Jista' l-Ministru jikkonferma li qiegħda issir ħsara fl-arbli tad-dwal ġodda li twaħħlu fil-pjazza quddiem il-parlament minħabba dħul ta' ilma fihom?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li id-Direttorat huwa konxju mill-problema ta’ dħul ta’ ilma tax-xita fil-luminaires ta’ dawn l-arbli. Il-kuntrattur kien infurmat u diġa għamel xi xogħol rimedjali f’Ġunju. Jidher li wara l-aħħar xita tfaċċaw xi probblemi ohra u d- Direttorat qed isegwi mal-kuntrattur biex dawn jiġu riżolti. Il-Ministeru jirriserva kull dritt li jieħu l-passi kollha, nkluz dawk legali, sabiex tissolva l-problema.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru, jew l-uffiċċji tad-Dipartiment tal-Agrikoltura rċevewx rapporti ta' ħsarat sostanzjali li saru lill-uċuħ tar-raba' f'xi nħawi ta' Malta, b'riżultat tas-silġ kbir li għamel xi ġranet ilu fin-naħa ta' Fuq ta' Malta? Jekk kien hemm rapporti dwar dawn il-ħsarat, jista' jagħti tagħrif dwar x'irriżulta minn dawn il-ħsarat?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li din il-ġimgħa wasal rapport minn għand bidwi mill-Mellieħa. Dan ir-rapport ġie riferut lid-Direttorat kkonċernat.
Jista' l-Ministru jwieġeb l-aħħar parti tal-mistoqsija parlamentari 20001 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment u li ġew riferu lilu u jgħid jekk sarux xi rapporti min-naħa tiegħu dwar l-operat tal-Arms Ltd kemm ilha li twaqqfet? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport li ġie mħejji minnha?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat illi l-MRA bħala regolatur ikkomunikat u ġibdet l-attenzjoni tal-uffiċjali ta’ ARMS Ltd kull meta rċeviet xi lment jew kull meta ġew rappurtati fil-media ilmenti dwar l-operat tal-istess kumpannija u l-MRA għadha qed tagħmel follow-up.
Jista' l-Ministru jgħid għalfejn il-posts ta' diretturi fil-Ministeru tiegħu li ilhom vakanti sa mis-sena 2008 jew qabel, għadhom vakanti sal-lum? Jista' jgħid min qed jieħu r-responsabilità ta' dawn il-karigi fin-nuqqas ta' diretturi appuntati?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li f’dawn il-posts li qed issir riferenza għalihom, ma mtliet l-ebda vakanza fl-aħħar sejħa li ħarġet.
Fid-Direttorat tal-Agrikoltura, l-aktar uffiċjal anzjan inħatar Aġent Direttur, filwaqt li fid-Direttorat tal-Parks, Afforestazzjoni, Restawr tal-Kampanja u Inizjattivi, l-aktar uffiċjal anzjan qiegħed jaqdi l-funzjonijiet ta’
Deputising Director
.
Fir-rigward tal-post ta’ Direttur (Regolazzjoni Veterinarja), r-responsabilità waqgħet fuq id-Direttur Ġenerali. Fl-2010, ġie deċiż li toħroġ sejħa li baqgħet ma mtlietx.
Jista' l-Ministru jikkonferma li meta bastiment jitkisser, il-permess għas-sajd tat-tonn li kien hemm fuq il-bastiment jiġi irtirat? Jekk ir-risposta hija fl-affermattiv, jista' l-Ministru jeskludi li kien hemm min kisser il-bastiment l-antik tiegħu u dan l-istess permess għas-sajd tat-tonn ġie trasferit fuq il-bastiment il-ġdid li jkun bena? Jista' jikkonferma li bastimenti ġodda li nbnew ma ngħatawx għajnuna qabel ma jgħaddu ħames snin? Jekk ir-risposta hija fl-affermattiv, jista' l-Ministru jeskludi li kien hemm min ingħata din l-għajnuna nonostante li l-bastiment tiegħu kien wieħed ġdid?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li meta bastimenti jitkissru l-liċenzja tas-sajd tal-bastiment tiġi rtirata u ebda transferiment ma jiġi aċċettat. Sid jista’ jdawwar liċenzji speċjali ta’ sajd bħal dik tat-tonn fuq bastimenti oħra qabel ma japplika għat-tkissir. Dan kien possibli taħt l-iskemi li kien inħargu taħt L-FIFG 2004 – 2006. Peress li taħt il-program preżenti, EFF 2007 – 2013 hemm sforz biex jitnaqqsu il-bastimenti li jistadu għat-tonn, minkejja li l-liċenzji speċjali tat-tonn setgħu jiġu trasferiti fuq bastimenti oħra dan kien innaqas il-punti għal-fini tal-iskema tat-tkissir.
