Legislature:
Category:
Reset
Active:

Żurrieq -Triq San Martin – żamma ta’ ilma tax-xita

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li Triq San Martin, iż-Żurrieq li ngħatat it-tarmak minn Infrastructure Malta xi xhur ilu, qed iżżomm ammont kbir ta' ilma tax-xita bil-konsegwenza li residenti ta' din it-triq qed isibuha diffiċli jidħlu fi djarhom?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li Infrastructure Malta għamlet water culvert f’parti mit-triq indikata.

Chadwick Lakes – triq li ċediet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li wara li ntefqu madwar €5 miljuni biex ġiet irranġata ż-żona taċ-Chadwick Lakes fl-akkwati ta' Wied Qlejgħa, it-triq f'din iż-żona ċediet b'periklu għal kull min jagħmel użu minnha?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jitlob l-informazzjoni meħtiega lill-Ministeru kkonċernat.

Is-Swieqi – Triq Mikiel Anton Vassalli – sound barriers

Question

Jista’ l-Ministru jara li jitpoġġew sound barriers bejn it-Triq Mikiel Anton Vassalli biswit triq il-Marbat is-Swieqi, triq li tidħol għas-Swieqi li għandhom bżonn sound barriers u double glazing u dawn id-djar għandom bżonn għaliex qegħdin fi triq arterja busy ħafna? Jista’ jara li l-balavostri mat-triq jinbidlu ukoll?

Response (BORG, IAN)

Il-Gvern għaddej bit-twettiq ta’ pjan fit-tul sabiex itejjeb l-infrastruttura tat-toroq f’pajjiżna, wara li kienu tħallew fi stat ta’ telqa u bla ebda investiment serju mill-amministrazzjonijiet preċedenti. Kull fejn Infrastructure qed twettaq proġetti ta’ titjib ta’ toroq arterjali mhux qed tqis biss l-effiċjenza fl-ivvjaġġar, is-sigurezza fit-triq għal dawk li jużaw it-triq u t-tnaqqis tat-tniġġis tal-arja u l-istorbju kkawżat mill-konġestjoni. Minħabba ċ-ċokon ta’ pajjiżna, kull triq arterjali f’pajjiżna tifforma wkoll parti mill-ambjent tar-residenti li jgħixu viċin. Għalhekk, Infrastructure Malta qed tippjana toroq ġodda li jkollhom inqas impatt fuq l-ambjent ta’ dawk li jgħixu u jaħdmu madwarhom. Fost oħrajn, fit-toroq arterjali qed tintroduċi aktar spazji b’siġar u pjanti, aktar bankini u korsiji għar-roti, waqfiet aktar siguri għall-karozzi tal-linja u punti ta’ qsim pedonali aktar siguri. Fejn ikun teknikament possibbli, l-aġenzija qed toħloq ukoll diżlivelli bejn toroq arterjali u toroq residenzjali biswithom, bħal ma sar f’uħud mit-toroq ġodda ta’ Central Link Project, biex jonqos it-tniġġis tal-istorbu kif ukoll l-impatt viżiv. Permezz ta’ l-akbar inċentivi li qatt ingħataw għall-karozzi elettriċi f’pajjiżna, u permezz tal-infurzar tar-regolamenti dwar it-testijiet u ċ-ċertifikazzjoni tal-vetturi, il-Gvern qed jaħdem ukoll biex jixpruna l-qalba għal karozzi li jħammġu inqas u jagħmlu inqas storbju. Minnhom infushom, dawn l-inizzjattivi u miżuri ambjentali ser ikomplu jnaqqsu l-impatt tas-settur tat-trasport fuq iż-żoni residenzjali kollha f’Malta u Għawdex. Permezz ta’ proġetti aktar fit-tul, fosthom l-inċentivi għas-servizz tat-trasport pubbliku b’xejn u d-diskussjoni nazzjonali biex nippjanaw sistemi ta’ vvjaġġar tal-massa, qed inkomplu naħdmu biex innaqqsu d-dipendenza fuq il-karozzi privati, għal aktar sostenibilità u ambjent aħjar. It-triq indikata tinsab fil-pjanijiet infrastrutturali tal-Gvern għas-snin li ġejjin, bħala parti minn proġett estensiv għar-rotta ewlenija bejn Triq il-Kosta u l-Mini Ta’ Ġiorni, fis-Swieqi, Pembroke, Paceville u San Ġiljan. Dan il-proġett ser jibni mill-ġdid ukoll il-junctions ewlenin f’din ir-rotta, li m’għadhomx ilaħħqu mad-domanda tal-ivvjaġġar fl-inħawi u jeħtieġ jitjiebu biex ikunu aktar siguri u effiċjenti. Permezz ta’ dan il-proġett, li għadu fi stadju ta’ disinn u ppjanar, ir-residenti ta’ dawn il-lokalitajiet ukoll ser igawdu minn toroq ta’ kwalità ogħla, b’aktar faċilitajiet għal mezzi tal-ivvjaġġar alternattivi, inqas storbju mill-konġestjoni, u arja aktar nadifa. B’hekk, parti oħra mis-sistema tat-toroq ta’ pajjiżna li tħalliet mitluqa għal għexieren ta’ snin, ser tinbidel f’infrastruttura ta’ kwalità ogħla u aktar sostenibbli wkoll.

