Legislature:
Category:
Reset
Active:

Uniformijiet fl-Iskejjel

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhi l-politika tal-Ministeru biex jintgħażlu dawk li se jissuplixxu uniformijiet lill-iskejjel li jaqgħu taħt id-diversi kulleġġi statali?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li l-politika tad-Direttorat għal Servizzi Edukattivi minn Novembru ta’ 2007 hija li meta skola/skejjel f’kulleġġ ser ikollha/hom uniformi ġdida l-kulleġġ joħroġ tender bl-ispeċifikazzjonijiet ta’ l-uniformi u dan it-tender jinħadem skond ir-regolamenti stabbiliti. Minn Novembru 2007 ħarġu żewġ tenders li wara li nħadem il-proċċess kollu ntagħżlu min ser jissuplixxi l-uniformijiet ta’ l-iskejjel indikati.

Ħatra tal-uffiċjali edukattivi — proċess

Question

Tista' l-Ministru tgħid fiex wasal il-proċess tal-ħatra ta' l-uffiċjali edukattivi, suġġett b'suġġett u kemm inħatru kull suġġett? Kemm applikaw u b'liema kwalifika? Kemm inħatru u b'liema kwalifiki? X'kienu l-kriterji f'kull każ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Informata li l-proċess tal-ħatra ta’ l-uffiċjali edukattivi tlesta. Inħatru 21 uffiċjal: 1. Adult Education 1 2. Arabic 1 3. Basic Skills - 4. Biology 1 5. Chemistry 1 6. Computer Studies 1 7. eLearning 1 8. Early Childhood 1 9. Geography - 10. ICT - 11. Inclusive & Special Education 2 12. Maltese 1 13. Media 1 14. Music 1 15. PE 1 16. Physics 1 17. Primary 2 18. PSD 2 19. Religion 2 20. Science - 21. Social Studies 1 Applikaw 70 u l-applikanti kollha kienu eliġibbli skond is-sejħa għall-applikazzjoni tal-Gazzetta tal-Gvern bid-data 20 ta’ Ottubru 2007. Inħatru 21 bil-kwalifika skond is-sejħa għall-applikazzjoni tal-Gazzetta tal-Gvern bid-data 20 ta’ Ottubru 2007. Il-kriterji kienu skond is-sejħa għall-applikazzjoni tal-Gazzetta tal-Gvern bid-data 20 ta’ Ottubru 2007 (kopja tal-paġni relevanti se titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra).

Skejjel primarji F'Malta u f'Għawdex — Junior Lyceum

Question

Tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-iskejjel primarji kollha ta' Malta u Għawdex? F'kull skola kemm kien hemm studenti li kienu fl-età li joqogħdu għall-eżami tal-Junior Lyceum? Kemm fil-fatt qagħdu għall-eżami? Kemm għaddew studenti fis-suġġetti kollha?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Skejjel Primarja streamed

Question

Tista' l-Ministru tgħid f'kull skola primarja ta' Malta u Għawdex kemm għandna klassijiet sena b'sena (year 1, year 2 eċċ)? F'dawn l-iskejjel kemm għandna klassijiet li huma streamed u kemm klassijiet li mhumiex streamed?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li n-numru ta’ klassijiet fl-iskejjel primarji ta’ Malta u Għawdex kif ukoll in-numru ta’ klassijiet li huma streamed u dawk li m’humiex streamed huw kif muri hawn taħt: Year1 Year 2 Year 3 Year 4 Year 5 Year 6 Year 7 Numru ta’ Klassijiet 120 115 116 129 127 134 11 Streamed - - - 12 111 124 - Mhux Streamed 120 115 116 117 16 10 11

Postijiet vakanti fl-iskejjel primarji u sekondarji

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm postijiet vojta segretarjali, klerikali, amministrattivi u ta' personnel inkarigat mit-tindif u manutenzjoni fl-iskejjel primarji u sekondarji f'Malta u f'Għawdex? Meta se jintlew dawn il-postijiet?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar, tweġiba tingħata f'Seduta oħra.

