Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 9468 u ċioe: B'referenza għan-numru ta' serqiet minn djar residenzjali li seħħew matul is-snin 2004 sa 2008 fil-lokalità tal-Ħamrun, jista' jgħid kemm tressqu nies il-Qorti u kemm instabu ħatja sena b'sena?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
B'referenza għan-numru ta' serqiet li seħħew matul l-2004 u l-2008 minn djar residenzjali fil-lokalità tal-Ħamrun, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għall-mistoqsija Parlamentari numru 7189. Rigward l-aħħar parti tad-domanda ninsab infurmat illi s'issa għadhom ma tressqux persuni l-Qorti fuq ir-reat imsemmi.
Tribunal ta' Kontra l-Korruzzjoni — Deċiżjonijiet kontra l-Gvern
Question
Jista’ l-Ministru jgħid matul l-istess perijodu kemm dan it-Tribunal ta' Konrtra l-Korruzzjoni ta deċizjonijiet kontra l-Gvern, aġenziji tal-Gvern, Awtoritajiet statutorji jew uffiċjali pubbliċi?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi matul il-perjodu msemmi, l-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni ma rrapportatx att ta' korruzzjoni fil-konfront ta' uffiċjali pubbliċi imsemmija fl-Art. 4 tal-Kap 326.
Jista' l-Ministru jikkonsidra li jingaġġa nies kwalifikati fir-Reġistru tas-Subbasti minħabba l-ineffiċjenza assoluta li teżisti għal dak li jikkonċerna t-taxxi? Jista' jikkonsidra wkoll li jingaġġa aktar nies kompetenti sabiex jieħdu ħsieb jaħdmu l-iżbanek tad-depożiti peress li qed ikun hemm dewmien inaċċettabbli u żbalji lampanti?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi fir-rigward tat-taxxi li jsiru fis-sezzjoni tas-subbasta, jekk l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għat-taxxi ta’ proċess wara subbasta, l-informazzjoni li għandi jirriżulta li ma hemm l-ebda nuqqas u l-ebda taxxa pendenti.
Dwar il-mistoqsija l-oħra li tirrigwarda dewmien inaċċettabbli ta’ żbanki, din is-sezzjoni tieħu medja ta’ jumejn biex tipproċessa żbank.
Jista' l-Ministru jgħid matul is-snin 2008,2009 kemm ġew riferuti każijiet liċ-Ċentru Malti ta' l-Arbitraġġ? Jista' jindika kemm minn dawn il-kawżi jikkostitwixxu arbitraġġ sfurzat?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 2008 ġew riferuti 416 każ liċ-Ċentru Malti tal-Arbitraġġ li minnhom kien hemm 396-il kawża jikkostitwixxu arbitraġġ mandatorju skont il-liġi, filwaqt li matul l-2009 ġew riferuti 318 każ li minnhom kien hemm 295 każ li kien jikkostitwixxi arbitraġġ mandatorju.
Ċentru Malti ta' l-Arbitraġġ — Każijiet ta' medjazzjoni
Question
Jista' l-Ministru jgħid matul is-snin 2008, 2009 kemm ġew riferuti każijiet għall-medjazzjoni, kemm mill-Qorti stess kif ukoll b'mod dirett mill-partijiet fl-istess Ċentru Malti ta' l-Arbitraġġ (naturalment, esklużi l-medjazzjonijiet fil-kawżi ta' separazzjoni)?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi matul is-snin 2008 u 2009 ġew riferuti rispettivament 3 każi u 5 każi għall-medjazzjoni liċ-Ċentru tal-Mejazzjoni għal Malta mill-Qorti. Fl-istess żmien ma kien hemm ebda każ li ġie riferut direttament mill-partijiet.
