Legislature:
Category:
Reset
Active:

Silver T – Vjaġġi għall-magni tal-BCRS

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il vjaġġ sar sa issa mis-Silver T sabiex iwasslu lill-anzjani biex jagħmlu użu mill-magni tal-BCRS?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li bejn April 2023 u Diċembru 2024 is-Silver T għamel 221 vjaġġ f’Malta u 60 vjaġġ f’Għawdex sabiex iwasslu lill-anzjani biex jagħmlu użu mill-magni tal-BCRS.

L-Imsida — Dar tal-Anzjani

Question

Peress illi s-sit li fuqu kellha tinbena d-Dar tal-Anzjani tal-Imsida, qiegħed jintuża bħalissa mill-Infrastructure Malta bħala parkeġġ, jista’ l-Ministru jagħti dettalji meta ser jibdew ix-xogħlijiet għall-bini tad-dar tal-anzjani? Jista’ jagħti timeline ta’ meta din id-dar ser tkun qed titlesta u tintuża bħala dar tal-anzjani?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li x-xogħlijiet għall-bini tad-dar tal-anzjani tal-Imsida ser jibda wara li tiġi aġġudikata s-sejħa għall-offerti u jiġi ffirmat il-kuntratt. L-operatur għandu jlesti din id-dar fi żmien mija tmienja u sebgħin (178) ġimgħa bħalma hemm indikat fit-tender dettaljat li huwa fid-dominju pubbliku.

Sptar Mater Dei — Apparat/servizzi li jistgħu jinkrew mill-anzjani

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ apparat/servizzi li jistgħu jinkrew mill-anzjani mill-Isptar Mater Dei? Jista’ jgħid ukoll x’inhu l-ħlas relattiv?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva — Segretarjat għall-Anzjanità Attiva - Impjegati ġodda

Question

Jista' l-Ministru permezz tas-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda fid-Dekasteru tiegħu wara l-2022? Jista’ jgħid ukoll kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda wara Mejju tal-2024?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lil Onor. Interpellant jirreferi għall-mistoqsija parlamentari 22298.

Occupational Therapists

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ Occupational Therapists li ggradwaw dan l-aħħar u kemm minnhom ġew impjegati fi ħdan il-Ministeru tiegħu?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li kien hemm 11-il student li ggradwaw mill-kors ta’ Occupational Therapy. Għaxar (10) applikanti applikaw għall-post ta’ Allied Health Professional (Occupational Therapy) u dawn l-applikanti kollha ġew impjegati mal-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva.

Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva – Xiri ta’ MacBooks

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm membri tal-istaff fis-segretarjat tal-Ministeru tiegħu li nxtralhom MacBook minn fondi pubbliċi? Jista’ jgħid ukoll kemm kien jiswa kull MacBook u jgħid jekk il-MITA oġġezzjonatx għall-użu ta’ dawn il-MacBooks għax teknikament ma tagħtix support għalihom?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat illi mill-bidu ta’ din il-leġislatura sakemm qed titwieġeb din l-interpellanza inxtraw 3 MacBooks għall-użu ta’ staff fis-segretarjat tiegħi. Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-amministrazzjoni pubblika hija dejjem miftuħa għal kull teknoloġija speċjalment f’xogħolijiet speċifiċi li jirrikjedu teknoloġija differenti. Infurmat illi l-MITA mhux talli ma toġġezjonax għax-xiri ta’ dan l-apparat, talli qiegħeda f’diskussjoni biex tara li jkun offrut servizz ta’ sapport ċentrali għal dan it-tip ta’ apparat.

Mistura IRONP-C035 IRON PREPARATION SYRUP (Galfer 140mg/5ml oral solution)

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-mistura IRONP-C035 IRON PREPARATION SYRUP (Galfer 140mg/5ml oral solution) tinbiegħ mill-Isptar Mater Dei għall-prezz ta' Euro 27.07 mentri fi spiżerija barra minn l-isptar tinbiegħ Euro 7.50?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li ittieħdet l-azzjoni neċessarja u ġiet rimedjata s-sitwazzjoni.

