Legislature:
Category:
Reset
Active:

Residenza San Vinċenz de Paule — applikazzjoni ta' anzjana

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ ta' anzjana li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li t-tifel tagħha jixtieq li ommu li tinsab f'home li hija sussidjata mill-gvern u issa ġiet bedridden, tidħol fir-Residenza San Vinċenz de Paule biex ikollha l-attenzjoni mixtieqa, peress li ilha xhur li applikat?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li d-Dipartiment għall-Anzjani u Kura fil-Komunità m’għandu l-ebda applikazzjoni bin-numru tal-Karta tal-Identità li qiegħed jikkwota l-Onor. Interpellant.

Ċimiterju tal-Addolorata — ġibjuni tal-ilma

Question

Jista’ l-Ministru jara l-ilmenti li qed ikun hemm mill-pubbliku fuq iċ-ċimiterju ta’ Marija Addolorata minħabba nuqqas ta' ilma? Għaliex it-tankijiet tal-ilma qed jitwaħħlu biss f’Jum l-Omm u Jum il-Missier? Veru li l-ġibjun għadu bla ilma, minkejja li ġie restawrat? Jikkonferma li fejn il-gate il-kbira minn wara m’hemmx ilma fil-vitijiet li qed iwassal biex il-pubbliku lanqas ikollu biex jaħsel idejh?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li s-sistema ta’ distribuzzjoni tal-ilma hija waħda qadima u matul is-snin din ġarrbet diversi ħsarat li sabiex tinbidel din trid ippanjar, speċjalment peress li din is-sistema għaddejja minn taħt l-art. It-tankijiet jintużaw biss meta f’okkażżjonijiet speċjali n-numru ta’ nies tkun tali li l-provvista tal-ilma ma tlaħhaqx u dan jigri peress li jinfetħu ħafna vitien fl-istess waqt. It-tankijiet ma jitħallewx tul is-sena kollha, għaliex is-sitwazzjoni f’kundizzjoniliet normali ma tirrekjedix l-użu tagħhom. Filwaqt li nikkonferma illi l-ġibjun tnaddaf u sar survey dwaru, madankollu l-effettività tiegħu tkun tista’ tinħass meta t-tiswijiet tas-sistema ta’ d-distribuzzjoni tal-ilma titwettaq kollha. Nikkonferma wkoll li bħalissa m’hemmx ilma fil-vit li qiegħed fejn il-bieb ta’ wara imma din is-sitwazzjoni sejra tiġi ndirizzata mill-aktar fis possibli.

Persuni li daħlu sptarijiet u ċentri tas-saħħa — kawża ta' xorb eċċessiv

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li daħlu l-isptarijiet u ċentri tas-saħħa kawża ta' xorb eċċessiv matul l-ewwel tliet xhur tas-sena 2011 separatament? X'etajiet kellhom?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Persuni li daħlu sptarijiet u ċentri tas-saħħa — swat jew abbuż fuq minorenni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li daħlu l-isptarijiet u ċentri tas-saħħa minħabba swat jew abbuż fuq minorenni matul l-ewwel tliet xhur tas-sena 2011 separatament? X'etajiet kellhom?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li minn tagħrif miġbur mid-Dipartiment tal-Pedjatrija tal-Isptar Mater Dei irriżulta li bejn Jannar u Marzu 2011 kien hemm żewġ każijiet ta’ minuri li ddaħħlu bħala pazjenti ġewwa l-Isptar Mater Dei minħabba f’allegat swat jew abbuż. L-etajiet ta’ dawn il-minuri kienu ħames xhur u sentejn rispettivament. Ta’ min jinnota li ħafna drabi meta jseħħu dawn il-każijiet ikun hemm biss suspett li jkun sar abbuż. Wara li l-każ jiġi nvestigat mis- social workers u l-professjonisti li jkunu qed jieħdu ħsieb il-każ tkun tista’ tintlaħaq konklużjoni dwar jekk in-natura tal-inċident kienitx waħda ta’ abbuż. Ta’ min wieħed jgħid wkoll li fil-maġġoranza tal-każijiet li jkunu qed jiġu nvestigati minħabba f’allegazzjoni ta’ abbuż, ma jkunx hemm bżonn li l-vittma tal-allegat abbuż tiddaħħal l-isptar għall-kura u l-każ jiġi nvestigat fil-kommunità. Id-Dipartiment tas-Saħħa Primarja ma jżommx din it-tip ta’ statistika.

