Legislature:
Category:
Reset
Active:

San Pawl il-Baħar — Triq il-Pwales – kajjik

Question

Jista’ l-Ministru jieħu l-azzjoni neċessarja biex il-kajjik li hemm fi Triq il-Pwales, San Pawl il-Baħar u li fuqu saru diversi rapporti, jitneħħa minn din l-istess triq?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li Transport Malta rċiviet rapport dwar dan il-kajjik u saru l-investigazzjonijiet neċessarji. Fil-ġranet li ġejjin dan il-kajjik ser ikun inkluż f’avviż fil-Gazzetta tal-Gvern. Jekk wara numru ta ġranet kif stipulat fil-ligi dan ma jitneħħiex mis-sid, Transport Malta tibda l-proċeduri ta’ tneħħija min naħa tagħha.

Ħaż-Żebbuġ — Wied Baqqija - xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'xogħlijiet hemm ippjanati f'Wied Baqqija, Ħaż-Żebbuġ u liema entità qiegħda twettaq dawn ix-xogħlijiet?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fiż-żona indikata Infrastructure Malta dalwaqtt tlesti xogħlijiet li għamlet fuq is-servizzi tad-distribuzzjoni tal-ilma u kisi tal-wiċċ bil-konkos.

Baħrija – Triq is-Sajf ta’ San Martin – koordinament tax-xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jara li x-xogħol li qed isir fi Triq is-Sajf ta' San Martin li tagħti għal Baħrija jkun koordinat sew u b'tabelli, sinjali u dwal kif suppost, għax qiegħdha tkun ta' periklu għal kull min juża din it-triq?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol tal-bini mill-ġdid tat-triq indikata li daqt jitlesta qed isir b’koordinazzjoni mal-entitajiet konċernati rigward l-immaniġġjar tat-traffiku. Infrastructure Malta ippjanat ix-xogħlijiet biex isiru f’fażijiet ħalli l-inkonvenjent ikun mill-inqas possibbli u tiżgura s-sigurtà waqt dawn ix-xogħlijiet. Fost miżuri oħrajn li ttieħdu għal dan il-għan, kienu ngaġġati numru ta’ uffiċjali tat-traffiku kemm matul il-ġurnata u anke waqt numru ta’ ljieli meta kien hemm bżonn li jsiru xogħlijiet billejl, biex jassistu fl-immaniġġjar tat-traffiku. Waqt ċerti xogħlijiet f’din it-triq sar anke użu minn sistemi ta’ dwal tat-traffiku temporanji.

Mini prinċipali – xogħol

Question

B'referenza għar-risposti għall-mistoqsijiet parlamentari 17433, 22102 u 22295, skont il-Ministru stess, l-ispiża oriġinali skont it-tenders maħruġa biex jiġu rranġati l-mini kienet tinkludi li tinbidel is-sistema tad-dwal biex il-mini ma jibqgħux imdallmin u biex bis-sistema l-ġdida tad-dawl li ġiet installata, il-qawwa tad-dawl ġewwa l-mini se tinbidel mal-ġurnata, billi jitbaxxa jew jogħla mal-ħin, ħalli l-għajnejn joqogħdu mill-ewwel meta tidħol fihom, għalhekk jista’ l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li ħarġet variation ta' aktar minn €500,000 (nofs miljun euro) lil min ħa t-tender biex isir l-istess xogħol ta' dawl li skont hu stess, tali xogħol kien jifforma parti mit-tender oriġinali?

Response (BORG, IAN)

Kif diġà spjegajt fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 22801 f’Seduta 514 wara li ħarġet s-sejħa għall-offerti, Infrastructure Malta ġiet infurmata minn Transport Malta li s-sistemi li kienu speċifikati fl-offerta kellhom jiġu aġġornati biex ikunu konformi mas-sistema taċ-Ċentru Nazzjonali għall-Kontroll tat-Traffiku. Dawn is-sistemi ser jippermettu li l-mini jkunu iktar siguri permezz ta’ possibbiltà ta’ monitoraġġ kontinwu miċ-Ċentru Nazzjonali għall-Kontroll tat-Traffiku.