Jista' l-Ministru jispjega għaliex nies qed jiġu mitluba jħallsu multi li jmorru lura sa għaxar snin ilu b'relazzjoni ma' proċeduri tal-VAT. Għaliex tħallew jgħaddu għaxar snin? Għaliex ħafna min-nies qed igħidu li qatt ma dehru l-Qorti u ma jafux għalfejn qed iħallsu?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
L-artikolu 687(1) tal-Kodiċi Kriminali jgħid espressament li ‘Id-deċizjonijiet li bihom tingħata kundanna ma jaqgħux bil-preskrizzjoni f’ebda żmien’. Ninsab infurmat illi regolarment isir eżerċizzju sabiex jinġabru dawk il-multi kollha imposti mill-Qrati li għal xi raġuni jibqgħu ma jitħallsux. Dawn il-multi huma korroborati bis-sentenza tal-Qorti li tkun ingħatat fil-konfront tal-persuna misjuba ħatja u s-sentenza jkun fiha l-konnotati meħtieġa tal-persuna misjuba ħatja. Barra minn dan huwa dover ta' min ġie kkundannat li jħallas mill-ewwel.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm inqabdet droga u x’tip kienet matul ix-xhur ta’ Lulju u Awwissu 2009 separatament ? Jista’ jgħid kemm tressqu persuni l-Qorti fl-istess perijodu fuq droga?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi l-ammont ta’ droga maqbuda matul Lulju u Awwissu ta’ din is-sena kienet kif ġej:
Lulju
Awwissu
Cocaine
3kgs463.3gr
909.193gr
Heroin
1kgs742.35gr
975.84gr
Cannabis grass
17.4gr
138.1gr
Cannabis resin
1kgs761.8gr
12.61gr
Ecstacy
Nil
12 tablets
Khat
Nil
4kgs100gr
Infurmat ukoll illi f’Lulju ta’ din is-sena il-Pulizija ressqet quddiem il-Qorti 37 persuna fuq akkużi relatati ma' droga, filwaqt matul Awwissu tressqu 44 persuna.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ittellgħu persuni l-qorti fuq kazi relatati ma' abbużi sesswali fuq tfal u fuq każi ta' natura abbużiva oħra fuq tfal din is-sena?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi matul din is-sena il-Pulizija bdiet proċeduri kriminali quddiem il-Qorti
Kontra 44 persuna fuq akkużi relatati ma’ abbużi fuq persuni minuri. Minn dawn 38 kienu abbużi sesswali.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li nstabu ħatja fuq każi ta' abbużi fuq it-tfal? X'tip ta' abbuż kien? X'weħlu f'kull każ is-sena l-oħra u din is-sena?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena l-oħra kien hemm 19 il-persuna li nstabu ħatja ta’ abbuż sesswali fuq persuni minuri. Minn dawn 11 ingħataw sentenza ta' priġunerija, 2 ingħataw sentenza ta’ ħabs sospiża u 6 ingħataw probation. Filwaqt li matul din is-sena, s’issa, kien hemm 13 il-persuna li kellhom il-każ tagħhom deċiż, ukoll dwar abbuż sesswali fuq persuni minuri. Minn dawn 8 ġew mgħotija sentenzi ta’ priġunerija, 3 ingħataw sentenza ta’ ħabs sospiża, filwaqt li 2 ingħataw probation.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ittellgħu persuni l-qorti is-sena l-oħra u din is-sena fuq każi ta' traffikar ta' persuni? X'weħlu?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena l-oħra u din is-sena il-Pulizija bdiet proċeduri kriminali quddiem il-Qorti kontra 10 persuni fuq akkużi relatati ma’ traffikar ta’ persuni. Minn dawn, 2 kellhom il-każ taghhom deċiż, fejn wieħed ġie liberat u l-ieħor ġie ikkundannat 9 xhur priġunerija.
Gvern Malti u Gvern Taljan — kuntatti fuq livell politiku u diplomatiku
Question
