Legislature:
Category:
Reset
Active:

Awtorità tal-Komunikazzjoni ta' Malta — direttorju tat-telefown

Question

Jista' l-Ministru, permezz tal-Awtorità tal-Komunikazzjoni ta' Malta, jara li jkun ippubblikat direttorju tat-telefown aġġornat qabel ma jilħqu jgħaddu tmien snin mill-aħħar wieħed fl-2004?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li fid-deċizjoni tagħha ta' April 2010, l-MCA stiednet entitajiet li huma interessati jipprovdu d-direttorju tat-telefon fuq linja fissa, biex jissotomettu l-espressjoni tal-interess tagħhom sat-30 ta' Ġunju 2010. L-awtorità irċeviet tlett applikazzjoniet iżda minħabba numru ta' nuqqasijiet, it-tliet applikanti ġew skwalifikati f'Awwissu 2011. Peress li fid-deċizjoni imsemmija aktar kmieni hemm stipulat li f'każ li ma jkunx hemm espressjonijiet ta' interess, jew l-applikazzjonijiet ma jkunux validi, GO plc għandha tiġi awtomatikament maħtura biex tipprovdi dan is-servizz universali, l-MCA immedjatament bdiet tiddiskuti ma' GO plc biex jigi stabilit kif dan is-servizz sejjer jiġi pprovdut. Bħalissa dawn id-diskussjonijiet qegħdin f'livell avvanzat, u l'Awtorita' qed tagħmel l-għalmu tagħha kollu biex dan is-servizz jiġi pprovdut fi żmien qasir, imma jrid jiġi ikkunsidrat il-kumplessita' u l-ispejjeż sostanzjali li hemm involuti biex dan is-servizz jiġi provdut.

Għawdex — Rabat - Triq Putirjal - zebra crossing

Question

Peress li fi Triq Putirjal ir-Rabat, Għawdex saret zebra crossing ġdida, imma din la għandha dwal u anqas tabelli u kif ukoll ż-żebgħa ta' mal-art kważi marret u dan kollu qed joħloq sitwazzjoni perikoluża għan-nies fit-triq, jista' l-Ministru jara li din ż-zebra crossing issir skont il-liġi?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru.28398.

Għawdex — Xagħar - stages tal-Arriva

Question

Peress li r-residenti ta' Triq Srug u Triq Qortin fix-Xagħra, Għawdex qed jilmentaw għaliex m'hemm l-ebda stage tal-Arriva u s-servizz ma joperax f'dawn l-inħawi b'inkonvenjent għar-residenti, jista' l-Ministru jara li dan in-nuqqas jiġi ndirizzat?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li minn verifiki li saru minn Transport Malta, fix-Xagħra m'hemm l-ebda triq bl-isem Triq il-Qortin. Jekk il-mistoqsija tirrigwarda Triq Srug u Triq il-Kortoll, ninsab nfurmat li qabel ma saret r-riforma fit-trasport pubbliku qatt ma kien hemm servizz lejn dawn in-naħat tax-Xagħra. Transport Malta se tevalwa din it-talba.

Għawdex — problema biex it-tfal jaslu d-dar

Question

Peress li in vista tar-riforma tat-trasport pubbliku ħafna tfal f'diversi rħula f'Għawdex qed ikollhom problemi biex jirritornaw id-dar, jista' l-Ministru jgħid u jispjega x'inhu jiġri u kif dawn it-tfal jitwasslu d-dar kif kien jiġri qabel ir-riforma?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-riforma fit-trasport pubbliku ma kinitx tkopri s-servizz tat-trasport għat-tfal tal-iskola. Nitlob lill-Onor Interpellant tagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Għawdex — karozzi tal-linja għaċ-Ċirkewwa

Question

Peress li ħafna Għawdxin u studenti jispiċċaw mix-xogħol u mill-Università fil-5.00pm, peress li qabel ir-riforma kien hemm trasport għaċ-Ċirkewwa f'dawk il-ħinijiet u issa qed ikollhom jistennew kważi siegħa oħra, peress li dan qed joħloq inkonvenjent speċjalment issa li dieħla x-xitwa, jista' l-Ministru jara li dan l-inkonvenjent jiġi indirizzat?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li mill-Interchange ta' Mater Dei li jservi ukoll l-Università, is-servizz X1 hu skedat li jitlaq fil-17:08 biex jikkonnetti mal-vapur tas-18:00 u fis-18:08 biex jikkonnetti mal-vapur tas-19:30. Ninsab infurmat ukoll li mill-venda tal-Belt Valletta is-servizz X6 hu skedat li jitlaq fil-16:50 biex jikkonnetti mal-vapur tas-18:45 u fis-17:50 biex jikkonnetti mal-vapur tas-19:30. Ninsab infurmat ukoll li mis-6 ta' Novembru li ġej is-servizz 41 mill-Belt Valletta saċ-Ċirkewwa se jkun skedat jitlaq fil-17:00, fil-17:10, fil-17:20, fil-17:30, fis-17:40 u fis-17:50. Dan is-servizz iservi ukoll il-waqfa "Kulleġġ" fl-Imsida.