Triq Ħal Farruġ – jet fuel leak — ħsarat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi ħsarat saru lil Triq Ħal Farruġ konsegwenza tal-jet fuel leak li ħareġ mill-ħażna ta' fuel li hemm fl-ajruport u kemm ser jiswew flus ix-xogħlijiet ta' tiswija tal-ħsarat? X'wassal għal dan il-leak u jekk il-ħruġ ta' dan il-jet fuel affetwax il-water table tal-inħawi u l-ambjent tal-madwar? X'prekawzjonijiet ser jieħu l-Gvern biex inċidenti oħra bħal dan ma jirrepetux rwiehom fil-futur? Kemm sewa flus dan il-leak kemm f'termini ta' telf ta' jet fuel, f'termini ta' xogħol biex jitneħħew traċċi tal-leak ta' jet fuel, telf ta' ilma mill-water table kif ukoll f'termini ta' ħsara ambjentali? Jista’ l-Ministru jserraħ ras ir-residenti ta' Ħal Farruġ li inċidenti bħal dawn ser jiġu evitati fil-futur?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara l-aċċident fejn inxtered fjuwil fi Triq Ħal Farruġ, Infrastructure Malta segwiet mill-qrib l-operazzjoni ta’ tindif li saret mill-entitajiet rispettivi biex tassigura s-sigurezza u l-istabbiltà tat-triq. Minn spezzjoni li saret lill-wiċċ tat-triq ma nstabux ħsarat kaġun tal-fjuwil li nxtered. Il-kumplament tal-mistoqsijiet għandhom jiġu riferuti lill-Ministeru kkonċernat.

Varjazzjonijiet approvati għax-xogħlijiet fil-mini

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu l-ammont ta' varjazzjonijiet approvati s'issa u lil min kienu maħruġin dawn il-varjazzjonijiet, mina b'mina, għax-xogħlijiet biex jiġu rranġati l-mini? X'wassal għal kull varjazzjoni u x'kienet ir-raġuni li x-xogħol relatat ma kull varjazzjoni ma kienx inkluż fit-tender oriġinali?

Response (BORG, IAN)

Nirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22801 f’Seduta 514 .

Proposta tal-Metro – kampanja ta’ promozzjoni

Question

Jista l-Ministru jgħid x'kien il-budget totali tal-kampanja tal-promozzjoni tal-proposta tal-metro? Jista’ jagħti rendikont ukoll ta’: (a) kif intefqu dawn il-flus; (b) fuqiex intefqu dawn il-flus; (c) min kienu l-kumpaniji li taw is-servizzi tagħhom għal din il-kampanja; (d) jekk dawn is-servizzi ġewx ikkumisjonati b'tender jew b'direct order?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat illi fejn tidħol promozzjoni diġitali u stampar relatat mal-proposta tal-Metro intefqu €67,954.12. Dan sar minn iCreate, MaltaPost, Poultons, Pure u Maze Digital.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali — nefqa rikorrenti vutata għal pagi ta' persons of trust

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’persentaġġ tal-nefqa rikorrenti vvutat għall-Ministeru tiegħu ser imur biex jitħallsu l-pagi u kuntratti ta’ persuni ingaġġati bħala “Persons of Trust” fil-Ministeru tiegħu?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba se tingħata f’seduta oħra.

Għajnsielem Għawdex – Triq Sant’Antnin – xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li għalkemm Triq Sant’Antnin, f’Għajnsielem Għawdex kienet inawgurata madwar sena ilu, kellha tinqala’ mill-ġdid f'partijiet minnha, biex isiru xi xogħlijiet ta’ servizzi li ma sarux meta kienet qeda tinbena t-triq oriġinarjament? Ma jarax il-Ministru li dan ix-xogħol doppju qed jiswa lill-poplu Malti u Għawdxi mijiet ta' eluf ta' ewro żejda li setgħu intużaw għal xogħlijiet oħra?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jitlob l-informazzjoni meħtieġa lill-Ministeru kkonċernat.

