Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kiri ta’ proprjetà bejn il-Gvern u l-każini tal-baned

Question

B’referenza għall-ftehim tal-kiri tal-proprjetà bejn il-Gvern u l-Każini tal-Baned li kienu mikrijin mingħand il-privat u issa qed jinxtraw mill-Gvern, jista’ l-Ministru: a. jagħti lista tal-każini/soċjetajiet li ġie konkluż magħhom il-ftehim tal-kirja bejn il-Gvern u l-Każini rispettivi; u b. iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratti tal-kirjiet li ġew konklużi s’issa ma’ dawk il-każini/soċjetajiet?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li preżentement il-Gvern qed jakkwista, kull fejn hu possibbli u fattibbli, il-proprjetajiet tal-każini tal-banda bit-titlu lokatizju f’diversi lokalitajiet madwar Malta u Għawdex li jinsabu f’riskju ta’ żgumbrament. Dan bil-għan li jipproteġi t-tradizzjonijiet tal-każini tal-banda u l-valur kulturali tagħhom f’Malta. Fil-fatt, intlaħaq ftehim ta’ akkwist mas-sidien tal-bini ta’ dawn is-soċjetajiet: 1. Każin Banda Stella Maris - Tas-Sliema, 2. Anici Banda & Social Club – Ħal Qormi, 3. Socjeta Fil. GM Fra Antoine De Paule Banda Kristu Re – Paola, 4. Circolo San Giuseppe Sagra Familja - Kalkara, 5. La Stella Levantina – Ħ’Attard, 6. Każin Banda Marija Reġina – Marsa. Fil-każ tal-Każin Banda Stella Maris, il-proċess ta’ akwiżizzjoni ġie totalment konkluż, waqt li fir-rigward tal-proprjetajiet l-oħrajn ġie ffirmat konvenju jew jinsabu fil-proċess li jiġi ffirmat konvenju mas-sidien rispettivi wara li ntlaħaq formalment qbil dwar il-kundizzjonijiet tal-bejgħ. Tajjeb jiġi rrimarkat li dan sar permezz ta’ appoġġ finanzjarju permezz ta’ skemi varji u anke permezz ta’ impenn għall-akkwisti tal-proprjetajiet li bħalissa qed jintużaw mill-każini tal-banda rispettivi sabiex tkun tista’ tingħata assigurazzjoni ta’ kera fit-tul. Filwaqt li rridu ngħinu lil dawn is-soċjetajiet, irid jiġi assigurat li jintlaħaq ukoll bilanċ mal-interessi tal-Gvern li jara li jkollu dħul xieraq għal dan l-investiment li qed isir.

Ta’ Qali – bini ta’ Arkivju Nazzjonali ġdid

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6799 dwar art li ngħatat lill-Arkivji Nazzjonali f'Ta Qali li se tiġi trasferita lura lill-Gvern, jista’ l-Ministru jgħid x'inhuma l-preparazzjonijiet u l-ħafna xogħol fuq dan il-proġett li jsemmi f'din it-tweġiba ? Jista’ jgħid jekk dan il-proġett għadux bil-ħsieb li se jsir, peress li ilu mwiegħed mill-2019?

Response (BONNICI, OWEN)

B'żieda għat-tweġiba mogħtija għall-PQ 6799 irrid ngħid li ninsab infurmat li matul l-aħħar sentejn l-Arkivji Nazzjonali sabu appoġġ mill-Arkivju Nazzjonali Franċiz li offra perita esperta dwar din il-materja għal pariri li jkunu meħtieġa sabiex tiġi żviluppata strateġija għall bżonnijiet ta’ Arkivju ta’ portata nazzjonali. Infurmat ukoll li sar eżerċizzju tekniku u strutturali ta’ identifikazzjoni tal-ispazji u l-metodu ta’ operat ta’ Arkivju Nazzjonali kif ukoll għal faċilitajiet tal-istituzzjoni li tħares l-Awdjoviziv f’pajjiżna.

Kunsilli Lokali li applikaw biex iħaddmu magħhom animal stewards

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema Kunsilli Lokali applikaw biex iħaddmu magħhom ‘Animal Stewards’ f’Malta u Għawdex? Jista’ jgħid ukoll liema huma dawk il-Kunsilli li diġà bdew iħaddmu magħhom ‘Animal Stewards’?

