilu magħluq għall-pubbliku għal diversi snin peress li kienet ċediet parti minnu u fid-dawl tal-fatt li ż-żewġ Ministri ta' qablu ddikjaraw kemm-il darba li x-xogħol kien wasal biex jibda u li dalwaqt jerġa’ jinfetaħ? Jista’ jgħid ukoll xi progress sar f' dawn l-aħħar seba’ xhur u meta hu maħsub li bejn wieħed u ieħor, ikunu jistgħu jinkisbu l-permessi meħtieġa biex eventwalment ikun jista’ jibda x-xogħol meħtieġ?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-applikazzjoni sottomessa lill-Awtorità tal-Ippjanar miexja bil-proċess u wara li ntemm l-proċess ta' konsultazzjoni, qiegħda tipprepara r-rakkomandazzjonijiet tagħha.

Servizz ta’ physiotherapy fid-djar — Lista ta’ stennija

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 12681 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Anzjanità Attiva u jgħid kemm hi l-waiting list (f'tul ta' żmien) biex jingħata servizz ta' physiotherapy fid-djar mill-Gvern lill-anzjani f'Għawdex?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa hemm tnax-il persuna jistennew biex jieħdu s-servizz tal-fiżjoterapija fid-dar. Żewġ applikanti applikaw f’Settembru 2023, tmienja applikaw f’Ottubru 2023 u tnejn oħra f’Novembru.

Ministeru għal Għawdex – Trasferimenti ta’ dipartimenti/taqsimiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid mis-sena 2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b'sena kemm-il Dipartiment jew taqsima fid-dekasteru tiegħu ġew jew hemm diġà arranġamenti biex jiġu trasferiti taħt aġenzija u/jew awtoritá li mhijiex fid-dekasteru tiegħu?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex ikun aktar speċifiku fil-mistoqsija tiegħu sabiex ma jinqabiżx l-advisory cost limit.

Ministeru għal Għawdex — Ħaddiema stazzjonati f’Kemmuna

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu li huma stazzjonati f’Kemmuna u minn liema dipartiment ġejjin dawn il-ħaddiema? Jista’ jgħid ukoll x’inhu x-xogħol ta’ kull wieħed minn dawn il-ħaddiema f’Kemmuna matul is-sena u kemm minnhom huma ħaddiema tal-Gvern u kemm minnhom ma humiex ħaddiema tal-Gvern?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex għandu 18-il ħaddiem u Senior Foreman li jagħmlu xogħol ta’ tindif fil-bajja ta’ Santa Marija u fil-bajja tal-Blue Lagoon. Ix-xogħol huwa ta’ Beach Cleaners. Minn dawn id-dsatax-il ħaddiem, disgħa minnhom huma Community Workers u l-oħrajn huma ħaddiema tal-Gvern.

Triq li twassal għall-Bajja tal-Ħondoq — xogħlijiet

Question

B'referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 3651 u 7574 li ngħataw fl-14 ta' Novembru 2022 u fis-17 ta' April 2023 rispettivament dwar x'qed isir fil-parti tat-triq li twassal għall-Bajja ta' Ħondoq li bdiet tisfronda, peress li din it-triq kien sar xogħol fuqha fi żmien il-Ministru preċedenti iżda ftit wara bdiet tisfronda, fejn ġie mwieġeb li x-xogħlijiet huma ppjanati li jsiru ladarba jiġi pproċessat it-tender, jista’ l-Ministru jgħid jekk it-tender ġiex ipproċessat u jindika meta, bejn wieħed u ieħor, hu maħsub li jibda x-xogħol meħtieġ fuq l-imsemmija triq, x'se jkun jikkonsisti x-xogħol u kemm hu stmat li se jiġi jiswa?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tender għall-bini mill-ġdid ta’ din il-parti tat-triq qiegħda tiġi vvettjata u sussegwentament nistennew li tiġi ppubblikata.