Xogħlijiet fuq il-mini prinċipali

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 22295 dwar xogħlijiet fil-mini li għandna fil-pajjiż fejn għidt li filwaqt li l-kuntratt oriġinali kien jammonta għal €12.5 miljun, l-ispiża finali tkun magħrufa meta jiġi konkluż il-proġett, jista’ l-Ministru jgħid kemm ser jiġu jiswew il-varjazzjonijiet imsemmija fir-risposta tiegħu? Jista’ jagħti risposta definittiva meta ser ikun lest ix-xogħol fuq kull mina peress li r-residenti ta' diversi lokalitajiet sofrew inkonvenjenzi kbar li tawlu għal diversi xhur kif ukoll snin sakemm dan ix-xogħol ikun lest? Jista’ jgħid id-data ta' meta suppost kellu jkun lest ix-xogħol hekk kif stipulat fil-ħruġ tal-offerta? X'raġunijiet ingħataw għal dan id-dewmien esaġerat? X'inhi r-raġuni li jekk kien hemm bżonn jgħaddu xi servizzi minn taħt wiċċ it-triq dawn ma kenux ippjanati qabel beda x-xogħol?

Response (BORG, IAN)

Filwaqt li t-tweġibiet għal ħafna minn dawn il-mistoqsijiet diġà tajthom meta weġibt il-mistoqsijiet parlamentari 22295 u 22801, inżid nispjega li skont il-kuntratt oriġinali, ix-xogħlijiet kellhom ikunu lesti f’Diċembru 2020. Minħabba x-xogħlijiet addizzjonali li ma kienux magħrufa meta ħarġet is-sejħa għall-offerti, il-kuntratt ġie estiż sal-aħħar ta’ Settembru 2021. Għaldaqstant, mhux minnu li x-xogħol fuq il-mini tawwal “għal diversi snin” biex ikun lest kif qal l-Onorevoli Bezzina.

Xogħlijiet fuq toroq – nuqqasijiet fuq ippjanar u koordinament

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għal diversi nuqqasijiet fi kważi x-xogħlijiet kollha li jirrigwardaw toroq f'dak li hu ppjanar u koordinament?

Response (BORG, IAN)

Peress li l-Gvern qed iwettaq investiment bla preċedent fit-toroq, b’ħafna u ħafna xogħlijiet f’kull lokalità biex ikollna infrastruttura ta’ kwalità ogħla wara għexieren ta’ snin ta’ telqa, ikun apprezzat jekk l-Onorevoli Bezzina jispeċifika liema toroq e¿attament qed jagħmel referenza għalihom u anke jgħid b’mod speċifiku wkoll x’inhuma n-nuqqasijiet li qed jalludi għalihom.

Mqabba – Triq il-Ħajt tal-Matla – xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ser jitlesta x-xogħol fi Triq il-Ħajt tal-Matla, fl-Mqabba peress li x-xogħol beda aktar minn 4 xhur ilu u sal-lum dan ix-xogħol għadu mhux lest b'inkonvenjent kbir għar-residenti li joqogħdu f'din it-triq tant li hemm min lanqas jista’ jidħol jew joħroġ mill-garaxx tiegħu?

Response (BORG, IAN)

