Legislature:
Category:
Reset
Active:

Protezzjoni Umanitarja – Minuri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn minuri li huma refuġjati, Failed Asylum Seekers, jew għandhom xi forma ta’ protezzjoni umanitarja?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi din is-sena kien hemm 20 minuri li ngħataw Protezzjoni Temporanja minħabba l-gwerra tal-Ukraina, filwaqt li tlett minuri oħra jgawdu minn Protezzjoni Sussidjarja.

Persuni LGBTIQ+ — status ta’ refuġjat jew protezzjoni f’Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni LGBTIQ+ minn pajjiżi barranin fejn m’għandhom l-ebda drittijiet jew qegħdin f’periklu ċar li ngħataw status ta’ refuġjat jew protezzjoni f’Malta, sena b’sena, mill-2013 sa 2023?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi l-orjentazzjoni sesswali ta’ dawk il-persuni li jfittxu l-ażil tiġi kkunsidrata mill-Aġenzija għall-Protezzjoni Internazzjonali waqt il-proċess tal-ażil u li persuni LGBTIQ+ li huma f’riskju ta’ persekuzzjoni fill-pajjiż tal-oriġinu tagħhom minħabba l-orjentazzjoni sesswali tagħhom, jingħataw protezzjoni ta’ refugjat mill-Aġenzija għall-Protezzjoni Internazzjonali. Infurmat li l-informazzjoni mitluba ma tistax tiġi pprovduta, peress li tali data mhijiex irreġistrata għal skopijiet ta' statistika mill-Aġenzija għall-Protezzjoni Internazzjonali.

Skejjel Statali — Tfal ta’ refuġjati jew immigranti irregolari

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm tfal ta’ refuġjati jew immigranti irregolari li bħalissa qegħdin jattendu l-iskejjel statali?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex tagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol — Programmi tar-radju - Nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu l-ammonti ta' flus li ntefqu fuq programmi tar-radju mill-Ministeru u/jew mill-entitajiet li jaqgħu taħt l-istess Ministeru, x'kienu d-dati li fihom ixxandru dawn il-programmi, kif ukoll jipprovdi l-isem tal-programmi u l-istazzjon tar-radju li l-Ministeru xtara airtime? Jista' jindika wkoll liema minn dawn il-programmi kienu intervisti?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat illi mill-bidu tas-sena sal-lum saru erba' intervisti fil-programm "Minn Jum għal Jum" fuq Radju Malta, li għalihom attendew persuni minn entitajiet differenti. L-intervisti saru fis- 26 ta' Jannar; fit-22 ta' Frar; fit-22 ta' Marzu u fid-29 ta' Marzu. Dawn l-intervisti li ġew mxxandra waqt dan il-programm, huma parti mill Public Service Agreement li hemm bejn il-Ministeru u l-Public Broadcasting Service.

Organizzazzjonijiet Voluntiera ta' Salvataġġ — simulazzjonijiet ta' emerġenza

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm deċiżjoni min-naħa tiegħu, mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili (CPD) jew minn entitajiet oħra governattivi, biex l-Organizzazzjonijiet Voluntiera ta' Salvataġġ ma jiġux imsejħa aktar jew involuti meta jsiru simulazzjonijiet ta' emerġenza?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li ma kien hemm ebda deċiżjoni ta' dan it-tip. Jekk qed issir referenza għall-eżerċizzju li sar fl-10 ta' April ġewwa Selmun, dan kien parti mir-reklutaġġ li bħalissa għaddej fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u allura kien hemm il-bżonn li f'ġurnata jitħarrġu 64 rekluta kemm fuq kif jinteraġixxu mal-ħelicopter kif ukoll kif jitmexxa inċident kbir li jinkludi l-klieb tad-Dipartiment, u l-membri ta' l-emerġenza ta' Mater Dei, b'hekk il-focus kien fuq ir-rekluti. Hemm ippjanati diversi eżerċizzji nazzjonali fix-xhur u snin li ġejjin u dawn ser jinvolvu l' Ngos kollha li jaħdmu mad-DPĊ kif dejjem isir.