Response (BONNICI, OWEN)

Tlabt sabiex l-informazzjoni tinġabar.

Il-Mellieħa – Ġnien il-Qigħan – korrispondenza dwar it-Teatru Grieg

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3794 dwar it-Teatru Grieg li jinsab fi Ġnien il-Qigħan fil-Mellieħa li kien ġie inawgurat mill-Kunsill Lokali f’Lulju 2008, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-korrispondenza kollha indikata fit-tweġiba mogħtija li għaddiet bejn il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa u Care Malta bejn l-2018 u Marzu 2023?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’dan l-istadju m’ghandi xejn aktar xi nżid mat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari bin-numru 3749.

Kunsill Lokali Mellieħa – fondi Ewropej – proġett fiż-żona ta’ Selmun

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex kellu jikkonsisti l-proġett imwettaq mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa permezz ta’ fondi Ewropej fiż-żona ta’ Selmun, primarjament fil-post fejn qabel kien kumpless ta’ rziezet, fl-2012, u jgħid ukoll x’użu għamel minn dan il-post l-istess kunsill lokali bejn l-2013 u l-2023? Jista’ jgħid ukoll jekk il-ftehim u l-obbligazzjonijiet li kienu oriġinarjament jorbtu lill-istess kunsill vis-à-vis il-fondi mogħtija nżammux?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa li fl-istess żmien meta kienet saret applikazzjoni għall-fondi Ewropej kienet ġiet sottomessa applikazzjoni mal-Awtorità tal-Ippjanar – PA 2368/09 – li kienet tinvolvi r-restawr u l-konservazzjoni tal-kumpless tal-irziezet f’Selmun, fost binjiet oħra, liema talba kienet ġiet approvata u abbażi tagħha ġew allokati l-fondi. Infurmat ukoll li meta tlestew dawn ix-xogħlijiet, kienet saret it-tieni applikazzjoni – PA 2481/13 – li tinvolvi fost oħrajn l-użu tal-irziezet bħala ċentru ta’ interpretazzjoni, liema applikazzjoni għadha pendenti minħabba nuqqas ta’ aċċessibbiltà għall-persuni bi bżonnijiet speċjali. Intant infurmat li l-każ anke ġie trattat mit-Test for Reasonableness Board (TORB), iżda rriżulta li l-interventi mitluba mill-Bord jaffettwaw b’mod drastiku l-aspett estetiku tal-istess binjiet.

Kunsill Lokali Mellieħa – użu minn kamra fil-Park tal-Majjistral

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’użu qed jagħmel illum il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa minn kamra fil-Park tal-Majjistral li kienet għaddiet b’devoluzzjoni lill-istess Kunsill qabel l-2013 sabiex titgawda mill-pubbliku li jżur il-Park b’aċċenn fuq karatteristiċi partikolari u sinonimi mal-lokalità tal-Mellieħa, u li llum tħalliet mitluqa u tiddeterjora?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa li l-binja msemmija ġiet devoluta lill-Bord tal-Park tal-Majjistral permezz ta’ ftehim iffirmat fid-19 ta’ Novembru 2011, bl-obbligu li tenement E26228 jiġi allokat lill-Kunsill Lokali bħala ‘on-site reference point’ u uffiċċju. Infurmat ukoll li attwalment il-binja qed tintuża proviżorjament bħala maħżen, billi l-Kunsill għandu l-intenzjoni li l-binja tinbidel f’ċentru ta’ interpretazzjoni dwar il-produzzjoni tal-melħ u l-għasel, bħala parti minn pjan ħollistiku mfassal mill-Bord tal-Park tal-Majjistral.

Il-Mellieħa – park tal-familja – manutenzjoni ta’ trakka

Question

Jista’ l-Ministru jara li trakka magħmula minn wood chips, li sa ftit snin ilu kienet parti mill-Park tal-Familja fil-Mellieħa, li jaqa’ taħt ir-responsabilità tal-Kunsill Lokali, issirilha l-manutenzjoni meħtieġa sabiex terġa’ tintuża u titgawda mill-pubbliku?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa li l-esperjenza wriet li kull darba li ‘wooden chippings’ tferrxu fuq il-jogging track, dawn inġarru mill-ilmijiet fl-iktar partijiet baxxi tal-istess trakka kull meta tagħmel xita qawwija.

