Jista' l-Ministru jgħid għala r-riċevituri tal-lottu qed jinżammu fl-għama dwar x'qed jiġi pjanat fir-riforma peress li r-riċevituri tal-lotto huma l-aktar li se jiġu milquta? Jista' jgħid min se jkunu dawk li se jkunu qed ibigħu l-isports Betting Keno eċċ.? Jaf il-Ministru li hemm ħafna riċevituri tal-lottu li investew bil-kbir sabiex jiftħu ħwienet ġodda u issa qed jitħallew fl-għama? Għaliex il-gvern ma kkonsultax ma' dawn ir-riċevituri dwar ir-Request for Proposal u għaliex qed jipprovaw iżommu kollox sigriet u saħansitra infurzaw ftehim ta' kunfidenzjalità għal min jieħu l-Request for Proposal? Hemm xi interess ta' xi ħadd x'jipproteġu?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat li qabel ma nħarġet ir-request for proposal għall-konċessjonijiet għad-drittijiet tal-Lotterija Nazzjonali, saru diskussjonijiet ma’ kull min kien interessat u dawn inkludew ukoll ir-regolamenti tar-riċevituri tal-lottu tramite il-Lotto Receivers Union u l-UĦM. Filwaqt li l-gvern jagħmel minn kollox sabiex jagħti l-aħjar opportunitajiet lil kull min jaħdem f’dan is-settur, wieħed irid jifhem li l-konċessjoni dejjem hija għal terminu definit.
Kif jaf tajjeb l-Onorevoli Interpellant, kull tender ikun marbut bi ftehim ta’ kunfidenzjalità u kull min ikollu x’jaqsam ma’ xi
tender
, huwa fid-dover li jżomm din il-kunfidenzjalità. Dan isir sabiex ma jkunx hemm spekulazzjoni żejda waqt il-proċess. Din it-tip ta’ serjetà biss tiggarantixxi li ħadd ma jieħu xi tip ta’ vantaġġ fuq ħaddieħor u mhux kif ipprova jallega l-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Ministru jindika x'beħsiebu jagħmel bl-art li sa ftit snin ilu kienet tilqa' fiha l-Marsa Shipbuilding? Mill-privatizzazzjoni tad-Drydocks ta' Bormla sal-lum, kemm-il parti jew biċċa jew biċċiet tal-medda tal-ex Marsa Shipbuilding inkriet jew inkrew lil terzi? Għal kemm żmien u b'liema prezz? Lil min?
Fiex qed tintuża l-ex Marsa Shipbuilding illum? X'makkinarju fadal fuq is-sit tal-ex Marsa Shipbuilding u kemm hu stmat illi jiswa? X'se jsir minn dan il-makkinarju? Qed issir manutenzjoni biex dan il-makkinarju jibqa' f'kundizzjoni tajba? Għaliex ftit tal-ġimgħat ilu ngħatat ordni biex il-baċir (l-uniku baċir) li hemm fl-ex Marsa Shipbuilding jerġa' jimtela' bl-ilma? Kemm sewa l-proċess biex il-baċir jerġa' jimtela' bl-ilma? X'użu sar minn dan il-baċir hekk mimli bl-ilma? Għaliex sal-lum il-baċir għadu mimli bl-ilma?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat li minn mindu waqa’ l-proċess ta’ privatizzazzjoni tas-sit tal-ex Malta Shipbuilding fil-Marsa, din l-art waqgħet taħt ir-responsabbiltà tal-Government Property Department fi ħdan il-Ministeru tal-Finanzi.
