Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid min hu l-aġent li ngħata l-kuntratt pubbliku għax-xiri tal-mediċina Xenidate (il-mediċina methylphenidate slow realease Xenidate)? Jista’ jgħid ukoll meta beda u meta se jiskadi dan il-kuntratt u kemm hu l-valur ta’ dan il-kuntratt?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-aġent huwa P&D. Il-kuntratt beda’ fi Frar tal-2018 u huwa għal sentejn u 6 xhur. Il-valur huwa bbażat fuq il-konsum. L-valur, għad-doża 18mg huwa ta’ massimu ta’ €170,234.40 u għad-doza 36mg huwa €190,209.99.
Persuni li qed jirċievu s-servizz psikjatriku f’pajjiżna
Question
Billi r-Richmond Foundation indikat li hawn mal-150,000 persuna f’Malta li jsofru minn problemi ta’ saħħa mentali, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’jaħseb li hi r-raġuni li bħalissa hawn biss total ta’ 5,690 persuna li qed jirċievu s-servizz tal-Outpatients tal-psikjatrija?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi n-numru msemmi minnu huwa n-numru li qed jieħdu s-servizz fil-preżent u ma jinkludix dawk kollha li xi darba ħadu servizz simili fil-passat.
B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 10346, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jindika jekk il-Gvern għandux is-servizz ta’ respite bħalma għandhom ir-Richmond Foundation sabiex jiġu aktar megħjuna l-familjari ta’ persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern għandu arranġamenti biex jingħata servizz ta' respite minn entitajiet bħal Dar il-Kaptan, sabiex aktar familjari ta' persuni b'nuqqas ta' saħħa mentali jingħataw l-għajnuna meħtieġa.
B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 10350, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jitlob lill-Kummissarju għas-Saħħa Mentali jidentifika x’kienu l-ilmenti u/jew talbiet li jikkonċernaw materji koperti mill-Att dwar is-Saħħa Mentali hekk kif indikati f’din ir-risposta?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi dwar ilmenti u/jew talbiet li rċieva l-Kummissarju tas-Saħħa Mentali dwar materji koperti mill-Att dwar is-Saħħa Mentali, ninsab infurmat li l-kontenut kien jikkonċerna diversità ta’ materji li kienu jinkludu mistoqsijiet dwar kura, is-sehem ta’ għaqdiet volontarji, ir-rilaxx ta’ pazjenti bi problema ta’ abbuż ta’ droga u d-dħul b’mod involontarju f’istituzzjoni ta’ saħħa mentali liċenzjata.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jindika kemm kienet l-ispiża għas-sena l-oħra f’kull Ċentru ta’ Matul il-Jum tal-Persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali? Kif intefqu dawn il-flus allokati?
Response (FEARNE, CHRIS)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tabella t’hawn taħt, ninfurmah ukoll illi dawn il-flus intefqu f’pagi, materjal operattiv, mediċinali, materjal għat-tindif, tiswijiet, trasport, teknoloġija informatika, apparat elettroniku, dawl u ilma kif ukoll f’karti għall-uffiċċji.
Ċentru ta' Matul il-Jum
Nefqa (€) fl-2018
Bormla
58,998
Il-Furjana
48,979
Raħal il-Ġdid
73,091
Ħal Qormi
69,528
Iż-Żejtun
44,106
Ministeru għas-Saħħa — Proġetti mill-Fondi Ewropej
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jindika kif, fejn u kemm intużaw Fondi Ewropej fil-Ministeru tiegħu f’dawn l-aħħar tliet snin u x’kien l-isem ta’ kull proġett?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi f’dawn l-aħħar tliet snin, il-Ministeru għas-Saħħa ibbenefika minn €71,660, 885.66 f’fondi Ewropej minn programmi indikati hawn taħt.
Horizon 2020
Erasmus+
ECDC, EPIET EU track fellowship training
European Regional Development Funds
European Social Funds
Connecting Europe Facility
Asylum and Migration and Integration Funds
Id-Dokument impoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra jagħti d-dettalji dwar 18 il-proġett li ġew iffinanzjati minn dawn il-programmi.