Il-Mellieħa – park tal-familja – persuna responsabbli miż-żamma tal-post

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk fil-Park tal-Familja fil-Mellieħa, li jaqa’ fir-responsabilità tal-Kunsill Lokali tal-Mellieħa, hemmx persuna responsabbli miż-żamma ta’ dan il-post? Jekk iva, jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratt mogħti lil din il-persuna sabiex ikunu magħrufa l-obbligi u r-responsabbiltajiet ta’ żamma fl-aħjar kondizzjonijiet tas-soft areas, tal-multi-purpose court kif ukoll il-ħinijiet tal-ftuħ tal-latrini f’dan il-post frekwentat regolarment minn mijiet ta’ familji?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa li l-Kunsill ta' b’kuntratt s-servizz ta’ kustodju li jipprovdi għal superiżjoni tal-Park tal-Familja waqt il-ħinijiet li jkun l-aktar iffrekwentat mill-pubbliku. Dwar dan infurmat li x-xogħol tal-kustodju jinkludi t-tindif tal-park, bl-esklużjoni tas-soft areas. Infurmat ukoll li l-ħinijiet tax-xogħol tal-kustodju jiġi estiżi tul il-perjodu kollu li t-tfal tal-iskola jkunu bil-vaganzi, eż: tal-Milied, tal-Għid, tal-Karnival, u fil-mid-term holidays. Intant infurmat li l-ħinijiet normali tal-kustodju u l-ħinijiet tal-ftuħ tal-latrina pubblika, kif ivarjaw matul is-sena jidhru fuq l-iskeda li qed tiġi mqiegħda fuq il-Mejda tal-Kamra. Rigward, il-ħinijiet tal-ftuħ tal-latrina, infurmat li dawn jinsabu fin-notice board tal-Park li qiegħda fid-daħla ewlenija minn Triq Ġuże’ Flores. Fuq nota finali, infurmat li s-soft areas huma parti minn kuntratt ieħor illi l-Kunsill għandu dwar iż-Żamma tal-Parki u Ġonna li jkopri l-lokalità kollha. Is-siltiet rilevanti mill-kuntratti li saret referenza għalihom, fejn hemm l-obbligi tal-kuntratturi konċernati, qed jiġu mqiegħda wkoll fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali — direct orders

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il direct order saret mid-dekasteru tiegħu minn Marzu 2022 sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Contracting Authority tippubblika din l-informazzjoni fuq il-Gazzetta tal-Gvern għal kull procurement li jsir għal kull perjodu ta’ sitt xhur, skont ir-Regolament 111(2) tal-Public Procurement Regulations.

Remunerazzjoni ta’ Eks Membri Parlamentari

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 7232 u jagħti rendikont ta' kull kuntratt ta' konsulenza, servizz jew xort’oħra ta' remunerazzjoni li ngħataw mill-Ministeru jew minn xi entità li taqa' taħtu, lill-Eks Membri Parlamentari li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament bejn l-2018 u llum? Jista' f'kull każ jgħid b'liema proċedura ngħata l-kuntratt jew servizz, x'kienet ir-remunerazzjoni u x'kienu l-benefiċċji u perkaċċi marbuta miegħu?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat illi hemm Eks Membru Parlamentari wieħed, u ċjoè Dr Etienne Grech, li ta servizzi lil dan il-Ministeru fl-irwol ta’ Chairperson tal-Kumitat Konsultattiv għan-Nofsinhar ta' Malta. Infurmat li l-ħlasijiet b’rabta mal-istess rwol kienu kif ġej: • Sena 2020 - €24,000 • Sena 2021 - €24,000 • Sena 2022 - €11,651

Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali — persuni rreġistrati bħala self-employed

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni rreġistrati bħala self-employed mal-Ministeru tiegħu, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-Ministeru ma jkunux irreġistrati persuni self-employed. Meta jkun hemm contracts for service dawn jingħataw skont regolamenti tax-xiri pubbliku (public procurement).

