Legislature:
Category:
Reset
Active:

Delegazzjoni fil-Libja — individwu

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x'inhu xogħol l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament? X'kien ir-rwol tal-individwu fid-delegazzjoni li żaret il-Libja fit-18 ta' Ġunju 2019? X'kien l-iskop ta' din iż-żjara? Minn min kienet magħmula d-delegazzjoni?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10646.

Twaqqif ta’ Supported Housing

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jindika kemm-il supported housing twaqqfu matul din il-Leġiżlatura biex ikunu jistgħu joħorġu pazjenti mill-Isptar Monte Karmeli u jibdew jgħixu fil-komunità? Se jiġu mwaqqfa aktar supported housing matul dawn is-sentejn li ġejjin? Jekk iva, fejn se jiġu allokati?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi meta jkun hemm nies li jkunu referuti mill-isptar Monte Carmeli għal servizz tas-supported housing, dawn jiġu referuti għal dan it-tip ta’ servizz li hu pprovdut mill-NGOs. Id-domanda mill-isptar għal dan it-tip ta’ servizz, dejjem kienet akkomodata mill-NGOs bi qbil u kollaborazzjoni mal-Gvern stess.

Viżti lill-pazjenti b’nuqqas ta’ saħħa mentali — programm tal-GPs

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 9533, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk bediex jaħdem il-programm fejn tobba tal-familja mħarrġa jkunu jistgħu jinvistaw dawk il-pazjenti bi problemi ta’ saħħa mentali fil-komunità? Jekk iva, f’liema lokalitajiet qiegħed jingħata dan is-servizz?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma Iill-Onor. Interpellant illi llum stess tħabbret l-Istrateġija Nazzjonali għas-Saħħa Mentali li fost oħrajn, tagħmel enfasi fuq kura fil-komunità. Qiegħed inpoġġi kopja ta’ din l-istrateġija fuq il-Mejda tal-Kamra għad-dispożizzjoni tal-Onor. Interpellant.

Saħħa Mentali — Servizz ta’ appoġġ 24 siegħa kuljum

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk intlaħaqx ftehim fid-diskussjonijiet mal-Crisis Resolution Malta li ilhom għaddejjin minn Awwissu tas-sena l-oħra biex is-servizz ta’ appoġġ 24 siegħa kuljum jingħata lill-persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali b’mod speċjali għall-persuni f’riskju ta’ suwiċidju li jkunu qed jgħixu fil-komunità?

Response (FEARNE, CHRIS)

Filwaqt li Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Crisis Resolution Malta hija entita’ privata, nirreferih għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 10880.

Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa — għarfien fuq traffikar ta' persuni

Question

B'referenza għar-rapport “Trafficking in Persons Report” maħruġ mill-US State Department 2019, jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk teżistix jew hemmx pjan li tinħoloq, kollaborazzjoni interministerjali bejn il-Ministeru tiegħu u Ministeri oħra? Jista' jindika liema huma dawn il-Ministeri?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-funzjoni tinqeda permezz tal-Human Trafficking Stakeholders Taskforce fi ħdan il-Ministeru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali.

Ċentri ta' Rijabilitazzjoni — Servizz Reaching Out

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 10529, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid liema huma dawk iċ-Ċentri ta’ Rijabilitazzjoni li għandna fil-komunità li qed jorganizzaw gruppi ta’ sapport għal familjari u meta u x’ħin qed jiltaqgħu dawn il-gruppi? X’għandu wieħed jagħmel biex jibda jattendi dawn il-gruppi?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-gruppi fiċ-ċentri ta' rijabilitazzjoni jiġu organizzati skont il-ħtieġa u l-familja jiġu mistiedna għal sessjonijiet kemm edukattivi kif ukoll rikreattivi iżda dawn ma jsirux f'dati u frekwenzi fissi u jinħass li b'dan il-mod is-servizz qed ikun aktar effettiv u milqugħ tajjeb.

Ministeru għas-Saħħa — Ħaddiema b’diżabilità

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 6312, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jindika issa kemm hemm persuni li huma reġistrati bħala persuni b’diżabilità li jaħdmu fid-dipartimenti, aġenziji, awtoritajiet jew entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabiltà tiegħu?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-tagħrif għadu qed jinġabar.

