Legislature:
Category:
Reset
Active:

Xiri ta' items jew educational tools minn studenti fi skejjel ta' edukazzjoni bla ħlas

Question

Tista’ l-Ministru tindika x'inhuma l-items jew educational tools li l-istudenti fi skola primarja jkunu kostretti li jixtru għax mhumiex available taħt is-sistema kurrenti ta’ edukazzjoni bla ħlas?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-istudenti fi skola primarja m’humiex kostretti li jixtru items jew educational tools . Kull xiri ta’ dan it-tip mhux skont il-politika tal-Ministeru tal-Edukazzjoni Xogħol u l-Familja.

pensjonijiet

Question

Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 15416 u tgħid kemm kienet in-nefqa tal-Gvern f’Malta u f’Għawdex separatament kull sena mill-2003 sal-2010 għar-rigward ta’ benefiċċji kontributorji mħallsa taħt l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali tal-1987 għal: a) Pensjonijiet tal-invalidità; b) Pensjonijiet tal-irtirar; ċ) Bonus ; d) Pensjonijiet tar-romol; u e) Pensjonijiet għal żmien qasir ( short-term )?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Qegħda npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba għas-snin 2003-2009. L-informazzjoni għas-sena 2010 għadha qegħda tinġabar u tkun tista’ tingħata darba li dan l-eżerċizzju jkun konkluż.

Awtorità tad-Djar — units għall-bejgħ

Question

Tista' l-Ministru tgħid fiex wasal il-proċess tal-avviż li nħareġ mill-Awtorità tad-Djar dwar units għall-bejgħ matul is-sena li għaddiet? Kemm applikanti tefgħu l-applikazzjoni tagħhom? Kemm minn dawn irrifjutaw l-allokazzjoni u kemm għad fadal applikazzjonijiet pendenti ta' dawk li għadhom interessati?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellantl l-Avviż 75 li nħareġ mill-Awtorità tad-Djar wasal fil-proċess finali, tant li s-sittin applikant li aċċettaw il-post allokat lilhom ġew riferuti sabiex jiffirmaw il-konvenju, kif ukoll beda l-ipproċessar tar-Riċerki fuqhom. Għad baqa 15-il applikanti li jridu jikkonfermaw jekk humiex interessati fil-post allokat lilhom. Taħt dan l-avviż ġew sottomessi 283 applikazzjoni. 96 applikant irrifjutaw l-allokazzjoni mogħtija lilhom. Preżentament fadal 61 applikazzjoni pendenti ta’ applikanti li għadhom nteressati li jieħdu post imma dawn ma ġewx allokati post għalissa peress li l-unika l-għażla tagħhom ġiet meħuda minn applikanti oħra li kellhom aktar punti minnhom.

Ħruġ ta' blue stickers

Question

Tista' l-Ministru tara li meta l-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilità (KNPD) tiġi biex tiddeċiedi dwar każi ta' blue stickers tikkonsidrax ġentilment wkoll dwar każi ta' persuni li jbatu bid-dementia u mhux biss dawk li huma wheelchair bound?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra il-kriterji stabbiliti mill-Unjoni Ewropea dwar l-għoti tal-blue stickers.

Malta Racing Club — ħlas ta' kontijiet tal-Kiosk 11

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 19571 u b'mod speċifiku għad-dokumenti mqiegħda fuq il-Mejda tal-Kamra rigward kopji tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma tal-account number li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, tista' l-Ministru tgħid b'mod dettaljat liema żoni u oqsma qegħdin jiġu fornuti minn servizz ta' ilma li kif imsejjaħ fil-kontijiet pertinenti huwa magħruf bħala Kiosk 11 u allura suppost kien mikri lil terzi u l-ebda kont ma kellu jitħallas minn fondi tal-Malta Racing Club, partikolarment meta kien jidher li kien hemm ħela ta' ilma kemm xejn eċċessiv filwaqt li tgħid jekk il-Malta Racing Club fadallux fil-pussess tiegħu kontjiet ta' dan l-account number li sal-lum għadhom ma tħallsux?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Kiosk 11 jintuża bħala store u mhux jitwella b’mod kummerċjali. Dan ilu jseħħ għal dawn l-aħħar tmin (8) snin. Mill-informazzjoni miġbura jirriżulta li l-aħħar kont li rċieva l-Malta Racing Club kien f’Settembru 2005 minħabba li kien għad hemm xi arrettrati x’jitħallsu fuq dan il-kont, iżda ma kienx qed isir konsum. Illum m’hemmx kontijiet pendenti fuq dan il-kont u l-meters li kien hemm tneħħew.