Għawdex – Sannat – Xogħlijiet fi Triq Sannat

Question

B'referenza għax-xogħlijiet li tlestew f'dawn l-aħħar xhur fi Triq Sannat, it-triq prinċipali li twassal għar-raħal Ta' Sannat, jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet ġiet awarded din it-tender u kemm kienet l-ispiza finali fuq din it-triq? Jista’ jgħid min kien il-perit (isem u kunjom) inkarigat mix-xogħol li sar u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja taċ-ċertifikat tax-xogħol li sar fuq din il-parti tat-triq u li ġie rilaxxat mill-perit inkarigat? Jista’ jgħid jekk sarux quality control tests u jekk iva, min għamilhom, meta saru u jqegħidhom fuq il-Mejda tal-Kamra? Jista’ jgħid jekk sarux quantity surveyor reports fuq ix-xogħol li sar u jekk iva, min għamilhom, meta saru u jqegħidhom fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi d-domanda tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.

Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali – implimentazzjoni ta’ Direttivi tal-UE

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’direttivi tal-Unjoni Ewropea ġew implimentati mill-Ministeru tiegħu tul is-sena 2022 u liema huma dawk li għadhom pendenti?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fis-sena 2022, il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali ma kellu l-ebda Direttiva tal-Unjoni Ewropea li kellha tkun trasposta fil-liġi nazzjonali u għaldaqstant m’hemm l-ebda Direttiva li hija pendenti.

Kunsilli Lokali – trasparenza u kontabilità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’qiegħed isir sabiex tiżdied it-trasparenza u l-kontabilità fit-tmexxija tal-kunsilli lokali?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li f’dawn l-aħħar snin ittieħdu diversi inizjattivi u bidliet li servew sabiex tiżdied it-trasparenza u l-kontabilità fit-tmexxija tal-Kunsilli Lokali, fosthom: - It-tisħiħ tal-funzjonijiet tal-Bord ta’ Governanza Lokali, inkluż il-poter li permezz ta’ rapport tal-istess Bord, kunsill lokali jista’ jiġi xolt; - L-obbligu li kull membru tal-kunsill ikun obbligat li jaderixxi mal-Kodiċi ta’ Etika għar-Rappreżentanti Eletti fil-Kunsilli Lokali, liema kodiċi ngħata saħħa legali meta ġie inkluż bħala t-Tlettax-il Skeda tal-Att dwar Gvern Lokali (liema obbligu daħal permezz tal-emendi legali li saru fl-Att dwar Gvern Lokali fl-2019); - It-twaqqif ta’ direttorat ġdid fi ħdan id-Diviżjoni għall-Gvern Lokali bir-responsabbiltà dwar il-Finance u Procurement Compliance (liema direttorat twaqqaf f’nofs l-2021); - L-obbligu legali (li daħal permezz tal-emendi li saru fl-2019) li fl-aħħar ta’ kull sena, kull kunsillier għandu jippreżenta rapport dwar il-ħidma tiegħu fil-qasam li għalih ikun responsabbli, liema rapporti għandhom jiġu inklużi fir-Rapport Amministrattiv; - L-obbligu legali li kull kunsill jagħmel laqgħa annwali fejn fiha jippreżenta l-Pjan ta’ Ħidma (Business Plan) tiegħu għall-5 snin li jkunu ġejjin; - Il-qsim tal-appraisal tal-performance tas-Segretarji Eżekuttivi bejn il-kunsill u d-Diviżjoni għall-Gvern Lokali; - Il-fatt li Segretarju Eżekuttiv hu meqjus bħala uffiċjal pubbliku sakemm ikun fil-kariga jirrendih suġġet li jaderixxi mal-Public Service Management Code u r-regolamenti u proċeduri applikabbli għall-uffiċjali fis-Servizz Pubbliku.

Heritage Malta – ħruġ ta’ permessi għal attivitajiet fit-tempji Megalitiċi u Neolitiċi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inħarġu permessi minn Heritage Malta mill-2017 'l hawn sabiex isiru attivitajiet fit-tempji Megalitiċi u Neolitiċi madwar Malta u Għawdex?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat minn Heritage Malta li mill-2017 'l hawn inħarġu 12-il permess sabiex isiru attivitajiet fit-tempji Megalitiċi u Neolitiċi ġewwa Malta u Għawdex. Dawn saru ġewwa s-siti rispettivi kif indikat hawn taħt: - Tempji tal-Ġgantija – 4 - Tempji ta’ Ħal Tarxien – 1 - Park Arkeoloġiku ta’ Ħaġar Qim – 7 Intant, infurmat ukoll li ġewwa s-sala taċ-ċentru tal-Viżitaturi ta’ Ħagar Qim saru wieħed u tletin attività.