Kummissarju għas-Saħħa Mentali — Spezzjonijiet għall-għarrieda

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 10526 tat-13-il Leġiżlatura, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jindika kemm-il spezzjoni għall-għarrieda twetqet mill-Uffiċċju tal-Kummissarju għas-Saħħa Mentali matul dawn l-aħħar tliet snin? Fejn saru u meta saru dawn l-ispezzjonijiet u x’rakkomandazzjonijiet saru biex jitjiebu s-servizzi mogħtija lill-persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari numru 10350 u 10526.

Programm favur is-Saħħa

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jagħti aktar informazzjoni dwar il-proġett li se jiġi organizzat minn tim ta’ professjonisti favur is-saħħa? Fuqiex se jikkonsistu dawn il-laqgħat, min se jagħtihom u fejn se jsiru?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jispeċifika għal liema proġett qed jirreferi.

Regolazzjoni ta’ ċumnija – każ ta’ persuna

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jara li jittieħdu l-passi sabiex tkun irregolata ċumnija peress li twaħħlet fl-istess għoli ta’ bitħa interna u qed twaddab ‘l isfel fil-bitħa interna tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi mad-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali ma kien hemm l-ebda ilment reġistrat fuq tali ċumnija msemmija minnu. Għaldaqstant, saru l-kuntatti meħtieġa mal-persuna kkonċernata. Il-każ qed jiġi nvestigat mill-Uffiċjali tas-Saħħa Ambjentali. L-ilment ser jiġi ukoll mgħoddi lill-Awtorità ta’ l-Ippjanar minħabba l-għoli taċ-ċumnija.

Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa — għarfien fuq traffikar ta' persuni

Question

B'referenza għar-rapport “Trafficking in Persons Report” maħruġ mill-US State Department 2019 jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x'qed jagħmel il-Ministeru tiegħu biex iżid l-għarfien fuq it-traffikar ta' persuni f'pajjiżna?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10649.

Ministeru għas-Saħħa — project director

Question

Minħabba li sa nhar il-Ġimgha 21 ta' Ġunju 2019 fis-13:28 l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament kien għadu qed jidher li jaħdem bħala Projects Director - Coordination Unit fis-Segretarjat tal-istess Ministru, jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x'inhu xogħol l-individwu? Għal liema proġetti huwa Projects Director?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-individwu msemmi minnu m’huwiex parti mis-segretarjat tal-Ministru għas-Saħħa.

Servizz ta’ IT — kuntratt

Question

In segwitu tat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 10413, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista sħiħa tal-ammonti li qed jitħallsu ai termini tal-kuntratti mniżżla fil-lista annessa mal-mistoqsija parlamentari 10340 u ċjoè l-ammont ta’ flus li qed jitħallsu kull sena, sena b’sena, l-entitajiet kummerċjali hemm imniżżla għas-servizz li joffru, u dan ladarba, minkejja li evidentement din hija informazzjoni kummerċjali, żgur li din mhix informazzjoni kummerċjali li tikkostitwixxi sigriet sensittiv għan-negozju jew kummerċ u hija informazzjoni fl-interess pubbliku ladarba dawn il-ħlasijiet qed isiru mill-pubbliku u mhux mill-Ministru minn butu?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10413.

Binja — ġrieden

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’passi ttieħdu sabiex jiġu eliminati numru sew ta' ġrieden fil-każ ta’ dar li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament peress li jidher li dawn qed jidħlu fl-imsemmija dar mill-katusi pubbliċi?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ilment dwar infestazzjoni ta’ ġrieden fid-dar imsemmija hawn fuq ġie investigat minn uffiċjal tad-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali fis-7 ta’ Marzu ta’ din is-sena. Peress li ma setax jinstab is-sid tal-fond kienu wkoll saru spezzjonijiet wara l-ħin tax-xogħol. Intant wara diversi tentattivi nstab is-sid tal-fond u saret l-ispezzjoni neċessarja fejn dan l-ilment ma ġiex ikkonfermat. Madankollu u bħala prekawzjoni xorta sar trattament għal kontra l-ġrieden kemm fil-fond indikat kif ukoll fil-madwar.