Infrastructure Malta bniet mill-ġdid u għamlet titjib f’aktar minn 750 toroq residenzjali u rurali minn kemm ilha li twaqqfet fis-sajf tas-sena 2018, li jfisser li lestiet medja t’aktar minn erba’ toroq fil-ġimgħa f’dawn l-aħħar snin. L-aġenzija tejbet il-kwalità ta’ dawn it-toroq fl-istess żmien li lestiet fost l-ikbar proġetti ta’ toroq arterjali u faċilitajiet marittimi f’pajjiżna, bħal Marsa Junction Project u l-Breakwater tal-Qrejten, f’Marsaxlokk, filwaqt li baqgħet għaddejja bi programm kontinwu ta’ tiswijiet u manuntenzjoni f’ħafna toroq oħrajn. Fil-lokalità ta’ l-Imqabba Infrastructure Malta diġà bniet mill-ġdid Triq il-Konvoj ta’ Santa Marija, Triq ġdida fi Triq Innoċenzju, Triq is-Serrer, Triq il-Familja Brincati, Sqaq Buħar, Sqaq tas-Sejba, Triq ix-Xatba l-Ħamra, Sqaq fi Triq il-Parroċċa u Triq tal-Isqof. Bħalissa qegħdin isiru Triq il-Belt Valletta kif ukoll Triq George Martin u Triq il-Ħajt tal-Matla li t-tnejn daqt ikunu lesti. Bħala xogħlijiet Triq il-Ħajt tal-Matla kellha tiġi ffurmata u anke nbnew ħitan, u ġew mgħoddijin sistemi ġodda taħt l-art għad-drenaġġ, ilma u servizzi ta’ telekomunikazzjoni qabel mhi se tinkesa bl-asfalt fil-jiem li ġejjin. Dan l-investiment biex titjieb il-kwalità tat-toroq se jissokta fis-snin li ġejjin bil-bini mill-ġdid t’aktar toroq fil-lokalitajiet madwar Malta biex nagħtu ambjent aħjar u kwalità ta’ ħajja aħjar lill-familji fil-lokalitajiet kollha f’pajjiżna.

Mqabba – bini ta’ ġibjun tal-ilma

Question

Jista’ l-Ministru jagħti l-assigurazzjonijiet tiegħu li ġibjun tal-ilma li inbena reċentement fl-Imqabba minn Infrastructure Malta ma ġiex ikkontaminat bid-dranaġġ wara li d-dranaġġ fil-Pjazza tal-Imqabba u t-toroq tal-madwar, faru fil-water culvert li jagħti għal ġo dan il-ġibjun?

Response (BORG, IAN)

Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ħadet kampjuni tal-ilma minn dan il-ġibjun biex jiġi stabbilit jekk hemmx kontaminazzjoni, u li dawn it-testijiet għadhom għaddejjin.

Raħal Ġdid — Knisja ta’ Sant Ubaldeska - ħidma

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20718, jista’ l-Ministru jgħid jekk fil-programm ta’ ħidma tas-sena li ġejja humiex ser isiru t-toroq madwar il-Knisja ta’ San Ubaldeska f’Raħal Ġdid?

Response (BORG, IAN)

Infrastructure Malta bniet mill-ġdid u għamlet titjib f’aktar minn 750 toroq residenzjali u rurali minn kemm ilha li twaqqfet fis-sajf tas-sena 2018, li jfisser li lestiet medja t’aktar minn erba’ toroq fil-ġimgħa f’dawn l-aħħar snin. L-aġenzija tejbet il-kwalità ta’ dawn it-toroq fl-istess żmien li lestiet fost l-ikbar proġetti ta’ toroq arterjali u faċilitajiet marittimi f’pajjiżna, bħal Marsa Junction Project u l-Breakwater tal-Qrejten, f’Marsaxlokk, filwaqt li baqgħet għaddejja bi programm kontinwu ta’ tiswijiet u manuntenzjoni f’ħafna toroq oħrajn. Apparti li Raħal Ġdid qed igwadi mill-proġetti multimiljunari li Infrastructure Malta wettqet fit-toroq arterjali partikolarment il-Marsa Junction Project u l-Mini ta’ Santa Luċija, bħala toroq residenzjali f’din il-lokalità diġà saru Triq Ġużeppi Agius, Triq iċ-Ċimterju, Triq il-Ġdida, Triq il-Prinċipessa Marija, Triq il-Qalb ta’ Ġesù, Triq il-Wied, Triq ix-Xewk, Triq Kordin, Triq M Moran u Triq Sammat, waqt li bħalissa qegħdin isiru wkoll xogħlijiet fi Triq is-Sorijiet u Triq Karl Chircop. It-toroq indikati qegħdin ikunu ppjanati mill-aġenzija biex isiru fiż-żmien li ġej, hekk kif l-investiment biex titjieb il-kwalità tat-toroq se jissokta fis-snin li ġejjin bil-bini mill-ġdid t’aktar toroq fil-lokalitajiet madwar Malta biex nagħtu ambjent aħjar u kwalità ta’ ħajja aħjar lill-familji fil-lokalitajiet kollha f’pajjiżna.