Matul dawn l-aħħar xhur il-Government Property Departmen
t
laqa’ talbiet għal xi kirjiet ta’ żmien qasir għal skopijiet speċifiċi, uħud minnhom biex anke jaqdu esiġenzi fejn kien involut il-Gvern innifsu. Fosthom inkriet parti mis-sit lill-kumpanija Arriva sabiex jinżammu l-karozzi l-ġodda sakemm dawn ħargu għas-servizz tat-trasport pubbliku. Dan sar fi żmien meta Arriva kienet għadha qiegħda tagħmel arranġamenti sabiex jinstab post adekwat għal-magazzinaġġ ta’ dawn il-karozzi ġodda. Il-kirja għal perjodu ta’ xahrejn kienet ta’ €13,680 maħduma fuq l-art okkupata.
Parti oħra mis-sit ġiet mikrija lill-Awtorità Transport Malta sabiex jinżammu l-karozzi tal-linja l-qodma wara li dawn inġabbru mingħand is-sidien tagħhom. Din il-kirja għal tliet xhur laħqet is-somma ta’ €13,500 u kienet ukoll maħduma fuq l-art okkupata matul dan il-perjodu, fejn numru ta’ vetturi reġgħu ħarġu mis-sit għal destinazzjonijiet oħra, oħrajn għaddew biex jigu preservati minn Heritage Malta, kif ukoll oħrajn ser jgħaddu għand il-kumpanija Arriva.
Ftit tal-ġimgħat ilu parti ohra mis-sit tal-Marsa giet mikrija lil korporazzjoni Grand Harbour Regeneration Corporation (GHRC) biex isir xogħol relatat mal-proġett ta’ bieb il-Belt. Il-kirja għal dan l-iskop laħqet €36,000 u x-xogħol fuq is-sit mistenni li ma jdumx aktar minn tmintax il-xahar.
Barra minn hekk, il-Government Property Department iddelegat il-management tal-mollijiet madwar is-sit tal-ex-Malta Shipbuilding lill-kumpanija Ricasoli Tank Cleaning Ltd, li hija kumpanija tal-Gvern li twaqqfet wara l-privatizzazzjoni tat-Tarzna sabiex topera, f’isem il-gvern, is-
slop reception facility
li tinsab fir-Ricasoli. Minħabba li parti mill-istaff ta’ din il-kumpanija ukoll jaħdem minn uffiċċju żgħir fuq dan is-sit tal-Marsa, il-kumpanija ingħatat ukoll ir-responsabbiltà li tamministra l-użu ta’ dawn il-mollijiet f’isem il-gvern. L-iskop aħħari huwa li jsir l-aħjar uzu minn dawn il-mollijiet fuq bażi kummerċjali sakemm ikun hemm pjanijiet aktar ċari dwar x’se jsir minn dan is-sit.
Il-makkinarju primarju li kien jinsab fil-Malta Shipbuilding tħalla fuq l-istess sit. Huwa diffiċli li wieħed jagħti valur lil dan il-makkinarju fiċ-ċirkostanzi tal-lum u wieħed irid jirrikorri għal pariri professjonali qabel ma jsemmi xi figura. Il-makkinarju tħalla fil-kundizzjoni li kien meta l-aħħar tħaddem mit-Tarzna u fuqu mhix issir manutenzjoni. M’huwiex ċar x’se jsir minn dan il-makkinarju fil-futur, jiġifieri jekk hux se jinbiegħ jew jerġax jintuża f’xoghol ta’ kostruzzjoni tal-azzar.