Il-bastimenti li jkunu rċevew assitenza mill-iskemi ta’ mmodernizzar u tiġdid tal-flotta taħt il-programm tal-Fondi Strutturali iridu jħallsu lura l-għotja li inghataw fuq bażi ta’
pro rata temporis
biex jikkwalifikaw għall-iskema ta’ għajnuna tat-tkissir
.
Sabiex ikun eligibbli u jikkwalifika għall għajnuna tat-tkissir, bastimenti jrid ikollhom aktar minn 5 snin u ma kienx hemm min ingħata din l-għajnuna fuq l-bastiment li kien wieħed ġdid.
Jista' l-Ministru jgħid xi protezzjoni qed ikollhom is-sajjieda Għawdxin minn sajjieda Tuneżin li qegħdin kontinwament jidħlu fuq iċ-ċimi tagħhom u jaqbdu l-ħut li jkun hemm magħhom u jaqtgħu ċ-ċima?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li meta d-Dipartiment tas-Sajd jirċievi xi lment minn sajjieda Maltin jew Għawdxin, jikteb lil Ambaxxata tat-Tuniżja permezz tal- Ministeru tal-Affarijiet Barranin bid-dettalji tal-bastiment tuneżin biex l-awtoritiajiet Tuneżin jieħdu azzjoni kontra dawn il-bastimenti. Il- ġewwa mill -25mil il-Forzi Armati jistgħu jieħdu azzjoni kontra kull bastiment mhux Malti però l- barra mill 25 mil, li jiġi kunsidrat ‘international waters’ il-Forzi Armati ma jistgħux jieħdu azzjoni fuq dghajjes li mhumiex Maltin.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 20706, 20435 u 19754 u jagħti informazzjoni dwar kemm-il kuntratt ta' pubbliċità (advertising fil-media kollha) ngħata mill-ministeru tiegħu u minn kull entità jew kumpanija li taqa' taħt id-dekasteru tiegħu? Kemm hu l-ammont (consideration) ta' kull kuntratt? B'liema modalità ġie mogħti kull kuntratt ċioe jekk hux b'direct order jew b'offerta pubblika jew b'mezz ieħor permess mir-regolamenti finanzjarji? Lil min ingħata kull kuntratt, lil xi kumpanija jew xi individwu? Jista' jagħti l-informazzjoni mitluba għas-snin 2008, 2009 u sa Awwissu 2010?
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 20723 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra pjanta dettaljata tal-family park li hu proġettat li jinbena f'Wied il-Għajn? Meta se jibda x-xogħol? Fiex se jkun jikkonsisti dan il-park?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Il-pjanta qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Rigward l-aħħar żewġ mistoqsijiet nirreferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija numru 20774.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux se jitħallsu r-raħħala li mmoddernizzaw l-irziezet u kemm għad baqa’ minnhom li s’issa qatt ma ħadu ewro? X’qed jistenna biex iħallashom?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob l-Onor. Interpellant jispeċifika għal-liema għajnuna qed jirreferi.
Jista l-Ministru jgħid meta se jibni l-impjant biex jipproduċi l-enerġija u l-fertilizzant minn demel tal-irziezet u b’hekk tinqata’ l-inkonvenjenza tal-irwejjaħ minn xi rħula li jzommu d-demmiela?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat illi l-bini tal-impjant li qed jirreferi għalih l-Onor. Membru huwa stipulat fl-istrateġija għall-Immaniġjar tal-Iskart. Beda l-proċess tal-istudji għall-Environmental Impact Assessment (EIA) u tad-disinn tekniku. Huwa mistenni li sa tard is-sena d-dieħla jiġi approvat l-istudji tal-EIA u jinħarġu l-permessi neċessarji. Kif jinħareġ il-permess joħorġu t-tenders għall-iżvilupp ta’ dan l-impjant. Huwa mistenni li l-impjant jkun mibni sal-bidu tal-2014.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm qed jinġabar skart organiku domestiku mil-lokalitajiet ta’ Malta u Għawdex? X’qed isir minn dan l-iskart organiku u jekk il-gvern hux qed jaħseb biex jipproduċi enerġija minnu?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat illi l-ammont ta’ skart organiku li jirrużulta minn dak domestiku li nġabar mill-Kunsilli Lokali sa l-aħħar ta’ Settembru 2010 kien 68,000 tunellata. L-ewwel impjant li se jkun jittratta l-iskart organiku sabiex permezz ta’ digestors tiġi ġġenerata l-enerġija huwa dak ta’ Sant Antnin.