Persuni li daħlu sptarijiet u ċentri tas-saħħa — swat u/jew vjolenza fuq anzjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li daħlu l-isptarijiet u ċentri tas-saħħa fuq swat u/jew vjolenza fuq anzjani matul l-ewwel tliet xhur tas-sena 2011 separatament? X'etajiet kellhom?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba ma tinżammx. Fl-Electronic Case Summary / Hospital Activity Analysis System jinżammu dettalji biss dwar dak li l-pazjent ikun qed ibati bih b’konsegwenza ta’ swat u/jew vjolenza, iżda ma jkun hemm l-ebda referenza għall-fatt li jkun seħħ swat u/jew vjolenza fuq dawn il-persuni. Id-Dipartiment tas-Saħħa Primarja ma jżommx din it-tip ta’ statistika.

Persuni li daħlu sptarijiet u ċentri tas-saħħa — kawża ta' inċident fuq il-post tax-xogħol

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li daħlu l-isptarijiet u ċentri tas-saħħa kawża ta' inċident fuq il-post tax-xogħol matul l-ewwel tliet xhur tas-sena 2011 separatament? X'etajiet kellhom?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-informazzjoni mitluba ma tinżammx. Fl-Electronic Case Summary/Hospital Activity Analysis System jinżammu biss dettalji dwar dak li l-pazjent ikun qed ibati bih b’konsegwenza tal-inċident, iżda ma jkun hemm l-ebda referenza għall-fatt li dan ikun kawża ta’ inċident li jkun seħħ fuq il-post tax-xogħol. Id-Dipartiment tas-Saħħa Primarja ma jżommx din it-tip ta’ statistika.

Persuni li daħlu sptarijiet u ċentri tas-saħħa — kawża ta' inċident tat-traffiku

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li daħlu l-isptarijiet u ċentri tas-saħħa kawża ta' inċident tat-traffiku matul l-ewwel tliet xhur tas-sena 2011 separatament? X'etajiet kellhom?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Id-dettalji tal-pazjenti li ddaħħlu fl-Isptar Mater Dei fl-ewwel 3 xhur ta’din is-sena kawża ta’ inċidenti tat-traffiku, flimkien mal-etajiet tagħhom huma kif jidher hawn taħt: Età Numru ta’pazjenti <5 2 5-14 3 15-24 24 25-34 14 35-44 10 45-54 4 55-64 3 65-74 9 75-84 6 85-94 1 Total 76 Ta’ min jinnota li f’ċertu każi fl-Electronic Case Summary jiġi mniżżel biss dak li l-pazjent ikun qed ibati bih b’konsegwenza tal-inċident bla ma jkun hemm referenza għall-fatt li jkun seħħ inċident. Id-Dipartiment tas-Saħħa Primarja ma jżommx din it-tip ta’ statistika.

MCAST — Diploma in Elderly Care

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 25202 li saret lill-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja u issa ġiet riferuta lilu u jgħid għaliex fil-każ ta' applikanti għal carers fil-qasam tal-anzjani, persuni li jiksbu Diploma in Elderly Care permezz tal-istitut tal-MCAST ikollhom jirrepetu t-taħriġ ta' tmenin siegħa li jridu jiġu notifikati (logged) kif ukoll assignments li jkunu diġa' saru permezz tal-kors organizzat mill-MCAST? Jidhirlu l-Ministru li din id-duplikazzjoni fit-tħejjija ta' studenti hi ħalja fir-rigward ta' riżorsi umani u tkompli tiskoraġġixxi l-persuni li joffru s-servizz tagħhom lill-anzjani?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li d-Dipartiment għall-Anzjani u Kura fil-Komunità ħa l-passi meħtieġa sabiex tiġi rranġata s-sitwazzjoni fis-sens li d-Diploma fil-Kura tal-Anzjani mill-MCAST tibda tiġi aċċettata bħala rekwiżit validu fil-każ ta’ applikanti għal carers biex jaħdmu mal-kuntrattur.