ART clinic – Xogħlijiet ta’ rinnovazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'xogħlijiet ser ikunu saru fl-ART clinic fir-rinnovazzjoni li bħalissa qed issir?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nininsab infurmat li r-rinovar fis-Suite tat-Teatru tal-IVF u l-Laboratorji tal-Ipproċessar li jmissu miegħu kien jinkludi: 1. Żieda fil-footprint tal-Laboratorji tal-Ipproċessar biex jakkomodaw tagħmir ġdid state of the ART biex tiżdied il-kapaċità, biex tintlaħaq id-domanda. 2. Iż-żieda ta' Laboratorju tal-Ipproċessar ieħor – biex ikunu jistgħu jsiru servizzi kontinwi matul il-ħin obbligatorju ta' waqfien għall-proċeduri ta' validazzjoni. 3. L-istrutturar mill-ġdid komplet tal-internal environment fejn jidħlu air pressure cascades, air changes u air filtration biex tiġi żgurata l-kwalità u s-sigurtà f'konformità mal-ħtiġijiet stretti tal-Liċenzjar u r-Regolamentazzjoni. 4. Installazzjoni ta' tagħmir u strumenti ta' monitoraġġ biex tiġi protetta s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema u tal-ongoing processes. 5. Tibdil tat-tagħmir (equipment) kritiku - total ta' 22 sejħa għal tender ġew ippubblikati għal 92 biċċa tagħmir - kollha ġew awarded. 6. Sar Reklutagg u taħriġ ta' personnel ġdid, qed nibnu fuq it-Talent Malti u nippromwovu Professjoni ġdida - dik tal-Clincial Embryologist. Erba' (4) Embryolgist Trainees Maltin qed jieħdu taħrig. Waħda minnhom laħqet kompetenza sħiħa - oħra hija fl-aħħar sena tagħha biex tikkonkludi fl-2025 u oħrajn (2) għandhom ilestu t-taħriġ fl-2026.

Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva — Impjegati ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda fil-Ministeru wara l-2022? Jista’ jgħid ukoll kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda wara Mejju tal-2024?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22282.

Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva – Impjegati li għalqu l-età tal-pensjoni u li għadhom fl-impjieg

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati fi ħdan il-Ministeru tiegħu u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, li għalqu l-età tal-pensjoni u li għadhom fl-impjieg fuq kuntratt definit, jew fuq service contracts, u meta ġew ingaġġati u f'liema grad? Jista’ jgħid ukoll jekk saritx sejħa pubblika għall-applikazzjonijiet?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 21459.

Għoti ta’ demm — Persuni li għexu l-Ingilterra

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi kundizzjonijiet partikolari fuq persuni li għamlu perjodu jgħixu fl-Ingliterra qabel l-1996, biex jagħtu d-demm? Jista’ jgħid x’inhuma dawn ir-restrizzjonijiet u għaliex għadhom jgħoddu wara kważi 30 sena? Jista’ jgħid ukoll jekk il-Ministeru hux jikkonsidra li jneħħi dawn ir-restrizzjonijiet, u jekk le, kif qed jiġi assigurat li min jagħti d-demm fil-fatt ma jkunx għex l-Ingliterra qabel l-1996?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li kull persuna li għexet fir-Renju Unit għall-perjodu ta’ bejn l-1980 u l-1996 mhux eliġibbli li jagħti d-demm f’Malta. Dan minħabba t-tul tal-perjodu ta’ inkubazzjoni assoċjat mal-mard tal-Creutzfeldt-Jakob Disease (CJD). Ninsab infurmat ukoll, il-Malta National Blood Transfusion Service qed tagħmel evalwazzjoni jekk din ir-restrizzjoni għadix tgħodd. Dan qed isir flimkien ma’ kollegi oħra Ewropej u qegħdin jistennew gwida mill-EDCD u European Medicines Authority fuq ir-restrizzjoni ta’ donaturi minħabba r-riskju tat-trasmissjoni tal-vCJD.

Transgender services — Fondi mnaqqsa

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 22578 u jgħid fuq liema kuntest naqsu bin-nofs il-fondi għal transgender services mill-Baġit 2024 għal Baġit 2025?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-fondi allokati għas-sena 2025 huma suffiċjenti għas-servizzi kollha li huma ppjanati. Dawn ma jinkludux is-salarji tal-professjonisti għax dawn jitħallsu minn line votes oħra.

Sptar Mater Dei — Livell -1 - Testijiet fuq il-kwalità tal-arja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk qatx saru testijiet fuq il-kwalità tal-arja u preżenza ta' moffa fi kliniċi u swali li jinsabu fil-livell -1 fl-Isptar Mater Dei? Jista’ jgħid ukoll fejn saru u meta?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li t-testijiet fuq il-kwalità tal-arja u preżenza ta' moffa issir fit-Teatri tal-operazzjonijiet kollha fl-Isptar Mater Dei.