Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' kemm hemm persuni impjegati full-time u part-time kemm tal-gvern kif ukoll tal-Community Work Scheme li jaħdmu ġewwa l-Gozo Sports Complex fir-Rabat, Għawdex u jagħti informazzjoni dwar ir-rwol tagħhom u l-kundizzjoni tax-xogħol tagħhom?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-kumpless Sportiv t'Għawdex hemm; erba' mpjegati fuq bażi full time li jaqew taħt l-iSkema tal-Community Workers; dsatax -il uffiċjal tal-Gvern fuq bażi full time; u hemm impjegat ieħor tal-Gvern fuq bażi Part Time.
L-informazzjoni l-oħra mitluba tinsab fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tender for the reinforcing and resurfacing of road leading to Blue Lagoon Bay — Comino
Question
Jista’ l-Ministru jgħid fiex jikkonsisti t-tender li ħarġet fid-9 ta' Ġunju 2020 MGOZ/MPU T 56/2020 Tender for the reinforcing and resurfacing of road leading to Blue Lagoon Bay - Comino? Jista’ jgħid meta hu ppjanat li jsir dan ix-xogħol? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-permessi min-naħa tal-ERA u tal-PA biex isir dan ix-xogħol li hu rikjest minn din it-tender?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid b'rigward il-dry standing area fejn dgħajjes jitilgħu fuq l-art għall-kenn fix-Xlendi, min se jkun eleġibbli biex jkun jista' jqiegħed id-dgħajjes fiha? Xi proċeduri qed isegwi l-Ministeru u x'sejħa pubblika qed jagħmel il-Ministru biex ikun konxju ta' min għandu interess juża din id-dry standing area?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-dry standing area fix-Xlendi hi ntenzjonata primarjament għas-sajjieda biex ikunu jistgħu jsewwu u/jew jagħmlu manutenzjoni lid-dgħajjes tagħhom. Bħalissa l-Ministeru qed jilqgħa applikazzjonijiet mingħand dawk li huma nteressati li jużaw din id-dry standing area.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk it-tender li kien qed jiġi abbozzat f'Ottubru 2016 għall-baga akbar għall-cruise liners fix-Xlendi issa ġiex ippubblikat u jekk intgħażilx min se jagħmel dan ix-xogħol? Meta hu maħsub li din il-baga tkun lesta u meta hu ppjanat li jorbtu magħha l-ewwel cruise liners? Kemm hi l-ispiża totali maħsuba għal dan il-proġett?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba se tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw contracts for service mill-Ministeru inkluż id-dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu minn Marzu 2013 sal-lum, sena b’sena? Jista’ jagħti wkoll dettalji dwar it-tul ta’ żmien ta’ kull kuntratt, is-servizzi li ngħataw, kif ukoll il-pakkett finanzjarju u perkaċċi oħra fir-rigward ta’ kull tali kuntratt?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba se tingħata f'xi seduta oħra.
Ir-Rabat — Triq Sannat – perit inkarigat mix-xogħol
Question
Jista’ l-Ministru jgħid min kien il-perit inkarigat mix-xogħol li sar mill-Ministeru tiegħu fuq parti minn Triq Sannat bejn ir-Rabat u s-Sannat, Għawdex? Jista' jpoġġi kopja taċ-ċertifikat tax-xogħol li sar fuq din it-triq u li ġie rilaxxat mill-perit inkarigat? Jista' jgħid kemm tħallas fuq ix-xogħol li sar fuq din it-triq u kemm dan l-ammont kien iżjed minn dak ippjanat fit-tender? Jista' jgħid jekk sarux testijiet fuq ix-xogħol li sar u f'liema laboratorju saru? Jista' jpoġġi kopja ta' dawn it-testijiet fuq il-Mejda tal-Kamra? Jekk ma sarux testijiet jista' jagħti r-raġuni għaliex ma sarux?