B'referenza għat-twegiba għall-mistoqsija parlamentari 19571 u b'mod specifiku għad-dokumenti mqiegħda fuq il-Mejda tal-Kamra rigward kopji tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma liema account number qed jintbagħat separament, tista' l-Ministru tgħid b'mod dettaljat liema zoni u oqsma qegħdin jiġu fornuti minn servizz ta' dawl li kif imsejjah fil-kontijiet pertinenti huwa maghruf bħala 'Marsa Race Track Bar' peress li l-ammonti citati juru konsum daqstant għoli ta' użu ta' dawl?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninforma lil Onor. Interpellant li minn dan l-account number minbarra l-Marsa Race Track Bar, isir konsum tad-dawl għat-Tote, żewg flood lights u sitt bay lamps.
Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm għalliema li l-laptops tagħhom huma bla batteriji u mhux dejjem ikunu jistgħu jqabbduhom direttament mal-kurrent elettriku u allura ma jistgħux jużawhom għax qed jistennew batteriji ġodda? Meta hemm il-ħsieb li jaslu l-batteriji l-ġodda?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-bdil tal-batterji tal-laptops tal-għalliema hi responsabbiltà tal-MITA għaldaqstant nissuġġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jindirizza l-mistoqsija tiegħu dwar meta se jaslu l-batteriji ġodda lill-Ministru kkonċernat.
B'referenza għat-tweġba li tat għall-mistoqsija parlamentari 19571 u b'mod speċifiku għad-dokumenti mqiegħda fuq il-Mejda tal-Kamra rigward kopji tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma liema Account Number tagħhom qed jintbagħat separatament, tista' l-Ministru tgħid b'mod dettaljat liema żoni u oqsma qegħdin jiġu fornuti minn servizz ta' ilma u dawl peress li kif imsejjaħ fil-kontijiet pertinenti huwa magħruf bħala 'Kiosk' u jekk inhu hekk dan il-Kiosk li hu mwillli lil terzi huma suppost l-istess terzi li jħallsu l-kontijiet pendenti li jammontaw għal aktar minn €1,800?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Minn dan l-account jiġi fornut kiosk li hu maghruf bħal Kiosk 4. Il-kontijiet, inkluż dawk pendenti, huma mħallsa mill-Malta Racing Club wara li jkunu nġabbru l-flus mit-terzi persuni li jkunu qed iħaddmu l-kiosk konċernat. Il-kont isejjaħ il-Malta Racing Club u mhux lill-individwi li għandhom tkun imwellija din il-propjetà.
B'referenza għat-twegiba għall-mistoqsija parlamentari 19571 u b'mod speċifiku għad-dokumenti mqiegħda fuq il-Mejda tal-Kamra rigward kopji tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma tal-account li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, tista' tgħid b'mod dettaljat liema żoni u oqsma qegħdin jiġu fornuti minn servizz ta' dawl li kif imsejjaħ fil-kontijiet pertinenti huwa magħruf bħala Jockey's Room b'konsum daqstant għoli ta' dawl u għal liema raġuni dan għandu jiġi ġustifikat?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Mill-imsemmi account number jigi fornut dawl għall-Jockeys’ Room, il-Paddock Area kollha, l-flood lights li jinsabu fit-training track u parti mill-flood lights tal-Korsa l-kbira li jintużaw kemm għat-taħriġ ta’ kuljum kif ukoll meta t-tiġrijiet isiru filgħaxija.
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 19571 u b'mod speċifiku għad-dokumenti mqiegħda fuq il-Mejda tal-Kamra rigward kopji tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma liema account number qed jingħata separatament, tista' l-Ministru tgħid b'mod dettaljat liema żoni u oqsma qegħdin jiġu fornuti minn servizz ta' dawl li kif imsejjaħ fil-kontijiet pertinenti huma magħrufa bħala Big Pump (New Garage + Old Building) b'konsum daqstant għoli ta' dawl?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Mill-imsemmi account number jiġi fornut dawl għal tliet (3) uffiċini, il-garage l-kbir, tlett (3) pompi kbar kif ukoll jissupplixxi dawl għal parti mill-flood lights tal-Korsa l-Kbira li jintużaw kuljum għat-taħriġ u kull meta jkun hemm tiġrijiet filgħaxija.