Jista' l-Ministru jispjega lill-Parlament x'ġara ftit tal-jiem ilu meta, skont ma ġie rapportat f'ġurnal Malti l-Eċċellenza Tiegħu l-Ambaxxatur Taljan stess intervjena bil-preżenza tiegħu biex il-Pulizija Maltija ma taqbadx opra tal-baħar Taljana? Jista' jagħti retroxena ta' kif seħħew il-ġrajjiet? X'kuntatti kien hemm bejn il-Gvern Malti u l-Gvern Taljan, kemm fuq livell politiku u anke dak diplomatiku b'liema mezzi/strumenti u f'liema dati? X'sar minnha d-dgħajsa Maria Salvatrice? Intant, jista' l-Ministru jispjega x'ġara u x'qed jiġri fil-każ tal-luzzu Għawdxi Betania u Peppi Xuereb? Jista' jagħti retroxena ta' kif seħħew il-ġrajjiet, x'kuntatti kien hemm bejn il-Gvern Malti u l-Gvern Taljan kemm fuq livell politiku u anke dak diplomatiku? Ġie għall-konjizzjoni tal-Ministru li wara l-arrest tal-Paternostro, kien hemm esportaturi lokali li solitament ibiegħu l-prodotti tagħhom fi Sqallija li tilfu l-bejgħ tal-prodotti tal-baħar tagħhom fi Sqallija? X'se jagħmel il-Gvern Malti dwar dan fuq il-livell politiku u diplomatiku?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi l-fatti għar-rigward tal-ewwel, it-tieni u r-raba’ domanda kienu s-segwenti:
Fid-29 ta’ Ġunju 2009, għal ħabta ta’ nofs in-nhar, il-Pulizija irċeviet rapport mill-Operations Room tal-Forzi Armati illi l-ajruplan tagħhom kien interċetta ħames (5) dgħajjes tas-sajd barranin fl-ibħra tas-sajd ta’ Malta;
Minn dawn il-ħames (5) dgħajjes, waħda biss ġiet imwaqqfa minħabba li l-oħrajn irnexxielhom jaħarbu, iżda d-dettalji tad-dgħajjes l-oħra jinstabu għand id-dipartiment tas-Sajd għal aktar investigazzjoni minnaħa tagħhom;
Din id-dgħajsa irriżultat li hija dgħajsa tas-sajd li ttajjar bandiera Taljana bl-isem Maria Salvatrice bin-numru tar-Reġistrazzjoni 3SR841 u li kellha ekwipaġġ ta’ erba’ (4) persuni u ċioe’;
Il-kaptan Rosalino Paternostro, u l-ekwipaġġ Andrea Paternostro, Antonio Canndella u Salvatore Vizzini;
Irriżulta illi din id-dgħajsa twaqqfet f’distanza ta’ 18.5 mil nawtiku mill-ponta ta’ Dellimara;
Meta twaqqfet din id-dgħajsa, il-membri tal-Forzi Armati għamlu tfittxija fuq l-istess dgħajsa u sabu 22 kaxxa ħut frisk, liema ħut ġie maqbud mid-dipartiment tas-Sajd;
Irriżulta wkoll li l-lanċa Maria Salvatrice ma kienetx liċenzjata biex tagħmel attivitajiet relatati mas-sajd il-barra minn 40 mil mill-kosta Taljana;
Peress li l-kaptan Rosalino Paternostro huwa l-persuna responsabbli mil-lanċa u mill-attivita’ tas-sajd, ġie mitkellem mill-pulizija waqt din l-investigazzjoni;
Waqt l-investigazzjoni, id-dgħajsa Maria Salvatrice li kienet marbuta f’Xatt il-Barriera, fil-Port il-Kbir u ġie nfurmat il-Valletta Port (Turretta) sabiex din id-dgħajsa tkun ikkontrollata minnaħa tagħhom u dan sabiex jiġi żgurat li din id-dgħajsa ma titlaqx mill-Gzejjer;
Wara li ġew konlużi dawn l-investigazzjonijiet, Rosalino Paternostro tressaq b’arrest quddiem il-Qorti preseduta mill-Maġistrat tal-Għassa Dr L Quintano LL.D., sabiex iwieġeb għall-imputazzjonijiet dedotti fil-konfront tiegħu;
Paternostro wieġeb li ma kienx ħati għall-imputazzjonijiet miġjuba fil-konfront tiegħu u stante li l-każ huwa ta’ natura sommarja, il-prosekuzzjoni resqet ix-xhieda kollha;
Id-difiża talbet differiment sabiex tkun f’posizzjoni li ttella’ x-xiedha tagħha iżda l-Qorti ikkonċediet dan id-diferiment iżda ċaħdet il-liberta’ proviżorja ta’ Paternostro;
Matul din is-seduta u preċiżament waqt it-trattazzjoni dwar il-ħelsien mill-arrest ta’ Paternostro, il-Prosekuzzjoni esebit formalment il-lanċa Maria Salvatrice u dan minħabba li l-istess dgħajsa hija il-corpus delicti flimkien mal-qabda tal-ħut;
Għandu jingħad illi matul l-investigazzjonijiet tal-Pulizija, l-Ambaxxata Taljana ġiet infurmata f’dan il-każ u kellha tibgħat rapreżentant tagħha waqt is-smiegħ tal-kawża. Waqt li ntemmet il-kawża, il-prosekuzzjoni reġgħet infurmat l-Ambaxxata bir-riżultat tal-kawża kriminali fil-konfront ta’ Paternostro;
Immedjatament wara din is-seduta, il-pulizija flimkien mal-Forzi Armati bdew tentattivi sabiex id-dgħajsa maqbuda tiddaħħal fil-bażi tal-Forzi Armati, ġewwa Xatt it-Tiben, iżda minħabba li għandha l-qiegħ għoli u l-baħar huwa baxx, dan ma kienx possibbli u għaldaqstant għal ħabta tat-8.00p.m., il-Pulizija bdiet is-sorveljanza tagħha mad-dgħajsa.
