Legislature:
Category:
Reset
Active:

Tas-Sliema — Triq San Franġisk - Azzjoni fuq żewġ muturi

Question

Jista' l-Ministru jara li tittieħed azzjoni fuq żewġ muturi, wieħed abjad u ieħor iswed, li ilhom iktar minn sena mitluqa mingħajr ma għandhom liċenzja u li qed jokkupaw parkeġġ fi Triq San Franġisk kantuniera ma' Triq in-Nazzarenu f’Tas-Sliema? Jista' jgħid għalfejn matul dan il-perjodu kollu ma ttieħdet l-ebda azzjoni dwarhom?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Awtorità ħadet azzjoni immedjata ta’ nfurzar, u tikkonferma illi f’dan il-perjodu qatt ma kien hemm rapporti f’dan ir-rigward.

Opri tal-baħar — Fuel

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex permess li dgħajjes jingħataw il-fuel minn vetturi pparkjati fuq l-art, bil-pipe tal-petrol jaqsam it-triq u l-bankina? Jista' jgħid ukoll kif suppost li jiġu refuelled dgħajjes jew opri tal-baħar u jindika liema huma l-liġijiet, liġijiet sussidjarji, u/jew avviżi legali li jirregolaw dan?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-provvista tal-bunkers hija rregolata mir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma u mill-Awtorità għat-Trasport f’Malta. Tali provvista bl-użu ta’ bowser tat-triq tista’ ssir biss suġġett għall-kundizzjoni li l-operatur tal-imsemmi bowser tat-triq ikollu f’idejh liċenzja maħruġa mir-Regolatur u Permess ta’ Operatur tal-Bunkers maħruġ mill-Awtorità. Il-liċenzji, permessi u regolamenti relatati jirrikjedu li l-bowser tat-triq li qed jipprovdi, u l-vapur li qed jirċievi, jimlew checklist tal-bunker bil-għan li jiġu mitigati r-riskji, flimkien mal-obbligu li jkollhom tagħmir ta’ emerġenza kontra t-tniġġis taż-żejt. Barra minn hekk, l-operatur tal-bunkers irid ikollu ftehim ta’ servizz on-call mal-fornitur ta’ tali servizz sabiex jiżgura li l-appoġġ meħtieġ jingħata fil-każ ta’ tniġġis. L-operazzjonijiet tal-bunkering jiġu spezzjonati fuq bażi ad hoc sabiex tiġi żgurata l-konformità mar-regolamenti. Proċeduri komuni tal-operat f’dan ir-rigward jinvolvu li l-bowser tat-triq jiġi pparkjat ħdejn il-vapur u/jew il-pontoon sabiex jingħata s-servizz u l-pajp ikun imqabbad direttament mal-vapur. Barra minn hekk, l-użu ta’ pajpijiet li jaqsmu t-triq huwa prattika ħażina u mhijiex permessa minħabba raġunijiet ta’ sigurtà u tħassib ambjentali. Importanti wieħed jinnota illi l-Awtorità qatt ma rċeviet rapporti jew ilmenti f’dan ir-rigward. Dan kollu jsir skont ir-Regolamenti dwar Bastimenti ta’ Tagħbijiet Perikolużi, Terminals u Faċilitajiet Marittimi u Bunkering (S.L. 499.12) u r-Regolamenti dwar l-Awtorizzazzjoni ta’ Bunkering (S.L. 545.25). L-Awtorità ħarġet ukoll Port Notice 06/2023 li tistabbilixxi l-proċeduri applikabbli u tfakkar lill-operaturi tal-bowsers tat-triq dwar l-obbligi tagħhom.

Ħal Qormi — Triq Ġorġ Mifsud Chircop

Question

Fid-dawl tal-istat ħażin ta’ Triq Ġorġ Mifsud Chircop, f’Ħal Qormi, jista’ l-Ministru jgħid meta hu ppjanat li jibda x-xogħol f’din it-triq?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta għaddejja u ser tkompli twettaq ħidma infrastrutturali f’toroq li l-Kunsilli Lokali ressqu ’l quddiem biex isiru xogħlijiet fihom. Ix-xogħol tat-toroq jiġi allokat skont l-esiġenzi u l-prijoritajiet tal-lokalità rispettiva tagħhom. Minkejja li Triq Ġorġ Mifsud Chircop, Ħal Qormi ma ġietx nominata biex isiru xogħlijiet fiha fil-futur immedjat, nibqgħu kommessi li nkomplu nsaħħu l-infrastruttura tal-pajjiż, bil-komunitajiet jibqgħu fiċ-ċentru ta’ ħidmietna.