Liberija Nazzjonali — Kotba Mislufin

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm ħarġu kotba mislufin mill-Librerija Nazzjonali sena b'sena fl-aħħar għaxar snin? Kemm huwa l-persentaġġ tal-popolazzjoni Maltija li sselfet imqar ktieb wieħed mill-Librerija Nazzjonali

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Librerija Nazzjonali (Biblijoteka tal-Belt) ma tipprovdix servizz ta’ self ta’ kotba iżda hija ċentru li jipprovdi l-aħjar faċilitajiet għall-istudju u r-riċerka.

Mużew ta' arti moderna u kontemporanja

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk bediex il-proċess biex f'Għawdex jitwaqqaf mużew ta' arti moderna u kontemporanja ta' livell nazzjonali? Jekk fin-negattiv, meta hu mistenni li jinbeda? Fejn hu mistenni li jitwaqqaf dan il-mużew?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata, li Heritage Malta għandha l-ħsieb li jitwaqqaf Mużew ta’ l-Arti f’Għawdex. Bħalissa Heritage Malta għadha fil-fażi li tidentifika l-post adegwat għal dan il-proġett.

Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi

Question

B'riferenza għall-intervisti li saru fid-19 ta' Ġunju dwar il-ħatra ta' Chief Executive Officer tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi, liema kariga hija waħda pubblika mħallsa minn fondi pubbliċi, tista' l-Ministru tgħid: Kemm kandidati qagħdu għal dan l-interview? Min kienu l-persuni li qagħdu għal dan l-interview? Min kienu l-membri tal-bord ta' l-għażla? X'kienu l-kriterji ta' l-għażla għal din il-kariga? Kemm punti kellu kull kriterju? Min intgħażel għal din il-kariga? Kif ingħataw il-punti lil kull kandidat skond il-kriterji użati? (Dan anke skond il-prassi tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni li jippubblika dan it-tip ta' riżultat bil-punteġġi tagħhom) X'inhi l-ordni tal-kandidati skond il-punteġġ li ngħataw? X'inhu s-salarju ta' Chief Executive Officer mal-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li: (1) Kien hemm sitt (6) kandidati li kienu eliġibbli u ħamsa (5) attendew għall- interview . Wieħed ma ġiex u wara rtira l-applikazzjoni. (2) Rigward l-għoti ta’ l-ismijiet ta’ kandidat li qgaħdu għall-eżami, wara parir mill-Kummissarju tad-‘Data Protection’, din l-informazzjoni titqies bħala kunfidenzjali. (3) L-anqas ma hi il-prassi li l-informazzjoni mitluba tkun ippubblikata. (4/5) . Intużaw 22 Kriterju ta’ Għażla, maqsumin f’ħames gruppi: · Kwalitajiet Personali (20) · Ħila Intellettwali u Kwalifiki (22) · Kwalitajiet Interpersonali (22) · Għarfien marbut mar-Rwol (24) · Kompetenza Prattika Organizzattiva (12) (6) ntagħzel s-Sur Roderick Agius (7/8) Il-punti li ngħataw lil kull kandidat skond il-kriterji u l-ordni tal-kandidati huma meqjusa kunfidenzjali. (9) Is-salarju hu ta’ €26,460, l-istess bħal ta’ Direttur għas-sena 2008. Dan is-salarju jibqa’ fiss għat-tliet snin tal-kuntratt.

Eżamijiet ta' bordijiet barranin

Question

Tista' l-Ministru tgħid fl-aħħar ħames snin akkademiċi kemm kien hemm studenti Maltin u Barranin li applikaw biex jidħlu l-Universita' b'eżamijiet ta' bordijiet barranin u ġew aċċettati jew ma ġewx aċċettati?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Informata li l-Universita’ ma żżommx statistika dwar il-kwalifiċi (inkluz kwalifiċi minn istituzzjonijiet barranin) li permezz tagħhom studenti jidħlu biex isegwu korsijiet fl-Universita’. Informata li matul dawn l-aħħar erba’ snin l-istudenti barranin li applikaw huma: Applikanti għal korsijiet Undergraduate: 1958 Aċċettati: 727 Applikanti għal korsijiet Post-Graduate: 1012 Aċċettati: 425