L-ekwipaġġ baqa’ joqgħod fuq din id-dgħajsa minħabba li riedu jistennew il-kawża tinqata’ u dan sabiex ikunu jistgħu imorru lura l-Italja flimkien;
Nhar is-6 ta’ Lulju il-Qorti sabet lil Paternostro ħati kif mixli u kkundannatu Multa ta’ 35,000 Euro iżda ma ordnatx il-konfiska tal-lanċa Maria Salvatrice;
Għaldaqstant, wara li tħallset il-Multa, d-dgħajsa ngħatat lura lil Paternostro u nhar is-7 ta’ Lulju salpat lejn Portopalo bl-ekwipaġġ tagħha.
Għar-rigward tat-tielet domanda, ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Ambaxxatur Taljan ikkomunika miegħi u infurmani illi skont hu, il-Pulizija kienet ordnat illi l-passiġġieri abbord il-bastiment Maria Salvatrice kellhom jinżlu minn fuqu u jsibu fejn jorqdu. Infurmajtu li minhix edott mill-fatti u għidtlu li ser ninfurmah x’ġara. Staqsejt lid-Deputy Commissioner u infurmani li ma kienx minnu li xi membru tal-Korp kien ta tali ordni. Ċempiltlu lura u għidtlu b’dan.
Għar-rigward id-domandi l-oħra, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmilhom lill-Ministri kkonċernati.
Qorti tal-Maġistrati — Qorti ta' Ġudikatura Kriminiali - sentenzi differiti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid Quddiem il-Qorti tal-Maġistrati bħala Qorti ta’ Ġudikatura Kriminali, Maġistrat b’Maġistrat għal dak li jikkonċerna limitatament kawżi tal-kumpilazzjonijiet, kemm hemm kawżi differiti għas-sentenza?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm kawżi quddiem il-Qorti tal-Maġistrati bħala Qorti tal-Ġudikatura Kriminali, Maġistrat b’Maġistrat għal dak li jikkonċerna kawżi ta' kumpilazzjoni li ilhom differiti għas-sentenza għal aktar minn 18-il xahar?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi sal-aħħar ta’Awwissu, 2009, quddiem il-Qorti tal-Magistrati (Malta) bħala Qorti ta’ Ġudikatura Kriminali, għal dak li jikkonċerna kawżi ta’ kumpilazzjonijiet, kien hemm sitta u tletin (36) kawża li ilhom aktar minn 18-il xahar għas-sentenza quddiem il-Maġistrat J Apap Bologna. Fil-każ tal-Qorti tal-Maġistrati, Għawdex ma hemm l-ebda waħda.
Kważi Kostituzzjonali kontra l-Gvern — sentenzi li nqatgħu
Question
Jista’ l-Ministru jgħid matul is-snin 2007, 2008, u 2009 kemm inqatgħu kawżi Kostituzzjonali kontra l-Gvern u li jikkonċernaw dewmien inaċċettabbli quddiem il-Qrati u jagħti d-dettalji relattivi?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm inħatru Bordijiet ta’ Inkjesta ad hoc u jagħti d-dettalji ta’ l-inċidenti relattivi matul is-snin 2007, 2008 u 2009? Jista' jindika liema inkjesti ta’ bordijiet maħtura ad hoc waslu għal konklużjonijiet differenti milqugħa mill-Maġistrati inkwerenti?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Matul is-sena 2008 kienu ġew maħtura ad hoc tliet Bordijiet ta’ Inkjesta, u ċioe, fil-każijiet li kienu jinvolvu ċ-Ċentru ta’ Detenzjoni, lis-Sur Nicholas Azzopardi u l-Faċiltà Korrettiva ta' Kordin. Il-konklużjonijiet ta’ dawn it-tliet inkjesti ma kenux ivarjaw minn dawk magħluqa mill-Maġistrati inkwerenti.