Kunsill Lokali Marsaskala — rakkomandazzjonijiet dwar bini mill-ġdid tal-ex-Jerma Hotel

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’rakkomandazzjonijiet saru mill-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala dwar il-bini mill-ġdid tal-Eks Jerma Hotel?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala aktar minn darba esprima ruħu li mhux kuntent bis-sitwazzjoni preżenti fis-sit tal-Jerma. Ninsab infurmat mill-istess Kunsill Lokali li dan iltaqa’ mas-sidien tas-sit ’il fuq minn sena ilu fejn dawn kienu spjegaw li għandhom proposti in line mad-development brief, liema development brief ħareġ mill-Planning Authority u mhux mill-iżviluppatur. Il-Kunsill iħares ’il quddiem biex jesprimi l-pożizzjoni tiegħu jekk ikun hemm applikazzjoni quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar.

Guardianship Deeds

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 6935 u 7223, li oriġinarjament saru lill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal u lill-Ministru għall-Ġustizzja rispettivament, u jgħid għaliex hemm dewmien twil (saħansitra snin sħaħ ta’ dewmien) fl-għotja ta’ Atti ta’ Kurazija (Guardianship deeds) lil NGOs? Fejn qegħdin jeħlu dawn il-proposti? Jista’ jgħid ukoll jekk dan id-dewmien huwiex ġustifikat jew le? Jista’ jiċċara f’isem il-Gvern jekk hemmx jew le r-rieda politika biex ikomplu jingħataw Atti ta’ Kurazija lil NGOs?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali li l-istess Sovrintendenza pproċessat it-talbiet ta’ Atti ta’ Kurazija kollha li rċeviet sas-sena 2022 u ġew riferuti lill-Awtorità kkonċernata. Infurmat ukoll li talbiet ġodda ġew ipproċessati u riferuti lill-Awtorità kkonċernata. Intant, infurmat li s-Sovrintendenza qed tipproċessa talbiet li daħlu fil-bidu tas-sena 2023.

Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali — safar

Question

Jista' l-Ministru jgħid f’din il-Leġiżlatura jekk u meta sar xi safar barra mill-pajjiż u jipprovdi l-informazzjoni dwar kemm sar użu minn roaming u kemm kien il-ħlas rispettiv għal tali użu, kemm għall-Ministru kif ukoll għall-istaff tiegħu b'mod rispettiv għal kull persuna u kull safra?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fil-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea ma japplikawx roaming charges. Intant, l-informazzjoni dwar safar li inkluda roaming charges tinsab hawn taħt: Pajjiz Utent Total Mexico Ministru Owen Bonnici 35.10 Euros 1 Secretariat Staff 31.03 Euros Switzerland 1 Secretariat Staff 127.70 Euros

Marsaxlokk – statwa tal-Qalb ta’ Ġesu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li statwa ddedikata lill-Qalb ta’ Ġesu li kienet tinsab fil-moll ta’ Marsaxlokk fuq in-naħa tat-triq int u sejjer lejn Birżebbuġa, ġiet imkissra u mormija waqt li kien qiegħed isir ix-xogħol u jekk le, jista’ jassigura li titqiegħed lura f’postha?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Marsaxlokk illi l-imsemmija statwa tneħħiet minn postha minħabba, li diversi drabi ġiet milquta waqt xogħlijiet li kienu qed issiru fl-inħawi. Għaldaqstant infurmat li l-istatwa tneħħiet u tpoġġiet f’post sigur sakemm jitlesta x-xogħol. Intant, infurmat li l-istatwa tpoġġiet f’postha nhar il-Ġimgħa 17 ta’ Marzu 2023.

Bormla – Dock No. 1 – irranġar ta’ bini

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ser jittieħdu sabiex il-parti tal-bini fix-Xatt ta’ Bormla li qabel kienet okkupat fi ħdan id-Dock No. 1 jiġi rranġat billi qed issir il-ħsara sew fih?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi d-domanda tieghu lill-Ministeru kkonċernat.