Drop outs ta' studenti

Question

Tista' l-Ministru tgħid minn Ottubru 2007 sa Ġunju 2008, kemm kien hemm drop outs ta' studenti mill-iskola ta' l-informatika u komunikazzjoni ta' l-MCAST f'kull kors bl-istatistika mogħtija separatament: i) istitut innifsu ii)ċentri ta' taħriġ privarti li jipprovdu kors ta' l-MCAST?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata hekk: Private Training Drop-Outs Oct 07 – Jun 08 ICT MCAST Providers Total MCAST Foundation Certificate in Computing 21 8 29 MCAST-BTEC First Diploma for IT Practitioners 14 10 24 MCAST-BTEC National Diploma in Computing Yr 1 33 18 51 MCAST-BTEC National Diploma in Computing Yr 2 16 * 16 MCAST-BTEC Higher National Diploma in Computing Yr 1 18 * 18 MCAST-BTEC Higher National Diploma in Computing Yr 2 8 * 8 TOTAL 110 36 146 * Dawn il-korsijiet m’humiex offruti barra mill-MCAST

Child Care Centres

Question

Tista' l-Ministru tirrispondi mistoqsija parlamentari 1980 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Politika Soċjali u li issa ġiet riferuta lilha u tgħid kemm hawn child cares centres f'Malta u f'Għawdex u fejn qegħdin? Jista' jgħid liema huma tal-gvern u liema huma tal-privat jew tal-Knisja?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li l-Ministeru tiegħi huwa responsabbli mill-proviżjoni ta’ Childcare Centres tal-Gvern. Ir-Regolatur tas-settur kollu ser jibqa’ d-Dipartiment ta’l-Istandards fil-Ħarsien Soċjali li jaqa’ taħt id- Dekasteru tal-Ministeru tal-Politika Soċjali. Huwa dan id-Dipartiment li jista’ jagħti lill-Onor . Interpellant l-informazzjoni mitluba.

Assenteiżmu

Question

Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsijiet parlametari 1653 u 1028 u cioe': B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 531, fost is-651 student li fallew l-iskola mingħajr raġuni valida, tista' tagħti aktar informazzjoni dwar: i) l-eta' ii)is-sess iii)kemm minhom ġa rrepetew sena skolastika iv)kemm minnhom huma aħwa v) kemm mill-ġenituri tagħhom ġew avviċinati mis-servizzi tas-social work u kemm fil-fatt attendew?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Is-Suġġett Systems of Knowledge

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk jirriżultax li huwa veru l-ilment li tqajjem li l-mistoqsijaiet ta' l-eżami tal-MATSEC tas-System of Knowledgema kenux koperti fis-sillabu tas-suġġett? Kemm weħlu studenti fis-suġġett Systems of Knowledge fl-aħħar sessjoni tal-MATSEC? Kemm kien hemm studenti kandidati f'dan is-suġġett?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Informata li l-mistoqsijiet ta’ l-eżami tal-MATSEC tas-Systems of Knowledge li sar f’Mejju 2008 kienu koperti mis-sillabu tas-suġġett. Għall-eżami ta’ dan is-suġġett kien hemm 542 student li weħlu mill-2358 student/a li rreġistraw għalih. Mill-istudenti li weħlu, 47 ippreżentaw il-proġett iżda ma ġewx għall-eżami.

Naxxar — Transfers inġusti

Question

Tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra korrispondenza li saret minn persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament li kienet taħdem l-iskola tan-Naxxar fil-konfront ta' impjegata bħala general hand li isimha qed jidher separatament, li llum wara ħafna transfers inġusti li saru kontra tagħha tinsab taħdem fl-iskola A Birżebbuġa? Jaħseb il-Ministru li dan il-każ għandu jiġi mistħarreġ minn inkjesta indipendenti wara snin ta' inġustizzji waħda wara l-oħra?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li mħabba raġunijiet ta’ data protection mhux possibli li nilqa’ t-talba ta’ l-istess Interpellant u npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-ittra msemmija. Infurmata li ma kien hemm ebda transfer ingust mal-persuna msemmija u kull transfer isir skond l-esigenzi tas-serivzz. Fil-fatt kien bi qbil ma’ l-istess persuna li din intbagħtet fl-Iskola Primarja ta’ B’Bugia wara li uriet ix-xewqa li ma tmurx l-Iskola Sekondarja San Benedittu, Kirkop. Fil-fatt l-istess persuna illum, bi qbil magħha, qed isservi fl-Iskola Primarja Mqabba Kulleġġ San Benedittu.