Transport Malta — reserved parking għall-ġenituri ta' tfal bid-down syndrome

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux minnu li hemm proċedura li permezz tagħha Transport Malta ma tippermettix permessi għal reserved parking lill-ġenituri ta' tfal li għandhom id-down syndrome bl-iskuża li dawn kapaċi jimxu?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li wieħed mill-kriterji ta' eliġibilità għal parkeġġ riservat għal persuni b’diżabilità huwa li l-persuna konċernata għandha problemi severi ta' mobbiltà. Il-kriterji ma jiddiskriminawx fuq bażi ta' tip ta' diżabilità.

Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni — informazzjoni dwar l-impjegati

Question

Jista' l-Ministru jagħti rendikont ta' kemm daħlu impjegati fid-dipartimenti u l-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu, f'liema rwoli u b'liema salarji mill-2004 sal-lum? Jista' jgħid jekk humiex Maltin jew barranin? Jista' jgħid minn liema lokalitajiet ġejjin? Għall-istess perjodu, jista' jgħid kemm irtiraw, irriżenjaw u tkeċċew nies mill-istess dipartimenti u entitajiet?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Traffic Impact Assessment fuq il-Proġett tal-Baċir Nru 1 u Xatt ir-Risq

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tat-traffic impact assessment marbut mal-Proġett tal-Baċir Nru 1 u Xatt ir-Risq?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li t-traffic impact assessment marbut mal-Proġett tal-Baċir Nru 1 u Xatt ir-Risq ma sarx għax ma kienx mitlub biex jinħareg il-permess tax-xogħlijiet.

Grand Harbour Regeneration Consortium — benefiċċji tal-membri

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-membri li jiffurmaw il-Grand Harbour Regeneration Consortium? Jista' jgħid ukoll x'inhuma s-salarji u l-benefiċċji oħra ta' kull wieħed minnhom?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru.28476.

Environment Impact Assessment mal-Proġett tal-Baċir Nru 1. u Xatt ir-Risq

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-environment impact assessment marbut mal-Proġett tal-Baċir Nru 1 u Xatt ir-Risq?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru.26517.

Tender għad-disinn tal-bini ta' Baċir Nru 1

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta ħarġu t-tenders għad-disinn tal-bini li hemm f'Baċir Nru 1? Jista' jgħid ukoll jekk dan it-tender għalaqx? Jekk fl-affermattiv, jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti li rebħu t-tender?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jindika għal liema bini qed jirreferi.

Fire extinguisher fil-vetturi kummerċjali

Question

Billi l-vetturi, u b'mod partikolari l-vetturi kummerċjali, huma obbligati li jkollhom fire extinguisher fuq l-istess vettura, iżda mhux kollha jkunu hekk attrezzati, jista' l-Ministru, permezz ta' Transport Malta, jorganizza kampanja ta' informazzjoni dwar dan is-suġġett, biex jiġu evitati problemi żejda bejn xufiera u dawk li jwettqu l-enforcement dwar dan il-punt?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għaddejt is-suġġeriment tiegħu lil Transport Malta.

Car Parks pubbliċi

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk għandux il-ħsieb li l-car parks pubbliċi jagħtihom lill-privat? Liema huma dawn il-car parks u meta se jibda l-proċess biex isir dan?

Response (GATT, AUSTIN)

Waqt li ninnota illi l-car parks pubbliċi huma diġà f'idejn il-privat, imma l-gvern ma jdaħħalx sold minnhom minkejja li l-privati li jamministrawhom jeżiġu ħlas minn min jużahom u ma jagħti ebda riċevuta, ninsab infurmat li Transport Malta u l-Ministeru għall-Infrastruttura u Kommunikazzjoni (MITC) bdew diskussjonijiet mar-rappreżentanti tal-car park attendants sabiex jiġi riformat dan is-settur. Dawn id-diskussjonijiet għadhom fi stat bikri.