San Pawl il-Baħar – Triq San Ġużepp/Triq l-Iskola

Question

Jista’ l-Ministru jieħu azzjoni u jara x’kien il-kaġun u jaċċerta li nuqqas (anke jekk seta’ kien aċċident) bħal dan li jidher fir-ritratti li qed jingħataw separatament ma jerġax iseħħ peress li din is-sitwazzjoni ħolqot inkonvenjent lir-residenti li joqogħdu fil-viċinanzi tal-Iskola Primarja ta’ San Pawl il-Baħar kif ukoll lill-istudenti li jattendu fl-istess skola? (Triq San Gużepp / Triq l-Iskola)

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jitlob l-informazzjoni meħtiega lill-Ministru ikkonċernat.

Ministeru għat-Trasport l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali – proġetti marittimi f’Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi proġetti marittimi hemm ippjanati li jsiru mill-Ministeru tiegħu fil-gżira Għawdxija matul is-sena 2022 u fiex jikkonsistu u kemm huma ppjanati li jiġu jiswew kull wieħed minn dawn il-proġetti?

Response (BORG, IAN)

Infrastructure Malta twaqqfet sabiex twettaq il-pjan fit-tul tal-Gvern li pajji¿na jagħmel qabża kbira ’l quddiem fil-kwalità tal-infrastruttura ewlenija tal-pajjiż. Dan l-impenn ma jinkludix biss it-titjib tas-sistemi tat-toroq, iżda wkoll l-infrastruttura marittima fi xtutna. Fil-fatt, fil-bidu tal-2019 l-aġenzija ħadet f’idejha t-tmexxija tal-ħidma infrastrutturali li kienet twettaq Transport Malta fil-portijiet u x-xtut f’Malta u Għawdex. Fil-gżira Għawdixja, Infrastructure Malta tejbet il-faċilitajiet tas-sajjieda Għawdxin fil-Port tal-Imġarr. Dan il-proġett b’investiment ta’ €6 miljun b’fondi tal-Unjoni Ewropea kien jinkludi t-tħammil ta’ parti minn qiegħ il-baħar fil-port tal-Imġarr li għal snin twal tħalliet timtela b’ħama u materjal ieħor, kif ukoll il-bini mill-ġdid tal-mollijiet fil-Menqa tal-Port, l-inħawi li jużaw is-sajjieda. L-aġenzija nstallat erba’ puntuni ġodda u faċilitajiet oħrajn għal aċċessibilità aħjar, aktar sigurtà u iżed spazji ġodda fejn is-sajjieda jistgħu jorbtu d-dgħajjes u l-laneċ tagħhom għall-kenn tal-Port. B’organizzazzjoni aħjar tal-puntuni ġodda se jiżdiedu madwar 90 post ġdid għall-irmiġġ tad-dgħajjes ta’ sajjieda li ilhom snin twal jistennew li jingħataw spazju fejn jorbtu b’mod sigur l-opri tal-baħar li jaqilgħu l-għixien tagħhom minnhom. Il-proġett jinkludi wkoll faċilitajiet ġodda fejn is-sajjieda jkunu jistgħu jisseparaw u jarmu l-iskart li jiġi ġġenerat mill-ħidma tagħhom. B’hekk, dawn l-inħawi jkunu jistgħu jinżammu aktar indaf. Il-proġett se jgħin biex iż-żona tal-Menqa fill-Port tal-Imġarr tkun organizzata aħjar, u biex tidher isbaħ ukoll. Infrastructure Malta diġà għamlet ukoll xogħlijiet oħrajn mal-kosta Għawdxija, fosthom il-bini tal-moll għall-Fast Ferry, tiswijiet ta’ strutturi f’Imġarr ix-Xini u nbena wkoll mill-ġdid il-moll fil-Bajja ta’ Santa Marija, f’Kemmuna. Proġett ieħor li qed ikun ippjanat huwa l-bini mill-ġdid tat-tarf tal-mollijiet fejn jittrakka l-vapur t’Għawdex magħrufin bħala Jetty 2 u Jetty 3. Il-valur ta’ dan il-proġett huwa stmat li se jammonta għal madwar €1 miljun (VAT mhux inkluż). Fiż-żmien li ġej se jsiru wkoll tiswijiet estensivi jew jinbnew mill-ġdid l-iskal u l-moll ta’ Ħondoq ir-Rummien u l-iskal li hemm fil-Qbajjar li kollha jintużaw mill-pubbliku ġenerali, kif ukoll ser tinbidel ir-rampa minn fejn jiġu varati d-dgħajjes fid-Dwejra li tintu¿a anke minn kumpaniji li joffru servizzi għall-għaddasa u vjaġġi mal-kosta. Minbarra Infrastructure Malta, fil-gżira Għawdxija jsiru wkoll xogħlijiet marittimi mill-Ministeru għal Għawdex.