New Entrance Bar — ħlas mill-Malta Racing Club

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 19571 u b'mod speċifiku għad-dokumenti mqiegħda fuq il-Mejda tal-Kamra rigward kopji tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma liema account number qed jingħata separatament, tista' l-Ministru tgħid b'mod dettaljat liema żoni u oqsma qegħdin jiġu fornuti minn servizz ta' dawl li kif imsejjaħ fil-kontijiet pertinenti huwa magħruf li jinsab fin-New Entrance Bar imma b'ebda ħsieb żgur ma jkun jista' jiġi konċeput li bar li suppost qiegħed imwelli lil terzi jkollu l-konsum imħallas mill-Malta Racing Club u aktar u aktar meta wieħed jinnota konsum daqstant għoli ta' dawl?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-kontijiet huma mħallsa mill-Malta Racing Club wara li jkunu inġabbru l-flus mit-terzi persuni li jkunu qed jagħmlu użu mill-propjeta mwellija. Minbarra d-dawl tal- Bar konċernat mal-istess main hemm imqabbda wkoll, tnax (12) –il arblu b’żewġ bozoz kull wieħed li jinsabu fl- main entrance . Dawn id-dwal jintużaw meta jinżammu tiġrijiet filgħaxija. Hemm imqabbda ukoll tliet (3) tubi u erba’ (4) flood lights li jintużaw kuljum.

Arretrati ta' kont tad-dawl u l-ilma

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19571 u b'mod speċifiku għad-dokumenti mqiegħda fuq il-Mejda tal-Kamra rigward kopji tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma liema account numberqed jingħata separatament, tista' l-Ministru tgħid b'mod dettaljat liema zoni u oqsma qegħdin jiġu fornuti minn servizz ta' dawl u partikolarment tgħid għal xiex jappartjeni l-ammont ta' arretrati ta' €2,084.97 referut fil-kont datat 8 ta' Ottubru 2008 filwaqt li tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra breakdown dettaljat inkluż kopji ta' kontijiet li jammontaw għaċ-ċifra msemmija?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-arretrati fuq l-account number li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant huma dovuti għall-konsum ta’ ilma biss għat-Tote, il-Bar and Restaurant u l-latrini li jinfetħu kull meta jkun hemm tiġrijiet. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-istatement of account realatat maħruġ mill-Korporazzjoni għas-Servizz tal-Ilma.

Għalliema mhux ikkwalifikati jgħallmu l-PSD

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex għalliema mhux ikkwalifikati jitqabbdu jgħallmu l-PSD biex ikollhom full load u għalliema tal-PSD iqabbduhom jgħallmu suġġetti oħra għall-istess raġuni u qed nispiċċaw għalliema mhux imħarrġa fil-PSD jgħallmu suġġett daqshekk delikat b'dannu għall-istudenti?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Onorevoli Interpellant mhux korrett fil-premessa tal-Mistoqsija tiegħu. Fl-iskejjel statali ma hemmx għalliema ta’ xi suġġett ieħor li bħalissa qed jgħallmu l-PSD. L-għalliema li jgħallmu dan is-suggett huma jew gradwati fih jew tant ilhom jgħallmu dan is-suġġett li issa ħadu l-anzjanità fih.