burial permits għal trabi u feti

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 25145 u jgħid kemm inħarġu burial permits għal trabi u feti f'dawn l-aħħar seba' snin u jindika l-etajiet u l-lokalità sena b'sena?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li matul dawn l-aħħar seba' snin inħarġu dawn il-burial permits għal trabi u feti. Matul is-sena 2004 Inħarġu 3 burial permits għal trabi Inħareġ 1 burial permit għal 60 fetu Matul is-sena 2005 Inħarġu 3 burial permits għal trabi Inħareġ 1 burial permit għal 57 fetu Matul is-sena 2006 Inħarġu 5 burial permits għal trabi Inħareġ 1 burial permit ghat 57 fetu Matul is-sena 2007 Inħarġu 8 burial permits għal trabi Inħareġ 1 burial permit għal 50 fetu Matul is-sena 2008 Inħarġu 10 burial permits għal trabi Inħarġu 3 burial permits għal 43 fetu Matul is-sena 2009 Inħarġu 7 burial permits għal trabi Inħarġu 7 burial permits għal 37 fetu Matul is-sena 2010 Inħarġu 5 burial permits għal trabi Inħarġu 3 burial permits għal 53 fetu Rigward it-tieni parti tal-Mistoqsija, il-maġġoranza tal-imwiet jissuċċedu meta jkunu għadhom fil-ġuf tal-omm, u ċioe’ waqt it-tqala jew eżatt wara t-twelid tat-tarbija fl-iSpecial Care Baby Unit.

Prodotti Gluten Free

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li dawk il-persuni li jieħdu prodotti gluten free qed jiġu obbligati li jmorru jiġbruhom mill-ispiżeriji tal-gvern ġewwa Birkirkara u l-arranġament li kien hemm qabel tneħħa u dan b'detriment għal numru ta' persuni li jibbenefikaw minn dawn il-prodotti u joqogħdu fin-naħa t'isfel ta' Malta?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 25114.

Sptar Mater Dei — informazzjoni dwar l-ambulanzi

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 23752 u jgħid kemm huma l-ambulanzi tal-istat li għandu għad-dispożizzjoni l-Isptar Mater Dei? Meta matul is-sena l-oħra kien ġie rappurtat li l-ambulanzi kienu bil-ħsara u minflok bdew jinkrew l-ambulanzi mill-privat, jista' l-Ministru jikkonferma jekk l-ambulanzi tal-istat humiex jiffunzjonaw sew illum u kemm tħallsu f'kirjiet għall-ambulanzi u għal kemm tul ta' żmien?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-Isptar Mater Dei għandu seba’ ambulanzi tal-istat għad-dispożizzjoni tiegħu għall-emerġenzi. L-ambulanzi kollha jiffunzjonaw sew. Dan ma jfissirx li qatt ma jkollhom ħsarat jew bżonn ta’ service, speċjalment meta wieħed iqis l-użu ntensiv tagħhom. Meta ambulanza tkun bil-ħsara jew tittieħed għal service, l-isptar jikri ambulanza mill-privat għal żmien temporanju. Matul l-2010, tħallsu €53,129 f’kirjiet għal dawn l-ambulanzi privati għal total ta’ 302 ġurnata. Ir-rata medja għall-kiri ta’ ambulanza privata kuljum kienet ta’ € 175.92.