Huwa minnu li ftit tal-gimgħat ilu il-bacir tal-ex Malta Shipbuilding ġie mimli bl-ilma. Dan kien neċessarju bħala soluzzjoni biex ikun jista’ jiġi akkomodat oil rig li bħalissa jinsab irmiġġjat ma’ wiehed mill-mollijiet tal-ex Malta Shipbuilding. Dan għaliex mal-moll fejn seta’ jorbot dan ir-rig, kien hemm żewg vapuri oħra li kien tinħtieg li jinstabilhom post alternattiv biex ir-rig ikun jista’ jorbot mal-istess moll. Minħabba nuqqas ta’ spazju fil-port, ġie deċiż li dawn il-vapuri setgħu jiġi rmiġġjati fil-bacir tal-Marsa. Il-baċir tal-ex Malta Shipbuilding joffri post ta’ rmiġġ addizzjonali ta’ 290 metru fuq kull naha, jiġifieri total ta’ 580 metru. Għalkemm ir-rig ittardja ma wasal Malta u l-vapuri msemmija laħqu telqu minn Malta qabel ma wasal ir-rig, u għalhekk qatt ma daħlu fil-baċir tal-Marsa, issa li saru l-preparamenti kollha biex vapuri jkunu jistgħu jiġu rmiġġjati fil-baċir, dan tħalla mimli bl-ilma sabiex ikun jista’ jaqdi l-esiġenzi tas-suq tal-vapuri li sikwiet jitolbu postijiet għall-irmiġġ fil-port il-kbir. Rigward spejjez biex jimtela l-baċir, dawn kienu minimi u r-riżorsi meħtiega biex isir dan ix-xoghol kienu wkoll mill-inqas. Ix-xogħol kollu relatat ma’ din l-operazzjoni ma qabiżx l-€2,000.
Qasam Industrija tax-Xewkija — ismijiet tal-kumpaniji li joperaw
Question
Jista' l-Ministru jagħti l-ismijiet tal-kumpaniji li hemm joperaw fil-qasam industrijali tax-Xewkija? Jista' jgħid x'inhu l-ġeneru tal-operat tagħhom? Jista' jgħid meta bdew joperaw f'dan il-qasam industrijali?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi fil-Qasam Industrijali tax-Xewkija hemm 33 kumpanija joperaw. Id-dettalji mitluba jinsabu fil-kuntratti kummerċjali li jsiru individwalment mal-kumpaniji u għalhekk mhux prudenti li jingħataw mingħajr il-permess tal-parti l-oħra tal-kuntratt.
Delimara Power Station — implikazzjonijiet finanzjarji
Question
Jista' l-Ministru kif il-Korporazzjoni Enemalta qabbdet lill-KPMG biex tistudja l-implikazzjonijiet finanzjarji tal-estensjoni tal-powerstation f'Delimara jekk taħdimx bil-HFO jew bid-diesel? Dan sar b'direct order jew b'tender? F'kull każ, kemm ġie jiswa l-istudju? Meta ntgħażlet il-KPMG ġie kkunsidrat il-fatt li din id-ditta hija l-awditur tal-BWSC ukoll? Meta ħadet dawn id-deċiżjonijiet il-Korporazzjoni Enemalta rat jekk marritx kontra r-rakkmandazzjonijiet tal-Awditur Ġenerali fiż-żewġ rapporti li għamel fuq il-kuntratt lill-BWSC tal-estensjoni tal-power station ta' Delimara?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-KPMG huma l-Awdituri tal-BWSC f’Malta. Il-Kumpanija KPMG hija fost l-aqwa erba’ kumpaniji ta’ awdituri fid-dinja u għalhekk m’hijiex xi ħaġa straordinarja li kumpanija bħal din tingħata xogħol minn diversi klijenti, ovjament dejjem taħt il-proviso ta’ kunfidenzjalita.
Il-Kumpanija KPMG ġiet magħżula għal dan l-istudju minnħabba l-esperjenza twila tagħhom mall-Korporazzjoni, fosthom studji fuq it-tariffi li wara ikunu suġġetti għal Audit mill-MRA. Ma kien hemm l-ebda oġġezzjoni minn naħa tal-Awditur Ġenerali biex il-Korporazzjoni Enemalta ma tagħmilx uzu minn din il-kumpanija. Huwa irrakomanda li ma tingħatax direct order fejn l-ammont ikun sostanzjali u f’dan l-ezerċizzju ma kienx il-każ. Dan l-istudju ġie jiswa € 4,900.00 eskluż VAT.