Xogħlijiet fuq il-mini prinċipali

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 22295 dwar ix-xogħlijiet fuq il-mini prinċipali, peress li fit-tweġiba ta’ żewġ faċċati li tani l-Ministru (u li għaliha nroddlu ħajr) ħalla barra parti essenzjali tad-domanda oriġinali, jistax il-Ministru issa jgħidli x’kienet l-ispiża globali u liema xogħol sar b’direct order jew le?

Response (BORG, IAN)

Kif diġà spjegajt b’mod dettaljat fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 22295, bħalma tagħmel f’kull proġett ieħor, Infrastructure Malta għamlet koordinazzjoni mal-entitajiet u kumpaniji tas-servizzi kollha qabel ma ġiet ippublikata s-sejħa għall-offerti tal-proġett tal-mini, u x-xogħlijiet li kienu mitluba minnhom ġew inklużi fis-sejħa għall-offerti. Madankollu, wara li kien diġà beda x-xogħol fuq is-siti, uħud mill-entitajiet rispettivi aġġornaw il-pjanijiet tagħhom u kien hemm il-ħtieġa li jiżdiedu xi xogħlijiet oħrajn għas-servizzi li ntalbu biex isiru wkoll mill-aġenzija. Peress li x-xogħlijiet addizzjonali għas-servizzi kienu se jgħaddu taħt uċuh ta’ bankini u asfalt ġodda, dawn saru bħala parti mill-proġett. Barra minn hekk, ix-xogħlijiet tal-kuntratt oriġinali kienu jirrikjedu li fil-fażi inizjali tal-proġett kellhom isiru tindif estensiv tal-ħitan tal-mini minn saffi ta’ nugrufun u ħmieġ li tħalla jinġema għal għexiern ta’ snin minħabba nuqqas ta’ manutenzjoni, kif ukoll testijiet u investigazzjonijiet fuq l-istrutturi, inkluż studju bl-użu ta’ radar (GeoRadar scanning). Wara t-tindif u l-investigazzjonijiet wieħed seta’ janalizza aħjar il-qafas tal-istrutturi tal-mini, tant li ġew identifikati ħsarat oħrajn fosthom xquq li kienu jirrikjedu interventi addizzjonali. Wara li ħarġet s-sejħa għall-offerti, Infrastructure Malta ġiet infurmata wkoll minn Transport Malta li s-sistemi li kienu speċifikati fl-offerta wkoll kellhom jiġu aġġornati biex ikunu konformi mas-sistema taċ-Ċentru Nazzjonali għall-Kontroll tat-Traffiku. Dawn is-sistemi ser jippermettu li l-mini jkunu iktar siguri permezz ta’ possibbiltà ta’ monitoraġġ kontinwu miċ-Ċentru Nazzjonali għall-Kontroll tat-Traffiku. L-ispiża ċċertifikata s’issa ta’ dan il-proġett tammonta għal €14,759,022.71 (VAT eskluża).