Turisti li jżuru l-Palazz tal-Belt Valletta

Question

Tista' l-Ministru tgħid: (a) għaliex it-turisti li jżuru l-Palazz fil-Belt Valletta, jitilgħu għas-sular ta’ fuq u jinżlu lura mill-garigor u mhux mit-taraġ ewlieni? (b) kemm-il inċident ġie rrapurtat li seħħ propju f'dan il-garigor fil-ħin tal-konfużjoni meta turisti jkunu telgħin u oħrajn neżlin? (c) min jiddeċiedi li jintuża l- lift li jwassal għas-sular ta’ fuq, meta jkun hemm xi turisti b’diżabilita’? Xi kriterji jintużaw minn min hu nkarigat biex tintuża l-faċilita’ tal- lift ? (d) x’miżuri ta’ health and safety jeżistu biex jigi assigurat li l-ebda turist/a ma jweġġa’? (e) x’faċilitajiet sanitarji jintużaw mit-turisti meta jżuru l-Palazz, jigifieri kemm-il toilet jew washroom hemm għad-dispożizzjoni tat-turisti? (f) min hu responsabbli minn dawn iż-żjajjar, jigifieri liema dipartiment, entita’ eċċ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Billi fil-Palazz hemm uffiċċini amministrattivi tal-President tar-Repubblika, tal-Kamra tar-Rapreżantanti, tal-Prim Ministru u ta’ l-Avukati Generali, Heritage Malta għaddejja f’diskussjonijiet mal-partijiet kollha konċernati sabiex jintlaħaq qbil dwar aċċess alternattiv. Dan il-qbil għal aċċess alternattiv għall-viżitaturi tal-Palazz għadu ma ntlaħaqx, minkejja għadd ta’tentattivi. Uffiċċjalment qatt ma kellna rapporti ta’ inċidenti li wasslu għall-korriment minn xi turist fil-garigor. Il-lift jintuża biss meta jkun xi ħadd b’wheelchair jew inkella anzjani bi problema ta’ mobilita’.Dejjem jintalab permess mis-suldat li jkun għassa u jiġi nfurmat l-Uffiċċju tal-President. Evalwazzjoni ta’riskju u rakkomandazzjonijiet isiru minn żmien għal żmien. Hemm unit fl-Armerija isfel li jikkonsisti fi tliett toilets...għall-irġiel, in-nisa u d-diżabbli . Heritage Malta hija responsabbli minn dawn iż-żjajjar , iżda l-aċċess għall-viżitaturi jiddependi mill-esiġenzi tal-Uffiċċju tal-President u tal-Parlament.

Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku — Applikazzjonijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta se tingħata risposta l-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku dwar numru ta’ kazi li ġew mitluba minn individwi sabiex din il-Kummissjoni tinvestiga minħabba li huma qed jallegaw li ġew maqbuża jew inkella ma ngħatawx il-kariga li applikaw għaliha?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li t-tweġibiet diġa’ ngħataw lill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku. Fejn il-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku talbet kjarifiki dawn ingħataw jew qed jingħataw.

Direttur tal-programm tal-EU

Question

B’riferenza għall-mistoqsija parlamentari 1555, tista' l-Ministru tgħid min iddeċieda li din il-persuna tiġi detailed bħala l-Kordinatur Nazzjonali u fuq liema kriterji?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li l-Ministeru mexa mal-proċeduri stabbiliti fid-detailing tal-Kordinatur Nazzjonali li dwaru għamel il-mistoqsija l-Onor. Interpellant.