Transport Malta – sejħa għall-promotions

Question

ista’ l-Ministru jgħid kemm-il sejħa għall-promotions interni jew simili, ħarġu minn Transport Malta fix-xahar ta’ Ottubru? Jistax jagħti d-dati meta ħarġu u meta għalqu/jagħlqu u għal liema kariga ħarġu? Kemm applikaw għal kull sejħa?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Il-Birgu — Triq Wenzu Dyer - xogħlijiet

Question

In vista li qed isiru numru ta’ toroq ġodda f’numru ta’ lokalitajiet madwar Malta u Għawdex, jista' l-Ministru jindika meta huwa pjanat li tiġi rranġata Triq Wenzu Dyer il-Birgu?

Response (BORG, IAN)

Infrastructure Malta bniet mill-ġdid u għamlet titjib f’aktar minn 750 toroq residenzjali u rurali minn kemm ilha li twaqqfet fis-sajf tas-sena 2018, li jfisser li lestiet medja t’aktar minn erba’ toroq fil-ġimgħa f’dawn l-aħħar snin. L-aġenzija tejbet il-kwalità ta’ dawn it-toroq fl-istess żmien li lestiet fost l-ikbar proġetti ta’ toroq arterjali u faċilitajiet marittimi f’pajjiżna, bħal Marsa Junction Project u l-Breakwater tal-Qrejten, f’Marsaxlokk, filwaqt li baqgħet għaddejja bi programm kontinwu ta’ tiswijiet u manuntenzjoni f’ħafna toroq oħrajn. Fil-lokalità tal-Birgu Infrastructure Malta diġà bniet mill-ġdid Triq iċ-Ċentinarju tal-Parroċċa, Triq il-Palazz l-Antik tal-Gvernatur, Triq San Dwardu, Triq La Vallette, Pjazzetta San Filippu u Triq Patri Indri Vella, waqt li fix-xhur li ġejjin se jinbdew xogħlijiet fi Triq il-Miratur, Triq San Filippu u Misraħ ir-Rebħa. It-triq indikata wkoll hija ppjanata biex issir fiż-żmien li ġej flimkien ma’ diversi toroq oħrajn madwar il-pajjiż. Dan l-investiment biex titjieb il-kwalità tat-toroq se jissokta fis-snin li ġejjin bil-bini mill-ġdid t’aktar toroq fil-lokalitajiet madwar Malta biex nagħtu ambjent aħjar u kwalità ta’ ħajja aħjar lill-familji fil-lokalitajiet kollha f’pajjiżna.

San Ġwann/San Ġiljan – traffic lights mitfija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għala t-traffic lights li hemm biswit l-uffiċini tal-Malta Independent fil-limiti ta’ San Ġiljan/San Ġwann (taħt il-mini ta’ Regional Road) ilhom xhur mitfija?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Awtorita’ tat-Trasport li dawn it-traffic lights qedgħin f’stat ta’ studju biex Transport Malta u Infrastructure Malta jieħdu deċizjoni jekk hemmx bżonn li l-junction tibqgħax t’opera bit-traffic lights jew le. S’issa rrizulta li l-junction qedgħa t’opera aħjar mingħajr dawn it-traffic lights.

Xogħlijiet fuq il-mini prinċipali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm sewa x-xogħol li sar fuq il-mini prinċipali tal-pajjiż fl-2021 u jgħid għala x-xogħlijiet li kienu imwiegħda li kellhom ikunu lesti fl-aħħar ta’ Ġunju, fil-fatt għadhom għaddejjin? Jista’ jgħid jekk ix-xogħol hux qed isir b’direct order jew le?