Jista’ l-Ministru jagħti lista tal-artijiet li għaddew mingħand id-Dipartiment tal-Artijiet għal għand individwi fl-aħħar erba’ snin fl-inħawi tal-Gudja, Ħal Għaxaq, Ħal Tarxien, Santa Luċija, u Raħal Ġdid? F’każ li dawn ingħataw wara sejħa pubblika, jista' jagħti dettalji ta' meta saret is-sejħa? Kemm kien hemm offerti u meta ttieħdu d-deċiżjonijiet finali?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.
Peress li hemm allegazzjonijiet li qed jinbiegħ xi light heating oil minn Ras Ħanżir, jista' l-Ministru jinvestiga dan il-każ sabiex jiġi determinat jekk dan huwiex isir b'mod illegali?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat li l-bejgħ tal-light heating oil ilu li spiċċa mill-2009. Minfloku beda jinbiegħ il-heating gas oil. Dan il-bejgħ isir mill-istallazzjoni ta’ Ras Ħanżir u jsir kollu taħt is-superviżjoni tal-uffiċjali tad-dwana. Għalhekk mhux mifhum kif dan il-bejgħ jista’ jitqies li hu illegali.
Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — kiri ta' vetturi
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm inkrew vetturi mill-bidu tas-sena 2008 sa Novembru tas-sena 2011għall-użu tal-Ministeru, dekasteri u entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbilità tiegħu?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Parlament liema huma l-films li se jinħadmu f'Malta fil-futur immedjat u liema huma dawk il-films li qed isiru l-aħħar diskussjonijiet biex jibdew jinħadmu f'Malta b'mod imminenti? Min huma d-djar tal-produzzjonijiet relattivi u x'budget hemm attached ma' dawn il-films?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi hemm diversi produzzjonijiet, uħud minnhom anke għal matul l-2014, li għamlu kuntatt jew li magħhom il-Kummissjoni diġà għamlet xi xogħol. Dawn il-produzzjonijiet ġejjin minn diversi pajjiżi fosthom Franza, Italja, Ingilterra, Olanda u l-Amerika. Il-produzzjonijiet jinkludu uħud relatati ma’ stejjer storiċi bbażati f’Malta, drammi, kif ukoll series Amerikani għat-televizjoni. Għal raġunijiet kummerċjali, l-kummissjoni ma tistax issemmi ismijiet jew budgets qabel ma dawn jibdew shooting f’Malta.
Jista' l-Ministru jara li l-helpline 188 tkun manned minn persuni aġġornati dwar it-tibdiliet li jkun qed jintroduċi l-Gvern għaliex f’temp ta’ ftit jiem mill- budget 'il hawn waslu rapporti li :
a) persuna li għamlet
enquiry
dwar is-sistema il-ġdida proposta dwar taxxa qalulha li fil-każ tagħha d-DSS jiddeċiedu;
b) filwaqt li f’każ ieħor minkejja li l-Gvern ħabbar li se jneħħi l-liċenzja fuq it-TVs, billi kien hemm għadd ta’ nies li rċevew kont għall-ħlas tal-liċenzja sa tmiem is-sena d-dieħla, minflok ma qalulha li dawn inħarġu bi żball u jew li wieħed ikun mistenni jħallas pro rata, qalulha li l-instructions li għandhom huma biex jgħidu lill-pubbliku li jridu jħallsu l-kontijiet kollha li joħorġu?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat li l-persuna li pprovda s-servizz tal-188 ingħata taħriġ dettaljat. Fejn irriżulta li kien hemm mistoqsijiet ta’ natura personali, ngħataw parir sabiex isir kuntatt mad-dipartiment konċernat. Dwar il-liċenzja tat-televiżjoni, huwa minnu li l-kontijiet għal perjodu ta’ sena li jinħarġu sa tmiem l-2011 għandhom jitħallsu. Mhux se jinħarġu renewals ġodda fl-2012.