Tagħlim tal-PSD

Question

Peress li ħafna riċerka turi li fid-dinja tal-lum dak li jiġi mgħallem f'istituzzjonijiet edukattivi malajr isir irrilevanti u dawk li jimpjegaw qed ifittxu flessibilita' fil-karattru, abilità li tinbidel, attitudni pożittiva lejn il-ħajja, motivazzjoni, impenn biex tkompli titgħallem tul il-ħajja, fiduċja fik innifsek u motivazzjoni, kollha aspetti mgħallma waqt il-lezzjonijiet tal-PSD, tista' l-Ministru tgħid x'qed isir biex il-PSD jingħata iżjed importanza fl-iskejjel?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Matul din is-sena skolastika d-Direttorat għall-Kwalità u Standards fl-Edukazzjoni nieda proċess ta’ evalwazzjoni tat-tagħlim tal-PSD u l-effettività tiegħu bħala parti mill-edukazzjoni ħolistika tal-istudenti. L-importanza tal-PSD fil-qasam edukattiv jidher permezz ta’ dawn il-fatti: 1. Is-suġġett tal-PSD hu wieħed mis-suġġetti obbligatorji fl-iskejjel statali u jiġi mgħallem minn Year 4 sa Form 5. 2. Il-Kurikulum Minimu Nazzjonali b’mod ġenerali huwa bbażat fuq numru ta’ prinċipji li l-maġġoranza assoluta tagħhom jintlaħqu permezz tal-PSD. 3. F’dawn l-aħħar snin inħatru żewġ Uffiċjali Edukattivi għal dan is-suġġett. 4. Ingħataw fondi għal taħriġ kemm għall-għalliema tal-PSD fil-Primarji kif ukoll għal dawk fis-Sekondarji. 5. Din is-sena id-Direttorat għal Kwalità u Standards fl-Edukazzjoni ħadem flimkien mal-Assoċjazzjoni tal-PSD biex jorganizza seminar b’tema Should I say that? Sexual Health Related Issues , tema li hi ta' importanza kbira fuq livell nazzjonali.

Pagamenti tas-sigurtà soċjali

Question

Tista’ l-Ministru tgħid għal kemm kienu jammontaw l-pagamenti tas-Sigurta’ Soċjali li tħallsu lil residenti f’Malta u f’Għawdex b’mod separat kull sena mill-2006 sal-lum?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Kontribuzzjonijiet ta' Sigurtà Soċjali

Question

Tista’ l-Ministru tgħid għal kemm kienu jammontaw il-kontribuzzjonijiet tas-Sigurta’ Soċjali li tħallsu minn residenti f’Malta u f’Għawdex b’mod separat kull sena mill-2006 sal-lum?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat f’dan il-kas lill-Ministru tal-Finanzi, Ekonomija u Investiment.

Ftehim fuq xogħol komunitarju

Question

Tista' l-Ministru tgħid bil-ftehim li kien iffirmat mis-Sindku ta' San Pawl il-Baħar u l-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Appoġġ li dettalji tagħha qed jingħataw separatament, u permezz tiegħu l-Appoġġ se tipprovdi impjegat għal 20 siegħa fil-ġimgħa biex iwettaq xogħol komunitarju fil-lokalità, x'tip tax-xogħol se jiġi mitlub li jwettaq? Min hi l-persuna li se taħdem f'dan il-kunsill? Jista' jitpoġġa kopja tal-ftehim fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-persuna li ser taħdem għall-kunsill lokali ser tħares lejn l-iktar sitwazzjonijiet soċjali diffiċli li qegħdin jgħaddu minnhom ir-residenti. Sitwazzjonijiet li jolqtu setturi differenti tal-komunità: bħal per eżempju, l-anzjani li qegħdin waħedhom mingħajr ebda sapport, żgħażagħ li m'għandhomx attivitajiet stabbli, u li jistgħu jaqgħu f'delinkwenza u tfal li għandhom il-ġenituri li jaħdmu għal-siegħat twal. Ser jiġu identifikati ukoll opportunitajiet bħal per eżempju courses fuq l-użu tal-kompjuter u ħiliet oħra, kemm għat-tfal kif ukoll għall-adulti u jiġu mħajra li jattendu u jigwadanjaw għall-futur tagħhom. L-għanijiet ta' xogħol komunitarju huma li flimkien mal-komunità stess kif ukoll ma’ entitajiet fil-komunita li jinkludu l-kunsill lokali, l-iskola tal-lokal, l-parroċċa u għaqdiet oħra, jinħolqu opportunitajiet għal gruppi differenti, biex itejbu l-kwalità ta' ħajja tagħhom, kif ukoll li jissaħħu r-riżorsi diġà preżenti fil-komunità. Il-persuna li se taħdem ma’ dan il-kunsill hija Lee Mary Thomson. Kopja tal-ftehim qegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Labour supply