IL-Iklin – Sinjali tat-traffiku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk Transport Malta hix responsabbli mis-sinjali tat-traffiku li twaħħlu reċentement fi Triq Giorgio Locano, Triq Enrico Naudi, Triq Carmelo Pace u Triq Frederick Borg fl-Iklin? Jista’ jgħid ukoll għaliex saru dawn is-sinjali?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba se tingħata f’seduta oħra.

Ħal Qormi — Problema ta’ parkeġġ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kienx hemm żviluppi dwar l-istrateġija tal-Gvern biex tittaffa l-problema enormi tal-parkeġġ f’Ħal Qormi? Jista’ jagħti iktar dettalji ta’ kif se tiġi indirizzata l-problema ta’ nuqqas ta’ spazju ta’ parkeġġ f’Ħal Qormi?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba se tingħata f’seduta oħra.

Ħal Qormi — Triq il-Bard

Question

Fid-dawl tal-istat ħażin ta’ Triq il-Bard, f’Ħal Qormi, jista’ l-Ministru jgħid meta hu ppjanat li jibda x-xogħol f’din it-triq?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta għaddejja u ser tkompli twettaq ħidma infrastrutturali f’toroq li l-Kunsilli Lokali ressqu ’l quddiem biex isiru xogħlijiet fihom. Ix-xogħol tat-toroq jiġi allokat skont l-esiġenzi u l-prijoritajiet tal-lokalità rispettiva tagħhom. Minkejja li t-triq imsemmija ma ġietx nominata biex isiru xogħlijiet fiha fil-futur immedjat, nibqgħu kommessi li nkomplu nsaħħu l-infrastruttura tal-pajjiż, bil-komunitajiet jibqgħu fiċ-ċentru ta’ ħidmietna.

Il-Birgu – Proġett tal-Pjazza

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 20554 u jgħid meta l-proġett tal-Pjazza tal-Birgu se jkun kompletament lest? X’miżuri ser jittieħdu biex jiġi salvagwardjat ix-xelter? In vista wkoll li l-festi ġew rikonoxxuti bħala wirt intanġibbli tal-UNESCO, x’miżuri ser jittieħdu sabiex il-proġett propost ma jtellifx l-attivitajiet taż-żewġ festi u l-armar li jintrama għalihom? Jista’ jgħid ukoll jekk hemmx pjan biex jiżdiedu l-parkeġġi fil-viċin in vista li l-pjanta proposta ser tneħħi l-parking spaces eżistenti?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant fil-gimgħat li għaddew tlestew il-proċeduri tal-akkwist tal-offerti pubbliċi u fil-ġranet li għaddew inbeda l-ewwel xogħol ta’ pavimentar fil-pjazza tal-Birgu. Sadanittant, ix-xogħlijiet relatati ma’ servizzi u pedamenti tal-pjazza għaddejin u huma stmati li jkunu lesti fl-aħħar xhur tas- sena 2024; suġġett għal-sejbiet oħra arkeoloġiċi li jaf jinstabu matul xogħolijiet ta’ skavar fil-kumplament tal-pjazza. Ix-xogħlijiet qegħdin jiġu segwiti minn arkeologu, u b’komunikazzjoni kontinwa mas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali. Kwalunkwe sejbiet, qegħdin jiġu salvagwardjati skont l-ħtiega u skont id-direzzjoni tal-istess Sovrintendenza. Wieħed mill-għanijiet ta’ dan il-proġett huwa li l-pjazza tingħata lura lill-pubbliku. Id-disinn tal-pjazza gie kkonsultat u maqbul ma’ diversi entitajiet, inkluż għaqdiet volontarji, residenti u l- komunita’ kummerċjali fiż-żona. Il-proviżjoni ta’ parkeġġi f’żoni oħra hija lil hinn mill-iskop ta’ dan il-proġett.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħljiet Pubbliċi — Konsulenti/Persons of trust

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk għandux konsulenti jew persons of trust li jaħdmu fil-Ministeru tiegħu? Jekk hemm, jista’ jgħid kemm huma mill-Unjoni Ewropea u kemm huma Third Country Nationals?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-konsulenti / persons of trust jiġu impjegati skont il-manwal li kopja tiegħu diġà tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra.

B’Kara — Triq Ta’ Paris u Triq Mannarino - Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx pjanijiet immedjati biex l-aħħar parti ta' Triq Ta' Paris qabel ma tibda Triq l-Imsida (taħt Triq Kalċidon Gatt) u l-parti li minn Triq l-Imsida tieħu għal Triq Mannarino, f'Birkirkara, isiru mill-ġdid peress li jinsabu fi stat diżastruż?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta għaddejja u ser tkompli twettaq ħidma infrastrutturali f’toroq li l-Kunsilli Lokali ressqu ’l quddiem biex isiru xogħlijiet fihom. Ix-xogħol tat-toroq jiġi allokat skont l-esiġenzi u l-prijoritajiet tal-lokalitá rispettiva tagħhom. Minkejja li din iż-żona ma ġietx nominata biex isiru xogħlijiet fiha fil-futur immedjat, nibqgħu kommessi li nkomplu nsaħħu l-infrastruttura tal-pajjiż, bil-komunitajiet jibqgħu fiċ-ċentru ta’ ħidmietna.