Occupational Health and Safety Authority — inspection

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm-il inspection saret mill-Occupational Health and Safety Authority, matul l-aħħar sitt xhur tas-sena 2010 fuq il-postijiet ta' kostruzzjoni? Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk fil-fatt l-Occupational Health and Safety Authority tagħtix ukoll tagħrif, b'mod regolari, lill-kuntratturi? Jista' jagħti ukoll lista ta' pubblikazzjonijiet ta' tagħrif li tagħmel?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li matul il-perjodu indikat mill-Onor Interpellant, l-Awtorità għas-Saħħa u Sigurta fuq il-Post tax-Xogħol għamlet 768 spezzjoni fuq siti ta’ kostruzzjoni. Dawn saru kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex. Dwar it-tieni parti tal-istess Mistoqsija, u cioe’ kemm jingħata tagħrif b’mod regolari lill- kuntratturi, irid jingħad li kull meta saret spezzjoni fuq il-lant tax-xogħol l-uffiċċjali tal-Awtorita’ dejjem ikellmu lill-kuntratturi preżenti. F’xi okkazzjonijiet minnhom dawn il-kuntratturi jinġiebu ukoll fl-uffiċċji tal-Awtorita’ fejn jinzammu laqgħat magħhom, izda l-istatistika dwar dawn il-laqgħat ma tinżamx. Barra minn dan fil-25 ta` Frar ta` din is-sena uffiċċjali tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol ħadu sehem f’seminar li ġie organizzat mid- Developers Association , fejn għamlu preżentazzjoni viżiva dwar il-perikli u r-riskji fuq postijiet ta` kostruzzjoni. Matul il-perjodu imsemmi uffiċċjali tal-Awtorita ħadu sehem f`diversi programmi fuq ix-Xandir Nazzjonali fejn ittrattaw diversi riskji fuq siti ta` kostrutzzjoni u kif dawn jistgħu jiġu evitati jekk ir-regoli tas-saħħa u s-sigurta’ fuq il-postijiet tax-xogħol jiġu segwiti kemm mill-ħaddiema kif ukoll mis-sidien. Matul l-istess sena kemm l-Aġenzija Ewropeja għas-Sigurta` u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol, kif ukoll l-Awotorita’ Maltija ippublikaw diversi rivisti u artikli dwar dan is-suġġett. Dawn ir-rivisti jitqasmu kemm lis-sidien, lill-kuntratturi, kif ukoll lill-ħaddiema. Rivisti ta` l-Aġenzija Ewropeja: o Safety and health in the construction sector (Training: temporary or mobile construction sites) o Actions to improve safety and health in construction o Lighten the Load – Information for employers and workers of the construction sector o Facts Sheet No 48 – Health and safety on small construction sites o Facts Sheet No 49 – Safe roofwork o Facts Sheet No 50 – Management of noise in construction o Facts Sheet No 51 – Asbestos in construction Rivisti ta` l-Aworitia Maltija: o Spazju Ristrett o L-Asbestos o Fork Lift Tr ucks jew Forklifters (FLT) o Skavar o Xogħol fis-Sħana u x-Xemx o L-Armar għall-Bini o Żmuntaġġ ta` Soqfa tax-Xorok o Gwida dwar Saħħa u Sigurta` fil-Kostruzzjoni

Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità — nefqa fuq safar

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus f'safar mill-2008 sal-lum minn uffiċjali li jaqgħu fi ħdan ir-responsabbiltà tiegħu, jiġifieri minn uffiċjali fl-awtoritajiet, dipartimenti governattivi u oħrajn? Jista' jagħti d-destinazzjoni u l-iskop tas-safra? Jista' jagħti din l-informazzjoni ukoll għar-rigward tas-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Kura tal-Anzjani?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Ċimiterju tal-Addolorata — oqbra

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar fiex wasal il-proċess li bih għandu jiġi estiż iċ-Ċimiterju tal-Addolorata, biex l-oqbra li jinbnew ikunu jistgħu jinbiegħu lill-privat?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-estenzjoni taċ-Ċimiterju ta’ Santa Maria Addolorata qiegħda fl-ewwel fażi tagħha. Waqt li tlesta l-parti l-kbira mix-xogħol ta’ taħmil li kien twaddab hemm meta kienu qegħdin jitwettqu proġetti oħra tal-gvern, jonqos kwantità oħra sabiex titneħħa. L-aħjar mezz biex dan jitkompla, flimkien mal-proċess biex jibda l-bini tal-oqbra, qiegħed jiġi kunsidrat.

Awtopsja wara l-mewt — ċertifikat tal-mewt

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk ikunx hemm każijiet fejn persuni li jmutu, u li jkollha ssirilhom awtopsja wara l-mewt tagħhom, ma jkunx jista’ jinħarġilhom ċertifikat tal-mewt?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li wara kull awtopsja jinħareġ ċertifikat tal-mewt għall-fini tad-difna. Jista’ jkun hemm xi każijiet li, minflok iċ-ċertifikat tal-mewt ‘Finali’, jinħareġ ċertifikat tal-mewt ‘Provizorju’ minħabba li jkun hemm bżonn isiru aktar testijiet biex tiġi konfermata id-dijanjożi li tkun ħarġet waqt l-awtopsja. B’dan iċ-ċertifikat proviżorju xorta waħda tista ssir id-difna tal-katavru. Wara li jkun hemm ir-riżultati kollha disponibbli, joħroġ ċertifikat finali. Każijijiet suġġetti għal awtopsja forensika jinħtiġgilhom ukoll il-permess tad-difna mill-Maġistrat inkwirenti, u f’dawn il-każijiet biss jista’ ma jkunx hemm rilaxx taċ-ċertifikat tal-mewt biex issir id-difna. Id-difna, kif ukoll ir-rilaxx taċ-ċertifikat tal-mewt, issir biss wara li jiffirma fuq l-istess ċertifikat l-Ispettur inkwirenti għan-nom tal-Maġistrat.