Ħaż-Żebbuġ – Triq l-Indipendenza – xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ix-xogħol ta' bini mill-ġdid ta' Triq l-Indipendenza, Ħaż-Żebbuġ (Malta) hux isir mal-livelli tat-triq oriġinali hekk kif inħarġu mill-Awtorità tal-Ippjanar? Barra minn hekk, jista’ jikkonferma jekk hux minnu li l-main tad-dranaġġ u l-main tal-ilma li saru f'din it-triq sar fil-wiċċ tat-triq u mhux skont il-fond stabbilit? Jista’ jikkonferma wkoll li qabel issir it-triq jiġu mgħoddija l-cables kollha tad-dawl biex wara li jingħata t-tarmak ma jkollhiex għalfejn terġa’ tinqala’ t-triq? X'inhi r-raġuni li għalkemm jgħaddi ħafna ilma tax-xita minn din it-triq, ma sarux culverts tal-ilma?

Response (BORG, IAN)

Qabel ma tibda x-xogħlijiet fi triq, Infrastructure Malta tikkonsulta bosta partijiet interessati biex ti¿gura li t-tijib ippjanat isir b’mod li jissodisfa rekwi¿iti differenti, ħalli b’hekk wieħed jieħu l-aħjar li jista’ mill-investiment li jsir u biex dan iservi aktar fit-tul. Entitajiet u kumpaniji li għandhom netwerks tas-servizzi tagħhom għaddejjin minn taħt l-art fit-toroq jiġu kkuntattjati biex jiċċekkjaw jekk l-infrastruttura tagħhom ikollhiex bżonn li tissaħħaħ jew tinbidel bħala parti mix-xogħlijiet tat-toroq ippjanati, u b’hekk jitnaqqas ir-riskju ta’ xogħlijiet oħrajn fl-istess toroq fil-futur previdibbli. Il-periti ta’ Infrastructure Malta huma wkoll f’kuntatt kostanti mal-Kunsilli Lokali, li jista’ jkollhom talbiet għal xogħlijiet addizzjonali biex isolvu sfidi speċifiċi li jiffaċċjaw ir-residenti taż-żona, jew biex jintroduċu faċilitajiet ġodda. Ix-xogħlijiet fit-triq indikata qegħdin isiru skont ma talbu l-entitajiet rispettivi u mal-livelli maħruġin mill-Awtorità tal-Ippjanar u dawk tas-servizzi mal-livelli mogħtijin mill-entità konċernata. F’din it-triq se jsiru wkoll xogħljiet fuq is-sistema għall-ġbir tal-ilma tax-xita.

Xogħol fit-toroq – sistema ta’ walter culverts

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li kull fejn isir xogħol ta' toroq mhux qed tiġi introdotta sistema ta' water culverts biex l-ilma tax-xita jinġabar u jkun jista’ jintuża mill-bdiewa għat-tisqija minflok jispiċċa jinħela fil-baħar, barra l-fatt li qed jgħarraq it-toroq tagħna bil-konsegwenza li malli tagħmel ħalba xita qed tinħoloq konġestjoni sħiħa tat-traffiku mal-pajjiż kollu?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta jikkonsultaw ma' diversi entitajiet meta jkunu ħa jagħmlu xi triq ġdida. Minn naħa tal-PWD fejn ikollhom xi nformazzjoni jew ta' xi culverts eżistenti,jew proposti ta' sistemi ta' stormwater ġodda li jkunu ħadmu fuqhom jew fejn ikun hemm possibilta’li jitqabbdu mall-Infrastruttura tal-NFRP, il-PWD jgħaddu din l-informazzjoni lil IM biex jikkunsidrawha fil-proġetti tagħhom. Is-sistemi li jikkontrollaw l-ilma tax-xita jitqiesu bħala element integrali u ndispensabli fid-disinn tat-toroq u l-proġetti proposti.