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm kienet il-labour supply, rġiel għalihom u nisa għalihom, f’Malta u f’Għawdex separatament fl-aħħar ta’ kull sena mill-2003 sal-2009 u fl-aħħar ta’ Lulju 2010? Tista’ tgħid kemm minnhom, f’kull każ, kienu jaħdmu bi qligħ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nirreferi l-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat, f’dan il-każ il-Ministru tal-Finanzi, Ekonomija u Investiment.

Ħaddiema fis-settur privat — produzzjoni diretta u servizzi fis-suq

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien in-numru totali ta’ ħaddiema fis-settur privat, fi produzzjoni diretta u f’servizzi tas-suq separatament, rġiel għalihom u nisa għalihom, f’Malta u f’Għawdex separatament fl-aħħar ta’ kull sena mill-2003 sal-2009 u fl-aħħar ta’ Lulju 2010? Tista’ tagħti din l-informazzjoni kategorizzata skont in-NACE Code?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nirreferi l-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat, f’dan il-każ il-Ministru tal-Finanzi, Ekonomija u Investiment.

PBS — trasferiment ta' TVM u Radju Malta

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 21518, tista’ l-Ministru tikkonferma jekk kienx hemm xi forma ta’ ftehim bejn il-PBS u l-Maltacom biex l-operat, l-assi u l-ħaddiema jgħaddu għand il-PBS meta twaqqfet il-kumpanija? Tista’ tqiegħed dan il-ftehim fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ma jeżisti l-ebda ftehim bejn il-Public Broadcasting Services Ltd u l-Maltacom biex l-operat, l-assi u l-ħaddiema jgħaddu għand il-PBS meta twaqqfet il-kumpanija.

Tkaħħil ta' gallarija

Question

Tista' l-Ministru, flimkien mad-dipartimenti konċernati, tara li jsir tkaħħil minn barra tal-gallarija tal-familja li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, aktar u aktar billi l-inkwilini huma pensjonanti?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tiswija li hemm bżonn f'din il-gallarija se ssir fil-futur qrib permezz ta' kuntratti ta' xogħol li l-Awtorità tad-Djar diġà allokat.

stazzjoni Channel 22 — ħin mixtri minn kumpaniji privati

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm kumpaniji privati li għandhom ħin mixtri mill-istazzjon Channel 22?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ebda kumpanija privata ma tixtri ħin mill-Istazzjon Education 22 .

Channel 22 — informazzjoni

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk l-istazzjon Channel 22 huwiex taħt l-istess amministrazzjoni ta' TVM jew jekk għandux amministrazzjoni għalih? Tista' l-Ministru tgħid jekk dan l-istazzjon għandux kamra tal-aħbarijiet tiegħu jew le u min huwa responsabbli għall-iskeda li tittella' fuq dan l-istazzjon?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Istazzjon E22 ma jaqax taħt l-amministrazzjoni ta’ TVM imma għandu amministrazzjoni għalih. L-Istazzjon ma jagħmilx servizz ta’ aħbarijiet u l-Kap ta’ l-istazzjon Ms. Ben Azzopardi hi responsabbli għall-iskeda.

Malta Racing Club — kontijiet tad-dawl u l-ilma

Question

B'referenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 19571 u b'mod speċifiku għad-dokumenti mqiegħda fuq il-Mejda tal-Kamra rigward kopji tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma, liema account number qed jintbagħat separatament, tista' l-Ministru tgħid b'mod dettaljat liema żoni u oqsma qegħdin jiġu fornuti mis-servizz tal-ilma li kif imsejjaħ fil-kontijiet pertinenti huwa magħruf li jinsab between new garage and pump room peress li l-ammonti ċitati juru konsum daqstant għoli ta' ilma?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill- account number indikat minnu jiġi fornut ilma għall- paddock area , għall- jockeys’ room, il- judges’ room kif ukoll tliet uffiċċji.