esproprijazzjoni b’xiri assolut tal-art f'Birkirkara/San Ġwann
Question
Jista' l-Ministru jispeċifika x’kien l-iskop pubbliku skont id-dispożizzjonijiet tal-Ordinanza dwar l-Akkwist ta’Artijiet għal skopijiet pubbliċi (Kap 88) wara l-esproprijazzjoni b’xiri assolut tal-art f'Birkirkara/San Ġwann tal-kejl ta’ madwar 9,295 metru kwadru, li tmiss mil-Lbiċ u mill-Grigal ma' triq pubblika mill-Majjistral ma' proprjetà tal-Kapitolu tal-Katidral tal-Imdina jew irjieħ veruri li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, kif dikjarata mill-President ta’ Malta fit-8 ta’ Gunju 1990, li ġiet pubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern numru 18,809? Kemm swiet l-ispiża globali?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat li l-art f’Birkirkara/San Ġwann tal-kejl ta’ madwar 9,295 metru kwadru li ġiet esproprijata permezz ta’ Dikjarazzjoni tal-President tat-8 ta’ Ġunju, 1990, reċentement ġiet akkwistata mill-gvern fuq talba tal-Malta Industrial Parks permezz tad-Dikjarazzjoni tal-President tat-22 ta’ Settembru, 2011, biex tkun tista’ ssir l-estenzjoni tal-fabbrika tal-Foster Clarks. L-ammont ta’ kumpens li se jiġi offrut lis-sidien, ibbażat fuq stima ta’ l-art li għamel id-dipartiment, huwa ta’ €1.2 miljun. Madankollu s-sidien ikollhom id-dritt li jikkontestaw din l-offerta quddiem il-Bord tal-Arbitraġġ dwar l-Artijiet.
Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' għajnuna hemm mill-gvern u mill-banek għal min jiftaħ xi negozju żgħir?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi hemm diversi tipi ta għajnuniet għal min jiftaħ negozju żgħir.
Il-gvern permezz tal-Malta Enterprise, entitajiet oħrajn u l-banek kummerċjali joffri:
ERDF Small start-up
.
Skema ko-finanzjata mil-UE għal negozji li jimpjegaw sa 50 persuna. Din l-iskema kompetittiva ser terġa tkun miftuħa fi Frar 2012. Mit-tlett sejħiet li infetħu s’issa ibbenefikaw 32 negozju għall-valur ta’ assistenza ta’ €2 miljun. Din l-iskema tikkofinanzja spejjeż ta’ pagi, dawl, ilma u kerha għall-makkinarju.
Innovative Start-up Scheme.
Skema immaniġjata mill-Malta Enterprise u finanzjata minn fondi lokali għal negozji bi prodott innovattiv. Sal-lum taħt din l-iskema ġew assisti 37 kumpanija għal valur totali ta’ €273,576. Taħt din l-iskema, kumpaniji li huma eliġibbli u li jikkwalifikaw jistgħu anka jagħmlu użu mil-faċilita tal-Kordin Business Incubation Centre.
Investments Tax Credits
Skema oħra imħaddma mill-Malta Enterprise għal investimenti minn negozji li joperaw fis-setturi definiti fil-linji gwida tal-inċentiv. Taħt dan l-inċentiv, il-Gvern jagħti assistenza li tammonta għall-medja ta’ 15 –il miljun ewro fis-sena. Is-sena l-oħra dan l-ammont telgħa għal 24 miljun ewro.
Business Advisory services
Il-Malta Enterprise toffri ukoll skema li tipprovdi konsulenza sussidjata għal min jixtieq jiftaħ negozju (fost servizzi oħra). Taħt din l-iskema il-Malta Enterprise tagħti numru ta’ siegħat f’konsulenza b’xejn f’oqsma varji skont il-bżonnijiet tal-kumpanija fi kwalinke stadju li tinsab fih, bħal konsulenza biex tiftaħ negozju, konsum enerġija, riċerka u żvilupp, internazzjonalizzazzjoni u oħrajn. Sal-lum ibbenefikaw 524 kumpanija għal total ta’ €337,511.