Il- Ministeru tas-Saħħa bbenefika wkoll minn €1,355,157.24 f’fondi Ewropej mill-Health Programme li issa sar ESF+. Il-proġetti li ġew iffinanzjati mill-Health Programme kienu European guide on quality improvement in comprehensive CANCER control,Common action for refugees and other migrants health, Obesity prevention through european network, Strengthening voluntary cooperation between member states to improve the health of EU Citizens, NCAPR, ART and HSC Improvements for quality and safety throughout europe, Support of eHealth NETWORK, Joint action on HIV and Co-Infection prevention and Harm reduction, Joint Action-Nutritional and physical activity, HI Level eHealth conference 2017, Joint Action on Vaccination, Joint Action on Innovative partnership on action against cancer, Joint action on Health Information, Joint action on Preparedness and action at Point of Entry, Joint action on eHealth network, Joint action on authorisation of preparation processes in blood and tissues and cells, European network for HTA Joint Action 3, Joint action Rare Cancer, Doner Selection and Protection, Joinr action on Chronic diseases, Joint action on integration of testing and linkage to care for HIV, Viral Hepatitis, STI’s and TB, Joint Action on Tobacco Control.
Servizzi mogħtija lill-persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jindika kemm huwa n-numru ta’ spezzjonijiet għall-għarrieda li saru fis-servizzi mogħtija fil-qasam tas-saħħa mentali? Fejn saru dawn l-ispezzjonijiet u meta saru f’dawn l-aħħar sentejn? X’kienu r-riżultati ta’ dawn l-ispezzjonijiet?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi matul l-2018 sal-lum saru 23 spezzjoni għal għarrieda mid-Dipartiment għar-Regolamentazzjoni tas-Saħħa. Dawn l-ispezzjonijiet saru fil-faċilità tas-saħħa mentali tal-komunità ta’ Sa Maison, fl-isptar Monte Karmeli, fid-dipartiment psikjatriku tal-isptar Mater Dei, fis-swali Psikjatriċi tal-Isptar Ġenerali ta’ 'Għawdex, fil-KIDS, Villa Chelsea, fil-Hostels ta’ Ħal Qormi, ta’ Raħal Ġdid, Ħ’Attard, Dar Victoria, Dar Imelda kif ukoll f'Dar Kenn Għal Saħħtek.
Fil-każijiet kollha tħejja rapport b’rakkomandazzjonijiet u ntbagħat lill persuna responsabbli. Ir-rakkomandazzjonijiet kienu jinkludu titjib tal-forniment tas-servizz speċjalment fl-amministrazzjoni tal-mediċini kif ukoll biex jitjibu l-kundizzjonijiet tal-għajxien għar-residenti. Dawk ir-rakkomandazzjonijiet li kienu meqjusin bħala kritiċi baqgħu jiġu segwiti b’aktar spezzjonijiet.
Rigward spezzjonijiet mill-Uffiċċju tal-Kummisarju għas-Saħħa Mentali nitolbu jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari numru 10350 ta’ din il-leġiżlatura.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10340, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jżid mad-dokument anness mat-tweġiba għal dik il-mistoqsija, il-lista sħiħa tal-valur ta’ kull kuntratt anness fl-istess skeda u ċjoè l-ammont ta’ flus li qed jitħallsu kull sena, sena b’sena, l-entitajiet hemm imniżżla għas-servizz li joffru?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba minnu hija ta’ natura kummerċjali.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10340, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jżid mad-dokument anness mat-tweġiba għal dik il-mistoqsija, il-lista sħiħa tal-kumpanija u/jew individwi li ngħataw dawn il-kuntratti għal servizzi?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kumpaniji li taw servizzi li qiegħed jistaqsi dwarhom hu huma: Philip Toledo Limited, ACS, MAK Systems, MITA, Ergon, Mall Systems Ltd, Data Access Worldwide, DXC Ltd, GE, 2i Ltd, Exigy Ltd, Auxilium Ltd, Gnomon Informatics S.A, Galley’s, Elsevier, ICON, Traccia, Technoline, Vodafone Malta Ltd, MDT Global Solutions, Computime, Siveco Romania SA, Seasus, Smart Technologies, Robusta Solution, AM Mangion, Micromedex- Truven Health Analytics, PTL Ltd, Pharmaceutical Affairs, Cursor ltd, Everbridge, Global Entserv Solutions Ireland, Associated Equipment, SG Solutions Limited, ICT Solutions, GPI S.p.a, Logikview Analytics Limited, Eventi, Stormnet Media Ltd, Agilis, Ascent, ASCOM, Dakar, Sight Technologies, SNOMED, Webcraft, Megabyte Limited, Anova Technologies, LOQUS, Phoenix IT, Marand d.o.o, Seasus, Curvature, Robusta Solution, 4s Dawn TrioMed u Sectra.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm kien hemm persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali li għamlu użu mis-servizz tas-respite mogħti:
a. mir-Richmond Foundation; u
b. mill-Gvern;
f’dawn l-aħħar tliet snin, sabiex jiġu megħjuna l-familjari ta’ dawn il-persuni? Hemm xi lista ta’ stennija għal dan is-servizz?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi mill-2016 sal-2018 n-numru ta’ persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali u li għamlu użu mis-servizz tar-respite sabiex jiġu mgħejjuna l-familjari ta’dawn il-persuni mogħti mir-Richmond Foundation kien ta’ 9. Għal dawn is-servizz hemm 3 persuni fuq il-lista ta’ stennija.