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba se tingħata f'xi seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 31347, 31259, 31258, 31219, 31218, 30974, 30973, 30972, 30931, 30930 u 30929 tat-12-il Leġiżlatura u li issa ilhom pendenti żmien twil, u jgħid min kien il-perit inkarigat mix-xogħol li sar mill-Ministeru tiegħu fuq dawn it-toroq indikati f'kull mistoqsija? Jista' jpoġġi kopja taċ-ċertifikat tax-xogħol li sar fuq dawn it-toroq u li ġie rilaxxat mill-perit inkarigat? Jista' jgħid kemm tħallas fuq ix-xogħol li sar fuq kull triq u kemm dan l-ammont kien iżjed minn dak ippjanat fit-tender? Jista' jgħid jekk sarux testijiet fuq ix-xogħol li sar u f'liema laboratorju saru? Jista' jpoġġi kopja ta' dawn it-testijiet fuq il-Mejda tal-Kamra? Jekk ma sarux testijiet jista' jagħti r-raġuni għaliex ma sarux?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba se tingħata f'xi seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġiet tiswa l-attività ta’ “Inħobbok Concert” li sar li fiż-żmien ta' Jum San Valentinu tas-sena 2019? Jista’ jgħid x'tip ta' tenders jew quotations ħarġu rigward din l-attività, min organizza din l-attività (isem u kunjon l-individwu/kumpanija) kemm tħallsu u fejn ġiet organizzata din l-attività u x'kera tħallset għall-użu tal-postijiet fejn saru dawn l-attivitajiet?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-attivita msemmija ġiet tiswa s-somma ta’ €29,561 (VAT eskluż) u ġiet imtella taħt il-miżura tal-baġit ‘Festivals Tematiċi’. Is-supplier ta’ din l-attivita, li ttellgħet fi Pjazza t-Tokk, kien Christian Azzopardi.
Ir-Rabat Għawdex – Triq l-Imgħallem – bini ta’ triq
Question
B'referenza għax-xogħol li xi darba għandu jsir fuq il-bini mill-ġdid tat-Triq l-Imgħallem ġewwa r-Rabat Għawdex u li ta' kuljum jgħaddu mijiet ta' karozzi u trakkijiet minn din l-imsemmija triq, jista’ l-Ministru jgħid:
a. jekk hux ser isir
storm water culvert
minħabba l-ilmijiet kbar li jinżlu minn din it-triq;
b. jekk hux ser isiru
walk through culverts
biex is-servizzi jgħaddu minn ġo fihom u b’hekk qatt ma jkun hemm bżonn li terġa’ tinqala’ din it-triq arterjali;
c. kemm-il kisja ta’ asfalt ser tingħata din it-triq u kemm hi l-ħxuna ta’ kull kisja asfalt;
d. jekk hux ser jintuża asfalt apposta fuq din it-triq minħabba l-
skid
resistance
; u
e. jekk din it-triq ewlenija u importanti ġewwa Għawdex, hux se tinbena skont
standards
tal-Unjoni Ewropea, Transport Malta u
standards
ta' Infrastructure Malta?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’din it-Triq se jsir storm water culvert. Se jsiru żewġ kisjiet ta’ hot rolled asphalt li jikkonsistu f’base course ta’ 80mm ħxuna u f’wearing course ta’ 40mm ħxuna. Din it-triq se tinbena skont standards tal-Unjoni Ewropea u ta’ Transport Malta, u hija kklassifikata bħala ‘Construction Class V PAVEMENT CONSTRUCTION 4 - ASPHALT, TYPE 1 AND FOUNDATION COURSE’.
Ministeru għal Għawdex – Wild Bird Regulation Unit
Question
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 14177, jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari kollha kemm hi u jgħid il-11-il ħaddiem li jaħdmu fis-sezzjoni tal-Wild Bird Regulation Unit (WBRU) fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex ġewwa Għawdex x’inhu l-grad tagħhom wieħed wieħed , x’tip ta’ xogħlijiet jagħmlu u kemm minnhom ġew magħżula wara sejħa għall-applikazzjoni? Jista' jgħid fejn jinsabu l-uffiċini ta’ din is-sezzjoni ġewwa Għawdex? Kemm hemm ippjanati li jiddaħħlu aktar ħaddiema fil-ġimgħat u xhur li ġejjin f’din is-sezzjoni?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għall-mistoqsija parlamentari 14177 .