Old People's Home — servizz ta' wi-fi

Question

Jista' l-Ministru jara li jiġu stallati wi-fi fl-Old People`s Homes kollha ħalli l-qraba tal-inmates ikunu jistgħu jkellmuhom fuq l-internet anke minn pajjiżi barra minn Malta?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li d-Dipartiment għall-Anzjani u Kura fil-Komunità, b’kollaborazzjoni mal-Malta Communictions Authority, qiegħed fil-proċess li jistalla computers u aċċess wi-fi f’diversi postijiet għall-anzjani. S’issa dawn ġew istallati fid-Day Centres u huwa maħsub li l-proċess ikompli u jiġu wkoll istallati fid-djar tal-anzjani tal-gvern. Sa dan it-tant, f’inizjattiva bejn is-Segretarjat, Kunsilli Lokali u l-privat, isiru b’mod regolari lezzjonijiet bażiċi ta’ kif tuża’ computer, inkluż kif tibgħat e-mail u kif taċċessa l-internet, kif wkoll dwar diversi faċilitajiet li fih il-mobile.

Sptar Mater Dei — kuntratt tal-staff canteen, visitor's canteen u vending machines

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt tal-staff canteen, visitors' canteen u vending machines tal-Isptar Mater Dei?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li hemm struzzjonijiet speċifiċi permezz tad-Direttur Ġenerali tal-Kuntratti li kuntratti pubbliċi ma jistgħux jiġu żvelati sakemm ma jkunx hemm il-kunsens tal-partijiet kollha konċernati.

Sptar Monte Carmeli — persuni b'diżabilità

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni b'diżabilità fl-Isptar Monte Carmeli? Kemm minnhom huma nisa u kemm huma irġiel? Jista' jindika l-etajiet, tip ta' diżabilità u kemm ilhom hemm?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li fl-Isptar Monte Carmeli hemm 68 pazjenti b’diżabilità - 45 irgiel u 23 nisa. L-etajiet tagħhom ivarjaw bejn 20 sena u ‘l fuq minn 60 sena. It-tip ta’ diżabilità hija dik intellettwali. Iż-żmien li dawn il-pazjenti ilhom rikoverati fl-Isptar Monte Karmeli ivarja bejn 4 xhur u ‘l fuq minn 30 sena. Ta’ min iżid li permezz ta’ kura fil-komunita’ minn team multidixxiplinarju, il-length of stay fl-isptar Monte Carmeli qed tonqos. Dan għaliex pazjenti jkunu jistgħu jiġu discharged u jiġu followed-up fil-komunità. Bħalissa s-servizzi fil-komunità ġew estiżi f’erbgħin lokalità, b’130 professjonist.

Residenza San Vinċenz de Paule — abbuż sesswali fuq residenti nisa

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk f'dawn l-aħħar tliet xhur kienx hemm rapporti ta' abbuż sesswali/stupru fuq residenti nisa fir-Residenza San Vinċenz de Paule? Kemm kien hemm każijiet simili fis-sena 2009 u fl-2010?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li matul dawn l-aħħar 3 xhur kien hemm rappurtat każ wieħed ta’ stupru/abbuż sesswali fir-Residenza San Vinċenz de Paule. Fis-sena 2010 kien hemm każ wieħed ukoll rappurtat filwaqt li fis-sena 2009 ma kien hemm l-ebda każ. Il-każijiet kollha kienu ġew mgħoddija lill-pulizija għall-investigazzjoni. L-ewwel każ, il-persuna tkeċċa, filwaqt li t-tieni każ qed jiġi investigat mill-pulizija.