Għawdex — Skola tas-sewqan

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk persuni li għandhom skola tat-taħriġ biex jgħallmu studenti jsuqu jistgħux jitilgħu ġewwa il-gżira t'Għawdex jgħallmu il-karozzi/trakkijiet/vannijiet u vetturi oħra u sussegwentement ikunu jistgħu jtellgħu l-istess studenti tagħhom għat-test tas-sewqan ġewwa Għawdex stess?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li m’hemm l-ebda restrizzjonijiet fuq fejn isir it-tagħlim tas-sewqan. Rigward it-testijiet, f’Għawdex twaqqaf post għat-testijiet tas-sewqan sabiex b’hekk jiġi evitat li residenti t’Għawdex ikollhom jinżlu Malta sabiex jagħmlu t-test tagħhom. Din il-faċilità qatt ma kienet intenzjonata biex tintuża mill-Maltin għaliex dawn diġà moqdijin hawn Malta stess. Madanakollu, m’hemm xejn li jwaqqaf lill-Maltin milli jitilgħu jagħmlu t-test tas-sewqan f’Għawdex, però l-Għawdxin jingħataw prijorità meta jiġu bbukjati t-testijiet tagħhom peress li l-istess testijiet f’Għawdex isiru fi ġranet limitati kull ġimgħa, għall-kuntrarju ta’ dawk li jsiru f’Malta li huma skedati kull jum.

Għawdex — Rabat - Triq Putirjal - sinjal ta' parkeġġ

Question

Peress li fi Triq Putirjal fir-Rabat, Għawdex m'hemm ebda senjalitika li tindika l-parkeġġ, jista' l-Ministru jara li din is-senjaletika ssir?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li fi Triq Putirjal hemm l-kaxxi tal-parkeġġ u ma baqa' imkien iktar fejn jiżdiedu iktar kaxxi. Ninsab infurmat ukoll li jeżistu restrizzjonijiet ta' parkeġġ fit-triq, madanakollu dawn ma sarux minn Transport Malta.

PC leasing tender — suppliers

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 27706 u ċioe: Dwar il-PC leasing tender il-kbir li nħareġ ftit xhur qabel l-elezzjoni ġenerali li għaddiet, jista' l-Ministru jgħid jekk l-obbligi kuntrattwali ta' kull supplier ġewx onorati minn dak iż-żmien 'l hawn? F'dawk il-każijiet fejn dan ma kienx il-każ, jista' jgħid liema kienu d-ditti li ma żammewx mal-ftehim u x'passi ttieħdu dwar dan?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-obbligi kuntrattwali ġew onorati kollha ħlief għal kwistjoni waħda li tikkonċerna l-bidla ta’ dawk il-batteriji li ma baqgħux jipprovdu uptime skont l-ispecifications tal-kuntratt. Il-kuntratt jipprovdi li l-batteriji għandhom ikollhom uptime minimu ta’ tliet siegħat. Dawk il-batteriji li qegħdin jipprovdu uptime ta’ inqas minn tliet siegħat qed jiġu mibdulin mill-kuntratturi.

konsulenza dwar ir-rotot tat-trasport pubbliku — ħlas lura

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk Transport Malta jew il-Gvern hux beħsiebu jfittex li jieħu lura l-flus li ħallas għall-konsulenza dwar ir-rotot tat-trasport pubbliku?

Response (GATT, AUSTIN)

Le, anki għaliex hemm l-eżempju tal-flus imħallsa mill-amministrazzjoni Laburista tal-1996/1998 fil-każ tas-CET.

tibdliet fis-sistema tat-trasport pubbliku — effett finanzjarju

Question

Fid-dawl tal-fatt li fl-aħħar xhur tħabbru mill-anqas ħames tibdliet fis-sistema tat-trasport pubbliku, jista' l-Ministru jagħti d-dati tal-bidliet u jgħid x'effett finanzjarju kellha kull bidla fuq Transport Malta u/jew il-Gvern u x'effett finanzjarju kellha kull bidla fuq l-Arriva? Jista' jgħid ukoll x'effett kellha kull bidla fuq l-ammont ta' karozzi fil-flotta?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

timed parking estiż għall-Ħdud u l-festi

Question

Billi l-Awtorità dwar it-Trasport approvat diversi inħawi li fihom hemm timed parking, ħafna drabi quddiem postijiet tan-negozju, jista' l-Ministru jara li l-istess awtorità tinvestiga l-possibilità li fejn dawn il-ħwienet jiftħu ukoll nhar ta' Ħadd, u fil-festi pubbliċi, l-istess skema ta' parkeġġ tkun estiża għal dawn il-jiem ukoll?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-ħin u l-ġranet stipulati għal kull skema ta' parkeġġ ikkontrollat tar-residenti ġeneralment huma kif rakkmandati mill-kunsill lokali rispettiv li jista' wkoll jagħmel talba lil Transport Malta għal reviżjoni tal-ħinijiet jew ġranet meta għandha tapplika l-iskema.

Transport Malta — policies fuq parking spaces

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Transport Malta biddlitx il-policies tagħha għal dawk li huma parking spaces li jiġu użati minn residenti, permezz ta' residents' parking schemes? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk l-istess awtorità hux mistennija li tkompli tbiddel l-istess policies fiż-żmien li ġej?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li Transport Malta m’għamlet l-ebda tibdil fil-policies tagħha fir-rigward ta' parkeġġ ikkontrollat għar-residenti. Jekk kellu jkun hemm tibdil, dan isir wara konsultazzjoni pubblika.