Ħal Qormi — Triq San Bartolomew - Sewqan perikoluż

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’miżuri jistgħu jittieħdu minħabba sewqan perikoluż fi Triq San Bartolomew, Ħal Qormi?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija diġà tagħmel ronda fit-Triq San Bartolomew Hal-Qormi, biex fost doveri oħra trażżan u timpedixxi kwalunkwe ksur ta’ liġi, inkluż is-sewqan eċċessiv. Dan isir ukoll u ser jibqa’ jsir mill-uffiċjali tal-Aġenzija LESA, waqt is-sorveljanza tagħhom ta’ din il-lokalità.

Third Country Nationals — Applikazzjonijiet ta’ single work permit

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm applikazzjonijiet ta’ single work permit minn third country nationals (minbarra l-Ingilterra) mill-2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll kemm kien hemm applikazzjonijiet miċħuda u x’kienu r-raġunijiet għal dan?

Response (CAMILLERI, BYRON)

L-informazzjoni qed tinġabar.

Third Country Nationals — Talbiet għal riunifikazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm talbiet għal riunifikazzjoni minn third country nationals fuq single permit mill-2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll kemm kien hemm applikazzjonijiet miċħuda fl-istess żmien u x’kienu r-raġunijiet għal dan?

Response (CAMILLERI, BYRON)

L-informazzjoni qed tinġabar.

Talbiet għal long term residency

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li għandhom single work permit li ilhom mill-inqas ħames snin u talbu għal long term residency mill-2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll kemm kien hemm talbiet li ġew miċħuda u għal liema raġunijiet?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi kien hemm 274 cards maħruġa fis-sena 2022, 366 fis-sena 2023 u 154 fis-sena 2024. Ukoll infurmat li kien hemm persuna rifjutata fis-sena 2023 u 10 fis-sena 2024.

Programm ‘I Belong’, Kors 1 u 2

Question

B’referenza għall-programm ‘I Belong’, kors 1 u 2, jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti u jagħti lista skont in-nazzjonalità tagħhom?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex iressaq din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Tax-Xbiex — Triq Testaferrata - Spezzjonijiet tal-Pulizija - prostituzzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru spezzjonijiet tal-Pulizija fit-toroq madwar Triq Testaferrata f’Tax-Xbiex kontra t-tlajjar għal skopijiet ta’ prostituzzjoni, sena b’sena, mill-2013 sal-aħħar tas-sena 2023?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi informazzjoni dwar spezzjonijiet tal-Pulizija tad-distrett li saru fit-toroq madwar Triq Testaferrata, f’Tax-Xbiex/Gżira, relatati ma’ tlajjar għal skopijiet ta’ prostituzzjoni, ma tinżamx għat-taqsimiet kollha tal-Korp li huma nvoluti b’tali doveri. Din minħabba illi l-preżenza tal-pulizija fl-inħawi hija konsiderevolment spissa. L-Onorevoli Membru tapprezza illi f’kull ħin waqt ir-ronda ta’ membri mid-distrett u minn diversi sezzjonijiet tal-pulizija, kemm permezz ta’ vetturi kif ukoll bil-mixi, issir sorveljanza għal dak li jkun qed iseħħ fl-inħawi u dan bħala deterrent biex abbużi ta’ prostituzzjoni kif ukoll ta’ ħafna reati oħra jiġu mrażżna. Dan jinkludi il-membri tal-Pulizija tal-Komunita’ li jkopru il-lokalita in kwistjoni, fejn jagħmlu moniteraġġ ta’ kuljum waqt il-qadi ta’ dmirijiethom. L-istess jista’ jingħad għal uffiċċjali tal-RIU li jkopru din iż-żona ta’ spiss matul il-jum.