Microinvest
Għat-tielet sena, il-Malta Enterprise ser terġa tkun qed tħaddem l-iSkema ta krediti fuq taxxa għal investimenti minn negozji li jimpjegaw sa anqas minn 10 persuni fuq spejjeż li jikkonċernaw il-binja tan-negozju, makkinarju, teknoloġiji għal użu ta’ enerġija aqwa, investimenti biex il-kumpanija issir konformi, u pagi. Sal-lum il-Malta Enterprise irċeviet 728 applikazzjoni li minnhom ġew proċessati 619. Sal-lum inħargu 540 ċertifikat b’total ta €
3.7 miljun f’tax credits.
L-investiment totali li ġie irreġistrat minn dawn il-kumpanijji permezz ta din l-iskema ilaħħaq l- €14 miljun u hu stmat li inħolqu madwar 211 post ta impjieg ġdid.
Business First
Fit-23 ta’ Jannar 2012 il-Malta Enterprise, ġewwa l-uffiċċini l-ġodda tagħha fi Gwardamanġia, ser tiftaħ l-uffiċċju
Business First
, fejn fost servizzi oħra, persuni li ser jiftħu negozju ġdid, jistgħu jagħmlu ir-reġistrazzjonijiet neċessarji għall-ftuh ta’ negozju, kif ukoll jinqdew minn numru ta’ servizzi relatati minn post wieħed. Informazzjoni dwar liema servizzi ser joffri Business First tista’ tinkiseb mis-sit
http://www.businessfirst.com.mt/
BOV Jeremie financial package for SME’s including microenterprise
Skema iffinanzjata mil-UE u l-Gvern Malti, u mħaddma mil-Bank of Valletta. Din l-iskema, magħrufa aħjar bħala l-
microcredit
, tagħti assistenza finanzjarja lil kumpanijji li jħaddmu sa 250 persuna. Sal- lum ġa ġew approvati 141 talba, minn sidien ta’ negozji zgħar u medji, li bejniethom qed jinvestu l-fuq minn €20 miljun.
Microguarantee scheme
Mis-sena id-dieħla il-Gvern ser jagħmel tajjeb hu, b’ €20 miljun f’garanziji, fejn ser ikopri 90% tas-self kollu li jingħata lil intrapriżi li jħaddmu inqas minn 20 persuna. B’hekk ser ikunu qed jiġu inċentivati impredituri zgħar sabiex ma jaqtgħux qalbhom u b’din l-ghajnuna jagħmlu kuraġġ jieħdu l-ewwel pass biex jidħlu fid-dinja tan-negozju.
Barra minn dan kollu , jeżistu ħafna aktar skemi u għajnuniet li qed jiġu offruti minn entitajiet oħra , li jaqgħu taħt ir-responsabilità ta’ Ministeri diversi. Għaldaqstant sabiex tkun tista tinġabar din l-informazzjoni, din il-mistoqsija jkun jeħtieġ li tiġi indirizzata lill-Ministeri konċernati.
Jista' l-Ministru jispjega kif se titħaddem il-miżura mħabbra fil-Budget għas-sena d-dieħla peress li meta n-nies qed jistaqsu fuq il-help line 188, dawk li jirrispondu għadhom ma jafux x'se jsir? Jista' jispjega ukoll kif se ssir ir-rifużjoni għal dawk li diġà ħallsu din is-sena u li l-pagament li għamlu jkopri perjodi tas-sena 2012?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mgħotija għall-mistoqsija parlamentari numru 30936.