Ħal Tarxien — Triq tal-Barrani - Sistema tad-dħul u l-ħruġ tat-traffiku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet qegħdin isiru preżentement fi Triq tal-Barrani fir-rigward tas-sistema tad-dħul u l-ħruġ tat-traffiku minn Ħal Tarxien?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta ħadmet fuq il-proġett ta’ riorganizzazzjoni taż-żona tal-Barrani, f’Ħal Tarxien, u Bulebel. Il-proġett tejjeb l-aċċess għall-vetturi ħerġin minn Ħal Tarxien lejn Birżebbuġa jew il-Fgura u Ħaż-Żabbar, ser ikun jista’ jsuq f’lane ġdida, bin-numru ta’ korsiji żdiedu minn tnejn għal tlieta.

Raħal Ġdid — Knisja ta’ Sant’Antnin - Restawr tal-Pjazza

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju jinsab il-proġett sabiex il-pjazza ta’ quddiem il-Knisja ta’ Sant’Antnin, f’Raħal Ġdid tiġi restawrata u effettivament tissebbaħ? Jista’ jgħid ukoll kemm hi n-nefqa s’issa u meta huwa previst li jiġu finalizzati x-xogħlijiet?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol li qed iwettaq id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi quddiem il-Knisja ta’ Sant’Antnin f’Raħal Ġdid jikkonsisti fil-bdil taċ-cint li jdawwar iz-zuntier, inkluż is-sottobank, is-soprabank u l-balavostri maħdumin ġodda. In-nefqa totali mistennija li tkun ta’ madwar €44,000 u x-xogħol mistenni li jkun lest lejn l-aħħar ta’ din is-sena.

Ċentru tas-Saħħa Paola Hub – Impatt fuq it-traffiku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarux diskussjonijiet mal-Ministeru tas-Saħħa fir-rigward tal-impatt li ċ-Ċentru tas-Saħħa Paola Hub ser ikollu fuq it-traffiku kif ukoll fir-rigward tal-parkeġġjar tar-residenti u dawk li jkollhom bżonn imorru hemm?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-Traffic Impact Assessment (TIA) fuq dan il-proġett huwa konkluż. Mill-informazzjoni li għandha l-Awtorità, skont il-konklużjonijiet tat-TIA, jidher li l-impatt fuq it-traffiku bl-implimentazzjoni tal-miżuri adegwati ser ikun minimu. Għaldaqstant, nifhmu li dan il-pjan qed jiġi ppreparat sabiex jiġi sottomess lill-Awtorità għall-assessjar neċessarju.

Xatt tax-Xgħajra — Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju wasal ix-xogħol ta’ tibdil tal-ilqugħ tal-ħadid fix-Xatt tax-Xgħajra? Jista’ jgħid ukoll kemm sar xogħol s’issa, kemm hi n-nefqa u meta huwa previst li x-xogħol ikun finalizzat?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sal-lum, id-Direttorat tal-Manifattura u s-Servizzi fi ħdan id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi lesta 228 metru ta’ railings u għandu dan ix-xogħol pendenti: 16-il biċċa railing biex jiġu ggalvanizzati u wara li jsir it-tindif jingħataw il-powder coating, 60m lesti mit-tindif tal-iggalvanizzar u jmiss li jintbagħtu għall-powder coating, kif ukoll 66m oħra lesti biex jitwaħħlu. L-istima tal-ispiża totali ta’ dan ix-xogħol hi ta’ €32,366 (materjal, galvanizzar, powder coating u krejn). Ir-railing tal-kumplament tax-xatt se jkun kopert b’tender li bħalissa qiegħda fi stadju ta’ evalwazzjoni. L-istima tal-ispiża totali tat-tender hi €171,350 u huwa pjanat li r-railing kollu, inkluż dak li hemm mas-service road, ikun lest fit-tieni kwart tas-sena 2025.