Response (BORG, IAN)

Il-proġett minn Infrastructure Malta biex tirranġa u ssebbaħ l-istrutturi tal-mini f’Ħal Kirkop, Santa Venera, Tal-Qroqq u Ta’ Giorni wasal fl-aħħar ftit xogħlijiet tiegħu. Permezz ta’ dan il-proġett, il-Gvern qed jagħti ħajja ġdida lil dawn il-mini, li flimkien iġibu total ta’ 4.8 kilometri ta’ korsiji bħala parti mix-xibka tat-toroq arterjali ta’ pajjiżna. Dawn il-mini nbnew bejn l-1967 u l-1996, bl-eqdem struttura hija dik Ta’ Giorni u l-iżjed waħda riċenti ta’ Tal-Qroqq. Minħabba li kien ilhom snin twal fi stat ta’ telqa, l-erba’ strutturi kellhom bżonn ħafna tiswijiet, manutenzjoni u modernizzar sabiex ikunu jistgħu jilħqu l-ogħla standards internazzjonali ta’ kwalità u jkunu armati bl-aħħar teknoloġiji ta’ saħħa u sigurezza għall-eluf ta’ persuni li jgħaddu minnhom ta’ kuljum. Ix-xogħlijiet kollha saru minn kuntrattur li ntgħażel wara evalwazzjoni tal-offerti mitfugħa skont ir-regolamenti applikabbli. Il-kuntrattur magħżul kellu l-esperti meħtieġa biex iwettaq dan ix-xogħol, skont ir-regolamenti applikabbli. Fil-fażi inizjali tal-proġett, tnaddfu l-ħitan minn saffi ta’ nugrufun u ħmieġ ieħor li tħalla jinġema għal għexieren ta’ snin, li matulhom dawn il-mini ftit li xejn raw manutenzjoni jew tindif. Imbagħad bdew it-tiswijiet tal-istrutturi u l-faċċati tagħhom li partijiet minnhom kellhom ħsarat estensivi u kienu jeħtieġu anke xogħol kbir ta’ restawr fil-ġebel u l-konkos tagħhom. Fil-każ tal-mini ta’ Santa Venera u Ta’ Giorni, li t-tnejn tħaffru fil-blat, sar ukoll studju bl-użu ta’ radar biex ġew identifikati xquq li kienu jeħtieġu interventi addizzjonali. Infrastructure Malta rrestawrat il-faċċati tad-daħliet tal-mini ta’ Santa Venera, Ħal Kirkop u Ta’ Giorni għad-dehra oriġinali tagħhom, bil-ġebla tal-franka. L-aġenzija talbet ukoll li d-daħliet tal-konkos mikxuf tal-Mini Tal-Qroqq, li kienu swiedu u kriehu bi snin ta’ dħaħen u nuqqas ta’ tindif, jingħataw dehra aktar sabiħa b’materjal ikkulurit li ma jaqbadx ħafna ħmieġ miegħu u li jkun jista’ jitnaddaf b’mod eħfef. Permezz ta’ dan il-proġett ġew mgħoddijin cables u katusi għall-entitajiet tas-servizzi fl-istess mini, u wara nksew b’saffi t’asfalt ġodda. Saru wkoll xogħlijiet ta’ titjib fis-sistemi tal-ilqugħ tal-ilma tax-xita li diġa kien hemm f’dawn il-mini. Għal kull wieħed mill-erba’ settijiet ta’ mini, nbnew kmamar tal-kontroll fuq barra li minnhom se jkunu jistgħu jiġu kkontrollati s-sistemi ġodda ta’ saħħa u sigurezza, fosthom cameras ta’ sorveljanza, alarms ta’ kontra n-nirien, apparat li jkejjel il-kwalità tal-arja fil-mini, tabelli elettroniċi u tagħmir ta’ komunikazzjoni f’każi t’emerġenza. Infrastructure Malta qed tqabbad il-kontroll ta’ dawn is-sistemi maċ-Ċentru Nazzjonali għall-Kontroll tat-Traffiku ta’ Transport Malta, biex ikun hemm monitoraġġ kontinwu. Is-sistema avvanzata ta’ cameras li se jkun hemm fil-mini se jkollha l-kapaċità li awtomatikament tiġbed l-attenzjoni tal-awtoritajiet jekk ikun hemm xi diffikultajiet, bħal xi karozza wieqfa fil-mina jew nirien, sabiex tintbagħat l-għajnuna minnufih. L-aġenzija tejbet ukoll il-passaġġi u bibien ta’ ħruġ ta’ emerġenza minn kull mina b’diversi tagħmir bħalma huma bibien re¿istenti għan-nirien u apparat biex iċċempel għall-għajnuna bħalma nsibu fil-liftijiet, kif ukoll sinjali u dwal li jidderiġuk minn fejn