B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 12334 tat-12-il Leġiżlatura, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jindika kemm huwa n-numru ta’ pazjenti minn kull lokalità ta’ Malta u Għawdex li qed jirċievu s-servizz bħala psychiatric outpatients fil-preżent?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra n-numru ta’ pazjenti minn kull lokalita’ ta’ Malta u Għawdex li qed jirċievu s-servizz bħala psychiatric outpatients fil-preżent.
Iż-Żejtun — Servizzi mogħtija fiċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum
Question
B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 5840, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jindika fid-dettall l-attivitajiet fi gruppi li ngħataw lil madwar 33 persuna li kull ġimgħa attendew fiċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum taż-Żejtun matul din is-sena? Fiex kienu jikkonsistu dawn l-attivitajiet fi gruppi u meta twettqu?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-gruppi huma biss parti żgħira mill-pjan ta’ rijabilitazzjoni. Il-gruppi huma dwar tisjir, proġetti kreattivi, u eżerċizzju fiżiku. Apparti l-gruppi msemmija, ikun hemm ukoll gruppi ta’ ħruġ fejn il-persuni jiġu mħarrġa kif jużaw it-trasport pubbliku, mġieba fi stabbilimenti ta’divertiment, għażla ta’ divertiment adattat skont id-dħul finanzjarju, eċċ. Isiru wkoll proġetti f’kollaborazzjoni ma’ entitajiet diversi skont il-pjan ta’ rijabilitazzjoni speċifiku għal kull individwu.
B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 6283, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm huwa n-numru ta’ ilmenti li rċieva l-Kummissarju għas-Saħħa Mentali matul dawn l-aħħar tliet snin? Fuqiex kienu jikkonsistu dawn l-ilmenti u għal liema servizzi ġew indirizzati dawn l-ilmenti?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ lmenti formali li rċieva il-Kummissarju għas-Saħħa Mentali kien dsatax fl-2016, sittax fl-2017 u tnax fl-2018. L-Uffiċċju tal-Kummissarju jirċievi wkoll medja ta’ bejn għaxar u tnax il-talba oħra fil-ġimgħa għall-assistenza u/jew informazzjoni, il-maġġor parti tagħhom b’mod telefoniku.
Il-kontenut ta’ dawn l-ilmenti u/jew talbiet jikkonċerna materji koperti mill-Att dwar is-Saħħa Mentali.
Sptar Mater Dei u Sptarijiet privati – sperm u ovum donation
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm-il darba ntużat sperm donation jew ovum donation fit-teknoloġija avvanzata tar-riproduzzjoni kemm fl-Isptar Mater Dei kif ukoll fi sptarijiet privati, minn mindu ġiet emendata l-liġi sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li sa issa għadhom ma sarux interventi b' third party donation.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jindika fid-dettall l-għajnuna li qed jingħataw f’din il-Leġiżlatura lill-familjari ta’ persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali? Saru xi laqgħat ma’ dawn il-qraba/carers, u jekk iva, meta saru dawn il-laqgħat?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi qegħda tingħata għajnuna lill-familjari ta’ persuni b’nuqqas ta’ Saħħa Mentali b’permezz ta’sapport grupp jismu Reaching Out.
Dan is-support group twaqqaf bil-għan li joffri support lill-familjari ta’ persuni b’nuqqas ta’ Saħħa Mentali kemm dawk li qegħdin jiġu rikoverati ġewwa l-isptar Monte Karmeli u kif ukoll oħrajn li qegħdin jieħdu xi servizz fil-komunita’. Waqt dawn il-laqgħat il-professjonisti jitkellmu mal-familjari fuq diversi suġġetti bħal Stigma, kif wieħed għandu jġib ruħu ma persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali, x’wieħed jistenna waqt il-proċess ta’ recovery, kundizzjonijiet ta’ Saħħa Mentali inġenerali, kif wieħed jieħu ħsieb tiegħu innifsu (self care), informazzjoni dwar il-mediċini u l-effett tagħhom, tagħrif dwar NGOs li jaħdmu ma familjari ta’ persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali, coping skills li l-familjari għandhom b¿onn biex jgħinuhom fil-ħajja ta’ kuljum waqt li qegħdin jgħixu ma persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali u kif wieħed għandu jaġixxi wara li jkun ingħata id-dijanjo¿i li xi qarib tagħhom qiegħed ibati minn xi nuqqas ta’ saħħa mentali.