Tista' l-Ministru tgħid kemm qegħdin jinbnew units mill-Awtorità tad-Djar bħalissa? Fejn qed jinbnew?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità tad-Djar qed tibni disa’ appartamenti kif indikat fit-tabella segwenti. Bħalissa l-awtorità tinsab fi proċess biex tistudja fejn hemm possibiltà li tibni aktar apartamenti.
Lokalità
Proġett
Appartamenti
Garaxxijiet
Furjana
Triq l-Argotti / Triq l-Iljun
37
24
Raħal Ġdid
Plot 13, Triq Anġlu Psaila
4
1
San Ġwann
Triq ir-Rummien
3
0
Żurrieq
Plot 4, Vjal l-Indipendenza
2
2
Totali
46
27
Tista' l-Ministru tgħid kemm tqassmu postijiet ġodda bil-kera mibnija mill-Awtorità tad-Djar is-sena l-oħra? Kemm tqassmu postijiet qodma bil-kera s-sena l-oħra?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità tad-Djar qassmet bil-kera 15-il appartament ġdid matul is-sena 2010 waqt li qassmet ukoll 83 appartament qadim matul din l-istess sena.
Tista' l-Ministru tgħid jekk skont ir-regoli tal-Unjoni Ewropea, Supply Learning and Support Assistant li ilhom jagħmlu dan ix-xogħol għal iktar minn erba' snin għandhomx ikunu kkunsidrati bħala li jaħdmu fuq bażi indefinita?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Supply teachers, supply kindergarten assistants kif ukoll supply learning support assistants li ilhom jaħdmu aktar minn erba’ snin jingħataw kuntratt ta’ xogħol indefinit. Dan huwa stipulat fil-Memorandum of Understanding iffirmat bejn il-gvern u l-Malta Union of Teachers ta’ Mejju 2009.
Tista' l-Ministru tgħid kemm tqassmu postijiet mill-Awtorità tad-Djar matul is-sena 2010 fil-Kottonera? Tista' tgħid f'liema lokalità kienu u lil min ingħataw mnejn kienu?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm persuni li twaqqfitilhom l-għajnuna tal-mard matul is-sena 2010?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ammont ta’ persuni li twaqqfitilhom l-għajnuna tal-mard matul l-2010 kien ta’ 980. Minn din il-figura 432 twaqqfu wara li l-benefiċċjarju ġie nieqes. L-oħrajn twaqqfu għal diversi raġunijiet bħalma hu żieda fid-dħul u kapital, il-persuna marida bdiet taħdem eċċ.
Tista' l-Ministru tgħid kemm hu n-numru ta' impjegati fil-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ maqsuma skont il-grad? Tista' tgħid kemm ivarjaw is-salarji bejn kull grad?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' l-Ministru tara li l-pensjonant, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, jingħata l-benefiċċju tal-enerġija, għax meta mar s-Social Service qalulu li dan il-benefiċċju se joħroġ għal kulħadd? Dan għamel anke xi zmien juża l-makna tan-nifs.
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-Onor. Interpellant huwa mitlub jinforma l-persuna ndikata minnu biex tavviċina l-Uffiċjal inkarigat mill-Uffiċċju Distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali tal-Belt jew raħal tagħha.
Tista' l-Ministru tara li mill-Awtorità tad-Djar jerġa' jiġi rivedut is-sussidju tal-familja, li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, għax dan is-sussidju mhux approvat minħabba li m'għandhiex tieqa fil-kamra tas-sodda u skond l-Awtorità din id-dar mhijiex abitabbli? Din il-familja anke applikat għall-akkomodazzjoni alternattiva imma qatt ma kellha tweġiba. Jagħmel iktar sens li jkollhom sussidju peress li m'għandhomx post fejn joqogħdu u qed iħallsu flus kbar u s-sussidju jkun ta' għajnuna għalihom.