Jista' l-Ministru jagħti lista u dettalji (inkluż min ġie awarded kull kuntratt) tal-kuntratti u tenders kollha li ġew approvati u mogħtija li jaqbżu l-€5 miljun din is-sena 2011?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
interconnector li se jgħaqqad lil Malta mal-Ewropa
Question
Jista' l-Ministru jagħti r-raġuni għaliex l-interconnector li se jgħaqqad lil Malta mal-grid tal-elettriku Ewropew se jgħaddi AC (alternating current) minflok elettriku DC (direct current) kif normalment ikunu interconnectors tat-tip li se jkun stallat? Jista' jgħid min ta l-parir lill-Korporazzjoni Enemalta jew lill-gvern sabiex l-interconnector bejn Malta u Sqallija jkun AC?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat li t-teknoloġija tal-interconnector HVAC ġiet magħżula wara studju dettaljat li saru mill-Kumpanija Enemalta. L-istudju wera li l-link modern tal-HVAC se jirriżulta f’operazzjoni iktar flessibbli u f’inqas spejjeż.
Għawdex — Xewkija - sit tal-Barmil - Public Private Partnership - spazju industrijali
Question
B’referenza għat-tweġiba mogħtija għal mistoqsija parlamentari 12744, jista' l-Ministru jgħid meta ħarġet is-sejħa pubblika għall-iżvilupp
permezz ta’ Public Private Partnership tas-sit magħruf bħala tal-Barmil fix-Xewkija Għawdex biex taqdi d-domanda għal spazju industrijali sabiex
talloka l-attivitajiet tas-setturi tradizzjonali tal-manifattura f’Għawdex? Jista jpoġġi kopja ta’ din-sejħa fuq il-Mejda tal-Kamra? Jekk ma ħarġitx,
għaliex? Meta mistennija toħroġ?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi saru xi tibdiliet fil-proġett tal-Barmil ġewwa x-Xewkija, Għawdex, biex jagħmel l-aħjar użu mill-baġit allokat. Għaldaqstant, is-sejħa għall-offerti Design, Build and Operate hija ppjanata li toħroġ fil-bidu tal-2012.
WSC — Customter Charter - stallazzjoni tas-servizzi tal-ilma
Question
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-Customer Charter tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma? Jista' jagħti tagħrif għal dak li jirrigwardja stallazzjoni ta' servizzi tal-ilma, jekk kienx hemm każijiet fejn is-servizz ma ġiex stallat għand l-applikant, fil-perjodu stabbilit fl-istess charter?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Customer Charter tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma daħal fis-seħħ f’Lulju ta’ din is-sena. Kopja ta’ dan iċ-charter qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Minn Ġunju sal-aħħar ta’ Novembru 2011 kien hemm 1024 applikazzjoni għal servizz ġdid tal-ilma, li minnhom 371 damu aktar mit-30 jum speċifikati fl-istess Customer Charter.
Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma — ftehim mal-kunsill lokali
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta’ ftehim għandha l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma mal-kunsilli lokali rigward reinstatement b’hot asphalt ta’ trinek li jkunu saru mill-korporazzjoni jew kuntratturi mqabbda minnha għal tiswijiet ta' servizzi jew xi xogħol ieħor relatat? Jista' l-Ministru jgħid jekk il-ftehim hux ma' kunsilli lokali indipendenti jew inkella jekk hux mal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali direttament? Jista' jgħid minn meta beda jiffunzjona dan il-ftehim u kemm għaddiet fondi lill-kunsilli lokali l-korporazzjoni permezz ta' dan il-ftehim? Jista' l-Ministru jagħti l-ammonti ta' fondi sena b’sena?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għandha 6 talbiet għall-clearance pendenti rigward xogħlijiet ta’ kostruzzjoni jew resurfacing ta’ toroq residenzjali. Dawn huma:
Lokalità Numru ta’ talbiet pendenti
San Gwann 1
Pembroke 1
Kalkara 2
Żabbar 1
Dingli 1
Jista' l-Ministru jgħid kemm swiet lill-Malta Enterprise, il-ħidma biex l-uffiċċini tal-Malta Enterprise jiġu trasferiti minn San Ġwann għal fejn kien l-Isptar San Luqa fi Gwardamanġa? Jista' jagħti breakdown tas-somma totali?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 30390.