Tribunal ta' Kontra l-Korruzzjoni — investigazzjonijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew preżentati ilmenti/ kawżi matul is-snin 2008 u 2009 quddiem it-tribunal ta’ kontra l-Korruzzjoni? Jista’ jgħid kemm ġew konklużi investigazzjonijiet matul dan l-istess perijodu quddiem dan it-Tribunal u kemm għad fadal każi differiti għas-sentenza? Jista’ jgħid min huma l-membri ta’ dan it-Tribunal, x’inhi r-remunerazzjoni tagħhom u xi fringe benefits għandhom?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi matul is-snin 2008 u 2009 ġew preżentati ħames ilment/każi quddiem il-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni. Minn dawn ġew konklużi tliet każi filwaqt li t-tnejn l-oħra għadhom qed jiġu investigati.
Il-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni hija komposta kif ġej:-
L-Imħallef Albert Manché (Irt.), LL.D. Chairman
Il-Kurunell John Harrison (Irt.), B.E.M. Membru
L-Avv. Ray Zammit LL.D. Membru
Infurmat ukoll illi ċ-Chairman tal-Kummissjoni għandu remunerazzjoni ta’ € 17405.96 fis-sena kif ukoll għandu b’xejn servizz tat-telefon, xiri ta’ ċerti ġurnali lokali u servizz ta’ karozza tal-kiri, filwaqt li l-membri għandhom remunerazzjoni ta’ € 9317.49 fis-sena u xejn aktar.
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant, illi l-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni ma tismax kawżi għax la hija Qorti u lanqas ma hi Tribunal, iżda hija Kummissjoni investigattiva u meta tikkonkludi każ, hija ma tagħtix sentenza, iżda tibgħat rapport lill-Ministru tal-Ġustizzja skont l-Art. 11 tal-Kap.326.
Jista' l-Ministru jgħid liema kienu t-taxxi, it-tariffi jew il-miżati li ddaħħlu jew ġew riveduti (kemm jekk għolew kif ukoll jekk raħsu) minnu, mid-dipartimenti jew mill-awtoritajiet, istituzzjonijiet u aġenziji li jaqgħu taħtu bejn Jannar u Settembru 2009? Jista' jindika wkoll kemm kienu qabel m'għolew u kemm saru wara li għolew?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Kif ċertament jaf l-Onor. Interpellant, kull aġġustament, fi kwalunkwe żmien jew perijodu, ’il fuq jew ’l isfel ta’ taxxi, tariffi jew miżati minn kull dipartiment, awtorità, istituzzjoni jew aġenzija, hu informazzjoni fil-public domain u ssapportjat mill-istrumenti legali neċessarji. Għalhekk, nixtieq ngħarraf lill-Onor. Interpelleant li kull aġġustament f’dan ir-rigward li sar fil-perijodu indikat fil-mistoqsija hu ppublikat skond kif titlob il-ligi li bis-saħħa tagħha sar tali aġġustament.
Jista' l-Ministru jgħid:
(a) meta se jiġu impjegati Gwardjani tal-Ħabs?
(b) jekk hux qed jintlaqgħu applikazzjonijiet għal din il-kariga?
(c) jekk hemmx applikazzjonijiet pendenti u fil-każ kemm hemm?
(d) kemm hemm vakanzi għal din il-kariga u għaldaqstant kemm se jimpjega l-Gvern?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi s-sejħa għal applikazzjonijiet għall-ingaġġ tal-Gwardjani l-Ħabs għadha qed tiġi fformolata. Rigward l-aħħar domanda il-vakanzi jimtlew skont il-ħtieġa.
Pulizija tal-Administrative Law Enforcement — shifts
Question
Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-Pulizija tal-Administrative Law Enforcement f'pattulja mal-bajjiet qed jintalbu jaħdmu b'shift bejn il-11.00 am u t-8.00 pm fl-eqqel elementi tas-sajf? Għaliex ma nżammx ir-roster ta' qabel ta' żewġ shifts bejn l-10.00 am u s-1.00 pm, u s-1.00 pm u s-6.00pm?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija ilha għal diversi snin matul ix-xhur tas-sjaf issaħħah il-preżenza tagħha fix-xtajtiet u bajjiet billi jiġu assenjati membri mit-Taqsimiet tal-Klieb, taż-Żwiemel kif ukoll mit-Taqsima ta’ l-ALE. Ovvjament dawn jiġu assenjati ħinijiet li dawn il-lokalitajiet ikunu l-aktar frekwentati. Infurmat ukoll illi fit-Taqsima ta’ l-A.L.E. m’hemmx xifts ta’ bejn l-10.00am u s-1.00pm jew mis-1.00pm sas-6.00pm