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li minn spezzjoni li saret fir-residenza tal-applikanta, irriżulta li l-post m’għandux ventilazzjoni adekwata fil-kamra tas-sodda u għalhekk mhux ikkunsidrat bħala abitabbli skont ir-regolamenti sanitarji. Kif l-Onorevoli Interpellant huwa mgħarraf, sabiex l-applikazzjoni tal-persuna ndikata minnu tikkwalifika għas-sussidju tal-kera, il-post tar-residenza jrid ikun fi stat u f'kundizzjoni abitabbli.
Tista' l-Ministru tara għaliex xebba, omm t'erbat itfal, li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, qatagħulha s-sussidju tal-kera u għal Novembru u Diċembru ma rċeviet xejn? Tista' tinvestiga l-każ?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-Awtorita’ tad-Djar ma qatgħet l-ebda sussidju lill-benefiċċjarja msemmija. Fil-fatt hija qed tirċievi pagament tas-sussidju tal-kera kull xahar, imħallas fuq tlett xhur b’lura. Il-pagament li jmiss ta’ €62.11 ser jitħallas aktar tard f’Jannar.
Skola Helen Keller u Dun Manuel Attard — għalliema u learning support assistants
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm għalliema u learning support assistants nieqsa fl-iskola Helen Keller tal-Qrendi u fl-Iskola Dun Manuel Attard tal-Wardija? Meta hemm il-ħsieb li dawn il-postijiet battala jimtlew peress li minħabba dan in-nuqqas ta' riżorsi umani t-tfal u ż-żgħażagħ li jattendu dawn l-iskejjel qed jiġu mċaħħda minn servizzi edukattivi u terapewtiċi li suppost jingħataw?
Response (CRISTINA, DOLORES)
In-numru ta’ LSAs li hemm nieqsa fiċ-Ċentru Edukattiv ta’ Riżorsa Helen Keller huwa ta’ tnejn. Kull klassi f’dan iċ-ċentru għandha għalliem/a.
Bħalissa jonqos tlett għalliema f’Dun Manwel Attard Yound Adult Education Resource Centre. Hemm bżonn ukoll ta’ ħames Learning Support Assistants. Fil-preżent qed isiru l-
interviews
sabiex jiġu ingaġġati s-SLSAs. Filwaqt li kien hemm sejħa għas-
supply teachers
, iżda mhux kull minn ġie magħżul aċċetta l-post.
Dan in-nuqqas qed jiġi ndirizzat u bil-koperazzjoni ta’ kull membru tal-istaff fiż-żewġ ċentri qed naraw, sa kemm hu possibli, li l-ebda’ student m’huwa qed jiġi mċaħħad minn servizzi edukattivi u terapewtiċi.
Wardija — Skola Dun Manuel Attard - programmi edukattivi
Question
Tista' l-Ministru tgħid u tivverifika xi programmi edukattivi suppost qed jiġu mogħtija fl-iskola Dun Manuel Attard tal-Wardija liż-żgħażagħ bl-awtiżmu fl-oqsma, per eżempju, ta' attività fiżika, informatika eċċ. peress li tkellmu diversi ġenituri ta' dawn iż-żgħażagħ li fix-xahrejn li għaddew dawn iż-żgħażagħ ma ngħatawx dawn il-programmi u qattgħu ħafna ħin l-iskola ma jagħmlu xejn jistennew il-ħin jgħaddi?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Bir-Reforma tal-Iskjjel Speċjali l-Iskola Dun Manuel Attard saret Ċentru ta’ Riżorsa Edukattiv għaż-żgħażagħ. F’dan iċ-ċentru qed jitħaddem programm imqassam fi tliett partijiet, Personal Development, Vocational Preparation u Functional Activity/ Community Based Activity. Kull student li jattendi f’dan iċ-ċentru jagħmel parti minn grupp. Kull grupp għandu Time Table biex jaċċessa kull parti tal-programm skont l-età tiegħu/tagħha.
Il-ġenituri ta’dawn iż-żgħażagħ ġew infurmati dwar dan il-programm waqt laqgħa li saritilhom fiċ-ċentru, ġew ukoll mogħtija it-
Time Table
tal-grupp tat-tifel jew tifla tagħhom.