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġiet tiswa l-attività ta' Gozo Alive li saret matul is-sena 2019? Jista’ jgħid x'tip ta’ tenders jew quotations ħarġu rigward din l-attività, min organizza din l-attività (isem u kunjom l-individwu/kumpanija) kemm tħallsu u fejn ġiet organizzata din l-attività u jekk tħallsitx kera għall-postijiet li ntużaw?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-avveniment ta’ Gozo Alive li sar fis-sena 2019 ġie jiswa s-somma ta’ €385,331.39. Għal din l-attivita’ nħarġu tenders, intalbu kwotazzjonijiet, saru sejħiet lill-Kunsilli Lokali biex jipproponu attivitajiet min-naħa tagħhom u kif ukoll saret sejħa għall-artisti taħt l-iskema Call for Artists. Kien hemm ukoll direct orders f’ċirkostanzi fejn ma setax isir mod ieħor.
Dan l-avveniment ġie organizzat mill-working group li jikkonsisti minn ħaddiema taċ-ċivil fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex kif ukoll oħrajn li huma midħla sew tax-xena kulturali. Il-ħaddiema tal-Gvern minn Skala 7 ’l isfel ġew imħallsa overtime jekk ħadmu wara l-ħin tax-xogħol tagħhom, filwaqt li Clint Bajada u Alfred Zammit tħallsu €3,500 eskluż il-VAT kull wieħed.
Dan l-avveniment ġie organizzat f’numru ta’ postijiet madwar Għawdex u ma kien hemm l-ebda kera involuta peress li l-attivitajiet saru fil-propjetajiet tal-Gvern u l-Gvern lokali.
Jista’ l-Ministru jagħti rendikont dettaljat ta’ dawk id-datasets li kwalunkwe entità fil-Ministeru tiegħu poġġiet fl-inizjattiva ta’ ‘Open Data’?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li hemm diversi datasets li l-Amministrazzjoni Pubblika tipprovdi permezz ta’diversi siti u portali tal-internet.
Madankollu jekk wieħed jimxi fuq id-definizzjoni dejqa tat-terminu “Open Data” jiġifieri li d-datasets ikunu pprovduti bħala “machine-readable” u taħt liċenzja miftuħa (open licence) wieħed jista’ jgħid li s’issa għad m’għandniex dak in-numru li wieħed jistenna.
F’dan il-kuntest biex Malta jkollha pjattaforma soda u numru adegwat ta’ datasets li jkunu jikkwalifikaw bħala “Open Data” tlesta abbozz ta’ avviż legali biex ikun ippubblikat taħt il-Kap. 546 li qed ipoġġi obbligu fuq dawk l-entitajiet kollha li għandhom tali datasets li jirreġistrawhom fuq il-portal nazzjonali tad-data u wara li jiġu kklassifikati. Jekk ikunu jaqgħu taħt il-klassi bħala data mhux sensittiva dawn għandhom ikunu ppubblikati l-ewwel nett fuq il-portal nazzjonali u jekk ikun il-każ fuq portal jew siti oħrajn.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-kumpanija Gozo Channel applikatx biex f'dan il-perjodu tal-imxija tal-Covid-19 ma tħallasx il-kera tat-terminals taċ-Ċirkewwa u l-Imġarr ma' Transport Malta? Jista' jgħid jekk din it-talba jekk saret ġietx milqugħa? Jista jpoġġi kopja tat-talba u tar-risposta ta' Transport Malta? Kemm tħallas kera għat-terminals taċ-Ċirkewwa u l-Imġarr kull xahar il-kumpanija Gozo Channel?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kumpanija Gozo Channel (Operations) Ltd. applikat mal-Ministeru tat-Transport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali biex ma tħallasx il-kera tat-terminals taċ-Ċirkewwa u tal-Imġarr f’April li għadda.
Is-somma li qed titħallas lit-Transport Malta għall-kera tat-terminals tal-Imġarr u taċ-Ċirkewwa, kif ukoll il-mollijiet li jorbtu magħhom il-vapuri hija ta’ €68,750 fix-xahar.