Vetturi li ma għaddewx it-test tal-emissjonijiet — Miżuri

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20289, jista' l-Ministru jgħid x'miżuri ttieħdu dwar il-vetturi li ma għaddewx it-test tal-emissjonijiet?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fil-każ ta’ vetturi li m’għaddewx mit-test tal-emissjonijiet, dawn il-vetturi ssirilhom restrizzjoni fuq il-liċenzja tal-vettura u jerġgħu jagħmlu t-test wara li jkunu għamlu r-riparazzjoni meħtieġa. Meta jgħaddu mit-test titneħħa tali restrizzjoni. Fil-każ ta’ vetturi li jkunu mitluba jattendu għat-test u jonqsu milli jagħmlu dan, l-Awtorita’ għat-Trasport f’Malta tagħmel restrizzjoni immedjata fuq il-vetturi sabiex ma tkunx tista tiġi mħallsa l-liċenzja tal-vettura qabel ma s-sid jirregola lilu nnifsu.

Il-Mellieħa — Xatt ta' Santa Marija - Ħsarat fit-triq

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se tiġi rranġata l-problema fix-Xatt ta' Santa Marija, fil-Mellieħa, maġenb Triq Għajn Żejtuna, fejn il-ħsarat fit-triq huma tant gravi li qed jipperkola l-ilma fil-boathouses ta’ taħt it-triq?

Response (BONETT, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi d-domanda tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Karozzi elettriċi bil-Y-plates — Charging stations pubbliċi

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk karozzi elettriċi tal-ġarr tal-passiġġieri (Y-plates) jistgħux jiġu pparkeġġjati f'parkeġġi pubbliċi fit-triq u jiġu ċċarġjati minn electric car charging stations pubbliċi?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi skont id-dispożizzjonijiet tal-liġijiet Sussidjarji 65.05, 65.11, u 499.68, vetturi elettriċi tal-ġarr ta’ passiġġieri (Y-plates) jistgħu jiġu parkeġġjati f’charging stations pubbliċi fit-triq waqt li jkunu qegħdin jiġu ċċarġjati. Vettura ta’ dan it-tip u li ma tkunx qegħda tiċċarġja ma tistax titħalla pparkjata fic-charging stations wara li tkun ġiet iċċarġjata għal aktar minn sittin (60) minuta jew fit-triq skont il-liġi għal ħin limitat li ma jaqbiżx sittin (60) minuta.

Ħal Qormi — Traffiku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-istrateġija tal-Gvern biex tittaffa l-problema enormi tat-traffiku f’Ħal Qormi? Jista’ wkoll jagħti d-dettalji għall-immaniġġjar aħjar tat-traffiku f’Ħal Qormi?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta u Infrastructure Malta jaħdmu id f’id sabiex jevalwaw is-sitwazzjoni tat-traġit u l-aċċess madwar Malta, li m’għandux jiddependi biss mill-użu tal-vetturi. Din l-inizjattiva t’evalwazzjoni hija kontinwa u tkopri ukoll l-infrastruttura tat-toroq, fej jiġi meqjus x’titjieb jista' jsir biex fejn hu possibli jiġi mtaffi it-traffiku - dan japplika għar-rottot ewlenin kollha. Infrastructure Malta b’koordinazzjoni mal-awtoritajiet regolatorji kollha qed tħejji studju fil-junctions tal-madwar bil-għan illi jitjieb l-immaniġjar tat- traffiku ladarba jkunu lesti x-xogħlijiet tal-madwar. Ħal Luqa, li diġá gawda mill-aħħar proġetti maġġuri li ġew implementati fil-pajjiż, se jkun qed jibbenifika ukoll peress illi huwa fil-periferija immedjata tal-proposta deskritta.

Ħal Luqa — Traffiku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-istrateġija tal-Gvern biex tittaffa l-problema enormi tat-traffiku f’Ħal Luqa? Jista’ wkoll jagħti d-dettalji għall-immaniġġjar aħjar tat-traffiku f’Ħal Luqa?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għall-mistoqsija parlamentari 21722.

Ħal Safi — Toroq mibnija mill-ġdid

Question

Bħala parti mill-proġett ta' €700 miljun f'bini ta' toroq madwar il-pajjiż, jista' l-Ministru jgħid liema kienu t-toroq li fl-aħħar sitt snin inbnew mill-ġdid fil-lokalità ta' Ħal Safi? Jista’ jindika meta tlestew u jagħti deskrizzjoni tax-xogħlijiet li saru f'kull waħda mit-toroq u jagħti r-rendikont tal-ispejjeż?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.

Ħal Kirkop — Toroq mibnija mill-ġdid

Question

Bħala parti mill-proġett ta' €700 miljun f'bini ta' toroq madwar il-pajjiż, jista' l-Ministru jgħid liema kienu t-toroq li fl-aħħar sitt snin inbnew mill-ġdid fil-lokalità ta' Ħal Kirkop? Jista’ jindika meta tlestew u jagħti deskrizzjoni tax-xogħlijiet li saru f'kull waħda mit-toroq u jagħti rendikont tal-ispejjeż?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.