għandek toħroġ. F’kull mina, il-kuntrattur tal-proġett installa ukoll sistemi għall-provvista tal-ilma għat-tifi tan-nar u apparat ieħor għal kontra n-nirien bħalma huma fire hydrants. Għal dawn is-sistemi kontra n-nirien b’kollox ġew mgħoddijin minn taħt l-art ftit aktar minn tliet kilometri ta’ pajpijiet għall-ilma. Barra minn hekk, wara konsultazzjonijiet mad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, Infrastructure Malta bniet ukoll ġibjuni taħt l-art barra tnejn mill-istrutturi minħabba li ma kienx hemm l-ebda provvista t’ilma disponibbli għal dawn is-sistemi ġodda għat-tifi tan-nar. Fl-aħħar fa¿ijijiet tal-proġett, Infrastructure Malta biddlet is-sistemi tad-dwal biex il-mini ma jibqgħux imdallmin u ksiet il-ħitan tal-ġnub tal-mini b’materjal apposta li jsebbaħhom u jdawwalhom aktar. Minbarra li jipprovdi viżibilità aħjar fil-mini, dan il-materjal għandu jiffaċilita wkoll it-tindif u l-manutenzjoni li jkun hemm b¿onn isiru kull tant ¿mien. Bis-sistema l-ġdida tad-dwal speċjalizzata għal mini bħal dawn, il-qawwa tad-dawl ġewwa l-mini tinbidel skont il-ħin u skont it-temp, billi jitbaxxa jew jogħla mal-ħin, ħalli l-għajnejn tas-sewwieqa joqgħodu mill-ewwel meta tidħol fihom. Sabiex tagħmel ix-xogħlijiet meħtieġa biex tiżgura s-sigurtà u l-istabbilità tal-mini għal tul ta’ żmien, fl-2018 Infrastructure Malta kkummissjonat studji tekniċi bl-għajnuna t’esperti internazzjonali rinomati f’dan il-qasam. Permezz ta’ dawn l-istudji, ħareġ li t-tmien mini kien jeħtieġ li ssirilhom manutenzjoni sostanzjali u tiswijiet f’diversi sistemi tagħhom. Fost affarijiet oħrajn irri¿ulta li s-sistema tal-elettriku u tad-dwal fil-mini kollha kienet antikwata u kien jeħtieġ li tinbidel biex tkun skont standards internazzjonali. Kien hemm bżonn ukoll li jsir titjib kbir fis-sistemi ta’ sigurezza u ta’ kontra n-nirien, kif ukoll fil-passaġġi u l-bibien tal-ħruġ mill-mini f’każ t’emerġenza. Waqt li kien qed isir il-proġett inqalgħet il-ħtieġa ta’ xogħljiet oħrajn li ntalbu mill-entitajiet rispettivi biex dawn isiru mill-aġenzija, fosthom tqegħid ta’ pajpijiet ġodda tal-ilma u cables tad-dawl taħt waħda mill-karreġġjati tal-mini, liema rekwi¿iti ma kienux magħrufa meta ngħata l-kuntratt. Barra minn hekk, Infrastructure Malta tejbet il-kwalità tal-asfalt għall-kisi tal-karreġġjati fil-mini billu użat il-polymer modified asphalt, tip t’asfalt li nediet fit-toroq arterjali f’Malta fl-2020. Għaldaqstant, meta fl-2019 saret is-sejħa għall-offerti għall-proġett tal-mini, kienet għadha ma ntroduċietx f’pajjiżna l-użu ta’ dan il-materjal li huwa aktar b’saħħtu u jservi iżjed. Kif isir normalment, sabiex ma jkunx hemm diffikultajiet ta’ kordinazzjoni bejn kuntratturi differenti fl-istess post, ix-xogħlijiet addizzjonali ngħataw lill-kuntrattur li kien diġà mqabbad permezz tas-sejħa għall-offerti. Filwaqt li l-kuntratt oriġinali kien jammonta għal €12.5 miljun, l-ispiża finali tkun magħrufa meta jiġi konkluż il-proġett. It-titjib ta’ dawn il-mini jingħaqad mal-investiment bla preċedent li qed isir minn Infrastructure Malta f’ħafna toroq arterjali oħrajn, fosthom dawk li jagħtu għall-istess strutturi, biex pajji¿na jkollu infrastruttura tal-ivvjaġġar aktar sigura, aktar effiċjenti u aktar sostenibbli.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali — Persons of trust