Jista' l-Ministru jgħid meta hu maħsub li jsir ix-xogħol neċessarju fil-Korsa taż-Żwiemel f'Ta Xħajma biex parti minnha tkun tista' tintuża mill-atleti Għawdxin li jipprattikaw f'dan il-post? Jista' jikkonferma li tliet xhur ilu kien wiegħed lil dawn l-atleti li kellu jsir ix-xogħol neċessarju, iżda sal-lum dan baqa' ma sarx?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm maħsub proġett għall-Korsa ta’ Xhajma li se jkun jakkomoda diversi dixxiplini sportivi.
Ministeru għal Għawdex – tenders, direct orders jew quotations għal xogħol ta’ ħadid
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il tender, direct order jew quotation ħarġet minn Marzu 2013 sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari mill-Ministeru għal Għawdex għal xogħol ta' ħadid u xogħol ieħor relatat? Jista' jgħid fejn sar ix-xogħol, min tefa' t-tenders, quotations jew ingħata direct order u l-ammont li swiet kull biċċa xogħol? Jista' jindika min ħa t-tender, quotation jew direct order?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jispeċifika eżatt x’tip ta’ xogħlijiet qed jirreferi għalihom.
Ministeru għal Għawdex – tenders, direct orders jew quotations għal xogħol ta’ injam
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il tender, direct order jew quotation ħarġet minn Marzu 2013 sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari mill-Ministeru għal Għawdex għal xogħol ta' injam? Jista' jgħid fejn sar ix-xogħol, min tefa' t-tenders, quotations jew ingħata direct order u l-ammont li swiet kull biċċa xogħol? Jista' jindika min ħa t-tender, quotation jew direct order?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li, sakemm ma jridx ikun iżjed speċifiku, din it-talba tirrikjedi wisq xogħol u riżorsi.
Jista' l-Ministru jgħid x'miżuri favur l-ambjent ħa l-Ministeru għal Għawdex fl-uffiċini u d-dipartimenti tal-entitajiet kollha li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu f’dawn l-aħħar tliet snin u x'miżuri oħra ambjentali fl-istess uffiċini u dipartiment tal-entitajiet hemm ippjanati li jittieħdu fix-xhur li ġejjin sal-aħħar tas-sena 2020?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li f’Mejju 2017 il-Ministeru għal Għawdex applika għal u ngħata fondi Ewropej biex iwettaq il-proġett hekk imsejjaħ ‘Retrofitting u Upgrading’ taċ-Ċentru Amministrattiv, liema proġett huwa mmirat biex itejjeb l-effiċjenza tal-binja u jissalvagwardja l-ambjent billi jaħli ħafna inqas enerġija. Dan jinkludi żewġ tenders ewlenin li huma CT3072/2018 u CT3234/2018. L-intervent fl-ewwel tender huwa t-tibdil tal-aperturi minn twieqi bi ħġieġ single glazed għal twieqi bi ħġieġ double glazed. Dak fit-tieni tender huwa t-tibdil tas-servizzi mekkaniċi u elettriċi li jinkludu tibdil ta’ split-type air-conditioning units għal sistema ċentralizzata ta’ VRF, installazzjoni ta’ ventilazzjoni mekkanika, introduzzjoni ta’ air-to-water heat pumps, tibdil ta’ dawl għall-LEDs, installazzjoni ta’ Building Management System, installazzjoni ta’ insulazzjoni fuq ġewwa għall-bjut u ħitan esterni, u xogħlijiet ta’ waterproofing fuq il-bjut. Sal-aħħar ta’ din is-sena hu mistenni li jitlesta x-xogħol fuq it-tibdil tal-aperturi, filwaqt li l-waterproofing fuq il-bjut tlesta’.
Fir-rigward tal-Gozo Channel Operations Limited, bħalissa għaddej proċess biex tiġi installata sistema elettrika ġdida li se tkun
eco friendly
. Dan apparti sistema ta’ separazzjoni tal-iskart li ukoll se tkun implimentata.
Ministeru għal Għawdex – tenders, direct orders u quotations għall-manutenzjonijiet
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il tender/direct order/quotation ħarget mit-8 ta' Marzu 2013 sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari mill-Ministeru għal Għawdex għal xogħol ta' air-conditioning u manutenzjoni tagħhom, fejn twaħħlu, min tefa' t-tenders, jekk hux b’quotation jew ingħatat direct order u l-ammont? Jista' jindika min ħa t-tender, u jekk hux b’quotation jew b’direct order?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.