Individwi li ngħataw Nazzjonalità Maltija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il individwu ngħata n-Nazzjonalità Maltija kull sena mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll minn liema pajjiżi kienu dawn l-individwi?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta għall-mistoqisjija parlamentari 17583.

Ħal Tarxien — inċidenti tat-traffiku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm inċidenti tat-traffiku f’Ħal Tarxien fis-snin 2020, 2021, 2022 u 2023? Jista’ jgħid ukoll f’liema toroq seħħew?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi fis-snin 2020, 2021, 2022 u 2023 in-numru ta’ inċidenti tat-traffiku li seħħew f’Ħal Tarxien u ġew indirizzati mill-pulizija, jidher f’Tabella A, filwaqt li Tabella B tindika l-inċidenti tat-traffiku li ġew indirizzati mill-LESA. Qed inpoġġi din l-informazzjoni fuq il-Mejda tal-Kamra.

Fgura — inċidenti tat-traffiku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm inċidenti tat-traffiku fil-Fgura fis-snin 2020, 2021, 2022 u 2023? Jista’ jgħid ukoll f’liema toroq seħħew?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi fis-snin 2020, 2021, 2022 u 2023 in-numru ta’ inċidenti tat-traffiku li seħħew fil-Fgura u ġew indirizzati mill-pulizija, jidher f’Tabella A, filwaqt li Tabella B tindika l-inċidenti tat-traffiku li ġew indirizzati mill-LESA. Qed inpoġġi din l-informazzjoni fuq il-Mejda tal-Kamra.

Raħal Ġdid — inċidenti tat-traffiku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm inċidenti tat-traffiku f’Raħal Ġdid fis-snin 2020, 2021, 2022 u 2023? Jista’ jgħid ukoll f’liema toroq seħħew?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi fis-snin 2020, 2021, 2022 u 2023 in-numru ta’ inċidenti tat-traffiku li seħħew f’Raħal Ġdid u ġew indirizzati mill-pulizija, jidher f’Tabella A, filwaqt li Tabella B tindika l-inċidenti tat-traffiku li ġew indirizzati mill-LESA. Qed inpoġġi din l-informazzjoni fuq il-Mejda tal-Kamra.

Mellieħa — Triq il-Kbira u Triq Ġorġ Borg Olivier - Kontravenzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm seħħew kontravenzjonijiet u kemm minnhom inqabbdu bil-cameras fi Triq il-Kbira u Triq Ġorġ Borg Olivier fil-Mellieħa bejn Jannar u April 2024?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi bejn Jannar u l-11 ta’ April 2024 seħħew mija u tmienja u ħamsin (158) kontravenzjonijiet fi Triq il-Kbira u Triq Ġorġ Borg Olivier fil-Mellieħa. Minn dawn ħamsa u sebgħin (75) kontravenzjoni inqabbdu bil-cameras u l-kumplament inħarrgu mill-Pulizija u uffiċjali tal-LESA.

Imsida — Għassa tal-Pulizija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se titlesta l-Għassa tal-Pulizija tal-Imsida, peress li din il-lokalità spiċċat bla għassa?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi l-Korp tal-Pulizija huwa kommess li jibqa jtejjeb l-ambjent tax-xogħol tal-membri tiegħu biex jimmotivahom u jkompli jgħolli l-livell tas-servizz offrut lill-komunità. Ix-xogħol ta’ rinovar fl-Għassa tal-Imsida huwa konsiderevoli u l-investiment relatat jlaħħaq il-€1.4M. Huwa previst li dan jitlesta bejn l-ewwel kwart u nofs is-sena 2025. Kif ingħad fit-tweġiba għal mistoqsija parlamentari 12365 is-sena li għaddiet, u kif imħabbar fuq il-paġni soċjali tal-Korp, is-servizz tal-Pulizija fl-Imsida, qiegħed temporanjament jiġi offrut mill-għassa ta’ tas-Sliema, waqt li s-servizz tal-Pulizija tal-Komunita’ qed isir mill-Kunsill Lokali f’Ta’ Xbiex.