Qed inpoġġi kopja tal-programm fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' l-Ministru tgħid xi programmi edukattivi u korsijiet għall-adulti bdew bi sħab mal-kunsilli lokali ta' Ta' Sliema, San Ġwann u San Ġiljan? Tista' tgħid f'liema suġġetti, oqsma huma dawn il-korsijiet? Tista' tgħid kemm hemm edukaturi u parteċipanti involuti f'dawn il-korsijiet? Jekk għadhom ma bdewx, għaliex għadhom ma bdewx u meta hemm il-ħsieb li jibdew?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Fl-iskema mnedija bi sħab bejn id-Direttorat għat-Tagħlim Tul il-Ħajja u d-Dipartiment għall-Gvern Lokali, id-Direttorat għat-Tagħlim Tul il-Ħajja kellu r-responsabilitá li jipprovdi edukaturi għall-adulti u għat-taħriġ u appogg ta’ dawn l-edukaturi. Parti mill-ftehim kien ukoll li biex klassi tinfetaħ, irid ikun hemm madwar għaxar applikanti għall-kors.
Fil-każ tal-Kunsill Lokali ta’ tas-Sliema, id-Direttorat għat-tagħlim Tul il-Ħajja qed jipprovdi edukatur għat-tagħlim tal-Malti bħala Lingwa Barranija. Qed jattendu 15-il persuna għal dan il-kors.
Kien hemm numru ta’ persuni oħra li applikaw għal diversi suġġetti. Billi f’ebda każ ma kien hemm 10 applikanti, dawn ġew ikkuntattjati u ġew offruti l-possibilitá li jattendu l-istess kors f’lokalitá oħra jew f’xi ċentru tal-
Evening Classes.
Numru minnhom aċċettaw u bdew jattendu.
Fil-każ tal-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan, id-Direttorat għat-Tagħlim Tul il-Ħajja qed jipprovdi edukatur għat-tagħlim tul il-ħajja għat-tagħlim tal-Ispanjol. Qed jattendu 10 adulti għal dan il-kors.
Anke hawn kien hemm numru ta’ persuni oħra li applikaw għal diversi suġġetti. Billi f’xi każijiet, n-numru ta’ 10 ma ntlaħaqx għall-istess kors, dawn ġew ikkuntattjati u ġew offruti l-possibilitá li jattendu l-istess kors f’lokalitá oħra jew fiċ-ċentri tal-
Evening Classes
. Malli l-Kunsill Lokali jagħmel l-arranġamenti meħtieġa fejn jista’ jsir it-tagħlim ta’ suġġetti fejn hemm għaxra jew aktar applikanti, d-Direttorat għat-Tagħlim Tul il-Ħajja jagħmel ħiltu biex jipprovdi l-edukaturi għall-adulti.
Fil-każ tal-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann, sa issa d-Direttorat għat-Tagħlim Tul il-Ħajja mhu qed jipprovdi ebda edukatur għall-adulti taħt din l-iskema. Anke hawn, malli l-Kunsill Lokali jagħmel l-arranġamenti meħtieġa fejn jista’ jsir it-tagħlim ta’ suġġetti fejn hemm għaxra jew aktar applikanti, d-Direttorat għat-Tagħlim Tul il-Ħajja jagħmel ħiltu biex jipprovdi l-edukaturi għall-adulti.
Tajjeb li jiġi enfasiżżat, li taħt din l-iskema mnedija bi sħab bejn id-Direttorat għat-Tagħlim Tul il-Ħajja u d-Dipartiment għall-Gvern Lokali, qed jipparteċipaw b’mod sħiħ 29 Kunsill Lokali, fejn qed jiġu ppovduti 104 korsijiet f’14-il suġġett differenti. B’kollox qed jattendu b’mod regolari 1,111-il persuna. Is-sena l-oħra, f’korsijiet organiżżati bi sħab mal-kunsilli lokali, kien qed jattendu 419 persuna – jiġifieri bl-isforz li sar din is-sena, l-ammont diġa kważi ttripla.
Barra minn hekk, ninsab infurmata li sa issa għadhom ma bdewx il-korsijiet tal-kompjuter. Dan minħabba li d-Direttorat għall-Gvern Lokali ser iniedi skema speċjali u speċifika għal dan it-tagħlim.