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22153, peress li l-mistoqsija parlamentari ma tirreferix għall-Ministru nnifsu iżda għall-Ministeru tiegħu jew l-ekwivalenti, f’dan il-każ il-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm Persons of Trust fil-Ministeru tiegħu fl-2012 u kemm kien l-ammont totali ta’ dawn f’pagi u benefiċċji?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22473.

Vintage Cars – eżenzjoni minn VRT Test

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk vintage cars li għandhom ‘il fuq minn 100 sena u li jintużaw għal shows biss, jistgħux ikunu eżenti minn VRT test?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Awtorità tat-Trasport li r-Regolamenti dwar Testijiet biex jiċċertifikaw li vetturi bil-Mutur huma Tajba għat-Triq (L.S. 65.15) ma jħallux lok għal eżenzjoni mit-test ta’ affidabilità stradali fuq vetturi li jintużaw fit-triq, irrispettivament minn kemm dawk il-vetturi jintu¿aw fit-triq jew mill-età tagħhom. Ninsab infurmat ukoll illi fit-test ta’ affidabilità stradali li jsir fuq vetturi klassifikati bħala Vintage u li għandhom liċenzja biex jinstaqu fit-triq jittieħdu nkonsiderazzjoni l-epoka u t-teknoloġija li kienet teżisti fiż-żmien li dawk il-vetturi kienu ġew mibnija, iżda fl-istess ħin jiġi żgurat illi l-komponenti kollha relatati mas-sigurtà fit-triq ta’ dawk il-vetturi jkunu f’kundizzjoni tajba ta’ tħaddim.

Park ta’ San Klement –Vjal Kottoner – pedestrian crossing

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 21298, peress issa reġa’ daħal iż-żmien fejn ħafna nies jiffrekwentaw dan il-park, jista’ l-Ministru jgħid meta se jibda x-xogħol fuq din il-pedestrian crossing biex n-nies li jmorru hemm jaqsmu t-triq b’mod sigur?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara komunikazzjoni mall-Kunsill Lokali jirrizulta li l-issue tas-supply ġiet rizolta u x-xogħol hu mistenni li jibda fil-ġimgħat li ġejjin. Transport Malta qedgħa tassisti lill-Kunsill kif meħtieġ.

Fondazzjoni Rota

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm-il darba ltaqa’ mal-Fondazzjoni Rota tul din l-leġislatura u possibilment dwar liema proġetti tkellem magħhom?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li jien infurmat li l-entitajiet u l-membri tal-Ministeru jiltaqgħu regolarment, kif kelli l-okkazzjonijiet jiena ukoll, u niddiskutu proġetti speċifici u b’vi¿joni izjed wiesa’ għal dan il-mezz importanti ta’ trasport. Kemm qabel kif ukoll waqt it-twettiq tal-proġetti li jsiru minnha, Infrastructure Malta tikkonsulta ma’ diversi diversi entitajiet, Kunsilli Lokali, awtoritajiet u anke individwi konċernati biex tassigura li l-pjanti u x-xogħlijiet finali jkunu l-i¿jed effiċjenti, siguri u sostenibbli. Għaldaqsant il-konsultazzjoni mill-aġenzija tibda fl-istadju tal-ippjanar, tkompli waqt il-proċedura tal-għoti tal-permessi u saħansitra tissokta wkoll waqt li jkunu qegħdin isiru x-xogħlijiet, bħalma sar fil-ka¿ tal-Marsa Junction Project u Central Link Project fost proġetti oħrajn. Wara konsultazzjonijet li saru ma’ Fondazzjoni Rota, Infrastructure Malta kienet irrevediet il-pjanti tal-Marsa Junction Project biex ¿iedet mina (underpass) ġdida li ffaċilitat l-ivvjaġġar bil-mixi u bir-rota. Minbarra dwar dan il-proġett u Central Link Project, l-aġenzija kellha wkoll diversi laqgħat mal-istess għaqda fuq proġetti oħrajn fosthom dawk tal-Bypass tal-Imrieħel, tal-Bypass tal-Imġarr, ta’ Triq tal-Balal, Luqa Junction Project u l-Kirkop Tunnels and Airport Intersection Project (KTAIP).

Kumpaniji u Joint Ventures interessati għal bini tal-Marina f'Wied il-Għajn

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-ismijiet tal-entitajiet, kumpaniji u joint ventures interessati fil-bini tal-marina li jiffurmaw parti minn Scala Marina JV u Harbour Management JV?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.