karti, kartun, plastik, ħadid ħġieġ u batteriji użati miġbura
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm inġabru tunnellati ta’ karta u kartun, plastik, ħadid, ħġieġ, batteriji użati fl-ewwel disa’ xhur ta’ din is-sena u kif dan jipparaguna mal-istess perjodu tas-sena li għaddiet?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat illi bejn Jannar u Settembru ta’ din is sena inġabru 8099.24 tunnellata filwaqt li fl-istess perjodu fis-sena 2009 inġabar 4585.44 tunnellata. Jiġifieri żieda ta’ 77%.
WasteServ — rapport fuq il-livelli ta' diosina u persistant organic pollutants
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19801, nixtieq niġbed l-attenzjoni li kont qed nitlob għar-rapport li sar fl-2002, jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport li ġie anness mal-applikazzjoni sabiex jinġabru l-fondi sabiex jiggustifikaw id- de-gassing ta’ diosina u l-persistant organic pollutants?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li r-rapport li ġie sottomess mal-applikazzjoni għall-fondi huwa dak li għalih saret riferenza fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19801.
Rapport ta' moniteraġġ tal-persistant organic pollutants
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19801 u 19802, jista' l-Ministru jgħid jekk kienx l-istess kuntrattur li ċċertifika li s-sustanzi imsemmija fl-ambjent tal-madwar, naqas 99%? X’tip ta’ Quality Assurance Practice ġew addottati u li għadhom fis-seħħ s’issa?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat illi l-figura ta’ 99% li waslet għaliha l-WasteServ tirriżulta minn kalkolu tal-emissjonijiet li tkejlu qabel sar il-proġett u dawk li tkejlu dan l-aħħar. Ix-xogħol tal-kuntrattur kien iċċertifikat minn konsulenti indipendenti. Il-Quality Assurance practice li ġiet addottata f’dan il-qasam hija permezz ta’ kejl ta’ emissjonijiet b’mod regolari.
Billi s-siġar li hemm matul it-triq li tieħu minn ħdejn Kennedy Grove għall-Qawra (Qawra Road) illum sar fihom daqs sodisfaċenti biex jiġu mżejna għaż-żmien tal-Milied, jista' l-Ministru jieħu l-inkarigu li għal dan il-Milied dawn l-istess siġar jiġu mżejna bid-dwal kif jiġri f'numru ta' siġar oħra madwar Malta?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li t-triq li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant taqa taħt ir-responsabilta tal-Kunsill Lokali u għaldaqstant nissuġerilu jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat. Il-Ministeru tiegħi mhux normail li jagħmel xogħol bħal dan.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 19786 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid x'kienet l-ispiża li ntnefqet matul l-ewwel disa' xhur ta' din is-sena b'mod separat f'xogħlijiet fuq dawn il-proġetti:
a)
promenade
ġdida f'San Pawl il-Baħar;
b) ġnien u heritage trail f'Pembroke; u
ċ) visitor attraction fil-Qawra?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li dawn huma proġetti tal-MTA u għaldaqstant nissuġerilu jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid meta ġie kkumissjonat is-2nd Communication of Malta to the UNFCCC? Meta tlesta? Meta ġie preżentat lill-Ministeru? X'kienu l-problemi ta' stampar li allegatament inqalgħu? Meta ġie preżentat lill-Ġnus Magħquda kif suppost? Meta se jkun in public domain f'pajjiżna?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nirreferi l-Onor. Interpellant għat- tweġibiet tal-mistoqsijiet numri 7340 u 18828. Jien infurmat lis-2nd Communication of Malta to the UNFCCC ġie kkumissjonat fil-11 ta Lulju 2007. Tlesta fl-1 ta’ Lulju 2010 u ġie ppreżentat lill-Ministeru fit- 8 ta’ Lulju 2010. Il-ko-ordinament tal-proġett li wassal għat-tfassil u l-istampar tad-dokument finali kien f’idejn grupp t’esperti kkoordinat mill-universita ta’ Malta. Dan ġie preżentat lill- UNFCCC fit- 13 ta’ Lulju 2010 u diġa jinsab fuq is-sit tal-UNFCCC u l-MRRA.