Ministeru għal Għawdex – ħaddiema sekondati jew on loan

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 5397 u 7821 u jgħid kemm kien hemm u kemm hemm ħaddiema seconded jew on loan mal-Ministeru għal Għawdex, sena b'sena u xahar b’xahar mit-8 ta' Marzu 2013 sad-data ta’ meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid x'tip ta’ xogħol qed jagħmlu mal-Ministeru għal Għawdex? Jista’ jgħid x’kien ix-xogħol tagħhom (il-grad jew job description) u ma’ liema Ministeru, entità, awtorità, korporazzjoni, aġenzija jew kumpanija tal-Gvern kienu jaħdmu qabel ġew seconded jew ġew on loan mal-Ministeru għal Għawdex?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul din il-leġiżlatura kien hemm total ta’ erba' ħaddiema li ġew seconded jew on loan. Minn dan in-numru msemmi, attwalment hemm tliet ħaddiema. Aktar dettalji jinsabu fuq it-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ir-Rabat, Għawdex — Konservazzjoni tal-Akwadott

Question

Jista’ l-Ministru jipprovdi iktar informazzjoni dwar il-proġett ta’ konsolidazzjoni strutturali tal-pedamenti u l-konservazzjoni tal-akwadott fir-Rabat, Għawdex, li ilu jiġi mwiegħed f’diversi baġits f’dawn l-aħħar snin? Jista’ jgħid jekk inħarġitx sejħa għal xogħol ta' konsolidazzjoni strutturali tal-pedamenti u l-konservazzjoni tal-akwadott u jekk ġietx awarded? Jista’ jgħid ukoll, bejn wieħed u ieħor, meta hu ppjanat li jinbeda x-xogħol?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sejħa għall-offerti, referenza: ‘CT3042/2023 Tender for the structural consolidation and conservation of the aqueduct in triq Papa Ġwanni Pawlu II, Rabat, Gozo using environmentally friendly Measures’, ġiet ippubblikata u se tagħlaq fit- 12 ta’ Diċembru.

Ir-Rabat, Għawdex — Ċimiterju ta’ Santa Marta - Manutenzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta’ manutenzjoni u xogħol ieħor sar fiċ-Ċimiterju ta’ Santa Marta fir-Rabat f’dawn l-aħħar sitt snin, maqsuma sena b’sena u kemm ġie jiswa? Jista’ jgħid ukoll x’hemm ippjanat bħala manutenzjoni u xogħol ieħor li jsir minn issa sal-aħħar tas-sena 2024 f’dan iċ-ċimiterju u kemm hi ppjanata li tkun l-ispiża?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul din is-sena (2023) saru spezzjonijiet f’dan iċ-ċimiterju u li ser jibdew studji dwar ix-xogħol ta’ manutenzjoni u restawr li jeħtieġ li jsiru.

Ix-Xewkija — Triq Ta' Ħamet - Zebra Crossing

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex għaddew diversi xhur u fi Triq Ta' Ħamet, ix-Xewkija (it-triq prinċipali ħdejn il-Knisja tal-Madonna tal-Karmnu) għadha ma saritx zebra crossing kif kien hemm qabel ma’ din it-triq ġiet asfaltata? Fid-dawl li dan in-nuqqas serju issa ilu diversi xhur u hemm periklu kbir għal min irid jaqsam f'din l-imsemmija triq, jista’ l-Ministru jgħid min minn naħa tal-Ministeru ser jerfa’ r-responsabbiltà jekk iseħħ inċident?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li d-dipartiment responsabbli qiegħed f’diskussjoni ma’ Transport Malta sabiex jinstab l-aħjar post fejn tista’ ssir zebra crossing li tkun koperta bil-permessi meħtieġa.

Ministeru għal Għawdex — Applikazzjonijiet għall fondi mill-Unjoni Ewropea

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema kienu dawk l-entitajiet, dipartimenti jew awtoritajiet fid-dekasteru tiegħu li applikaw għal xi forma ta' fondi mill-Unjoni Ewropea matul l-ewwel għaxar xhur tas-sena 2023? Jista’ jgħid ukoll għal liema fondi applikaw u x’kien l-eżitu?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant biex jagħmel referenza għall-informazzjoni li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari 12691.