Dawn il-laqgħat ta’ għajnuna jiġu offruti ġewwa ċ-Ċentru Tommaso Chetcuti fl-isptar Monte Karmeli u saru f’dawn id dati:
· 21/4/18
· 26/5/18
· 30/6/18
· 8/9/18
· 28/10/18
· 17/11/18
· 26/01/19
· 10/02/19
· 17/03/19
Il-laqgħa li jmiss ippjanata għall-aħħar ta’ Ġunju. L-attendenza kienet dejjem inkoraġġanti. Il-professjonisti dejjem jistaqsu lill-familjari dwar x’suġġett li jixtiequ li jiġi diskuss.
Barra mir-Reaching Out service baqa’ jiġi offrut ukoll l-Acute Response Team Service, b'kollaborazzjoni mal-Counselling Department tal-Universita’ ta’ Malta.
L-Acute Response Team (ART) ġie varat fi Frar tal-2017 bl-għan li joffri sostenn emozzjonali u psikoloġiku (counselling service) lill-qraba u carers ta' persuni li jbatu bi problemi ta' saħħa mentali.
Għas-servizz ART minn Jannar sa Diċembru tal-2018 saru 289 sessjonijiet ma 32 familji/qraba kif ukoll 234 sessjoni li kienu ta' family therapy.
Minn Jannar sa Mejju tal-2019 saru 164 sessjonijiet ma 31 familji/qraba kif ukoll 69 sessjoni li kienu ta' family therapy.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’miżuri ta’ governanza tajba jieħu fil-Ministeru tiegħu sabiex jiżgura li l-ebda impjegat b’mod partikolari fis-Segretarjat tiegħu, iżda anke fil-ministeru tiegħu, ma jkollu kunflitt ta’ interess fis-sens li waqt li jaħdem fil-Ministeru, ikollu wkoll interess dirett jew indirett f’entità kummerċjali li jkollha kuntratt ta’ servizzi mal-istess ministeru?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għas-Saħħa hu ggwidat mill-policies relatati u mir-regoli tal-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku, kif ukoll mid-Direttivi Numru 7, 9 u 10 taħt il-provedimenti tal-Att Dwar l-Amministrazzjoni Pubblika (KAP 497), skont kif applikabbli.
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid min huma d-diretturi, azzjonisti (shareholders) u l-ultimate beneficial owners (UBOs) tal-kumpanija li hija rreġistrata f'Dubai u li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?
Response (FEARNE, CHRIS)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari numru 10153.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 10190 u 9720 u ċjoè: Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jagħti lista ta’ kuntratt ta’ servizzi ta’ IT, inkluż manutenzjoni, bħalissa viġenti, fil-Ministeru tiegħu kif ukoll fl-entitajiet pubbliċi kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu mill-2013 sad-data ta’ din il-mistoqsija, flimkien ma' dettalji f’kull każ ta’ min huma l-entitajiet jew persuni fiżiċi u/jew legali li joffri dan is-servizz, id-data tal-bidu u t-tmiem tal-kuntratt viġenti u kemm qed jitħallsu kull sena, sena b’sena, għas-servizz li joffru?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra l-informazzjoni mitluba minnu.
Ministeru għas-Saħħa – ħaddiema li għandhom interess f’soċjetà kummerċjali
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10188, filwaqt li nispeċifika li mhux qed nirreferi għal xi persuna/persuni partikolari, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, jgħid jekk hemmx persuni li jaħdmu fil-Ministeru tiegħu li għandhom, fl-istess ħin, interess dirett jew indirett f’xi soċjetà kummerċjali li tagħti servizzi lill-istess ministeru permezz ta’ kuntratt ta’ servizzi ta’ kwalunkwè natura?
Response (FEARNE, CHRIS)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari numru 10188.
Ministeru għas-Saħħa – ħaddiema li għandhom interess f’soċjetà kummerċjali
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10188, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk il-Ministeru li hu responsabbli għalih hu jagħmilx eżerċizzju ta' skrutinju tal-possibilità ta’ kunflitt ta’ interessi li jista’ jinħoloq fis-sens li jista’ jkun hemm uffiċjali fil-ministeru tiegħu li fl-istess ħin ikollhom interess f’xi entità kummerċjali li tkun qed tipprovdi servizz lill-istess ministeru?
Response (FEARNE, CHRIS)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari numru 10188.