Servizz Reaching Out

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 10374, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jirranġa sabiex is-Sapport Group/s jismu Reaching Out jibda jiġu wkoll organizzat f’lokalitajiet oħra u mhux bilfors fiċ-Ċentru Tommaso Chetcuti li qiegħed fl-Isptar Monte Carmeli?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-gruppi ta’ sapport jiġu organizzati minn numru ta’ kliniċi tas-saħħa mentali kemm għal dawk li jużaw is-servizz kif ukoll għal familjari tagħhom. Iċ-Ċentri ta’ Rijabilitazzjoni li għandna fil-komunità ukoll jorganizzaw gruppi ta’ sapport għal familjari jew persuni sinifikanti ġejjin minn entitajiet oħra.

Iż-Żejtun — Ċentru ta' Matul il-Jum - servizzi

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 10349, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jindika l-ġranet li saru l-attivitajiet fi gruppi fiċ-Ċentru ta` Matul il-Jum taż–Żejtun u fiex kienu jikkonsistu dawn l-attivitajiet?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li min attenda għall-gruppi kellu l-opportunita’ li jieħu sehem fi gruppi bħal: Gruppi ta’ tisjir (isiru kull nhar ta’ Tnejn) Gruppi ta’ proġetti kreattivi (isiru kull nhar ta’ Erbgħa) Gruppi ta’ eżerċizzju fiżiku fil-kampanja (isiru kull nhar ta’ Ġimgħa) Apparti l-gruppi msemmija, ikun hemm ukoll gruppi ta’ ħruġ fejn il-persuni jiġu mgħallma kif jużaw tal-linja, jorndaw f’ristoranti, jagħżlu ħruġ adattat skont il-qagħda finanzjarja tagħhom eċċ. Dawn isiru kull nhar ta’ Tlieta. Tul ix-xahar kollu t’April, sar ukoll proġett ta’ volontarjat fejn is- service users sajjru madwar 250 figolla li ngħataw lil Poalo Freire Institute , għal familji fil-bżonn, RISE Foundation u Dar Papa Franġisku.

Paola Day Centre — servizzi

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 6461, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jindika l-attivitajiet li saru fi gruppi u li ngħataw lil madwar 43 pazjent li jattendu l-Paola Day Centre matul din is-sena? Fiex kienu jikkonsistu dawn l-attivitajiet u meta saru?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fiċ-ċentru rijabilittativ ta’ Paola, isiru madwar 3 sessjonijiet fi gruppi fil-ġimgħa. Il-gruppi jikkonsistu fi: Grupp għall-persuni b’diffikultajiet intelletwali Grupp fuq ħiliet soċjali għal grupp ta’ żgħażagħ u adulti sa 30 sena Grupp fuq kif persuna tkun assertiva Grupp Psikoedukattiv Grupp fuq tisjir fuq baġit limitat Grupp mal-għaqda Nanniet Malta Grupp ta’ skultura immexxi minn persuna li tuża l-istess servizzi Grupp ta’ kif persuna tidher tajba estetikament fuq baġit limitat.

Floriana Day Centre — servizzi

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 6461, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jindika l-attivitajiet li saru fi gruppi u li ngħataw lil madwar 49 pazjent li jattendu l-Floriana Day Centre matul din is-sena? Fiex kienu jikkonsistu dawn l-attivitajiet u meta saru?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Sptar Monte Carmeli — pazjenti

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm huwa t-total ta’ pazjenti li jgħixu fl-Isptar Monte Carmeli u kemm minnhom ilhom hemm (a) aktar minn ħames snin; (b) aktar minn 10 snin; u (c) aktar minn 20 sena?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-total ta' pazjenti sal-20 ta’ Ġunju tal-2019 fl-Isptar Monte Carmeli kien ta' 388. Minn dawn 52 ilhom aktar minn ħames snin, 47 ilhom aktar minn 10 snin u 45 ilhom 20 sena jew aktar fl-istess imsemmi sptar.

Raħal Ġdid – Health Hub – fdalijiet antiki/arkeoloġiċi

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid fiex jikkonsistu l-fdalijiet antiki/arkeoloġiċi li nstabu waqt ix-xogħlijiet tal-Health Hub f’Raħal Ġdid?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-fdalijiet antiki/arkeoloġiċi li nstabu waqt ix-xogħlijiet tal-Health Hub f’Raħal Ġdid għad iridu jiġu determinati. Fiż-żmien li ġej se jsir stħarriġ dimensjonali.