Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sptarijiet f'Malta — nefqa fuq manutenzjoni

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 25247, jista' l-Ministru jispecifika fiex kienet tikkonsisti l-ispiża msemmija relatata ma' manutenzjoni fl-Isptar San Luqa għas-snin 2007 u 2008?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Homes u kumpaniji privati — kuntratti ta' kura pubblika

Question

Jista' l-Ministru jgħid ma' kemm-il home u kumpanija privata għandu kuntratti li permezz tagħhom jistgħu jittieħdu anzjani mill-kura pubblika u jibdew jinżammu ġewwa homes immexxija mill-privat?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 23228.

Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità — ħaddiema mhux Maltin

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema mhux Maltin matul is-sena 2010, mad-Dipartimenti u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista' jgħid ta' liema nazzjonalità huma, kif ukoll x'inhu l-grad?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed tipoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Djar Residenzjali — involviment tal-anzjani

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 11107, jista' l-Ministru jgħid b'mod dettaljat x'involviment dirett għandhom ir-residenti tad-djar residenzjali, speċjalment fit-tmexxija tal-istess homes? X'inhuma l-istandards li d-djar residenzjali huma obbligati li josservaw biex ir-residenti jingħataw servizz tajjeb?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Uħud mid-djar tal-Anzjani tal-Gvern jżommu kuntatt dirett mar-Residenti fit-tmexxija tal-istess homes. Fosthom insibu d-dar taż-Żejtun u r-Residenza ta’ San Vinċenz De Paul fejn ir-residenti jiffurmaw parti minn diversi Kumitati tal-immanigjar. Barra minn hekk kull tip ta` suġġeriment jew kummenti minn naħa tar-residenti dwar il-home li huma residenti fiha, huma dejjem mismugħa u, fejn huwa possibbli, milqugħa mil-kapijiet tad-djar rispettivi tagħhom. L-anzjani jiġu kkonsultati b’mod regolari fuq diversi aspetti li jirrigwardjaw l-attivitajiet li jsiru fid-djar tal-anzjani. L- istandards japplikaw għad-djar tal-anzjani kollha jiġifieri kemm dawk tal-Knisja, privati kif ukoll dawk tal-gvern. Id-djar għandhom ikunu konformi mal-liġijiet u r-regolamenti sanitarji u li jinkludu dawk fuq l-iġjene tal-ikel. Id-djar iridu jinżammu ndaf u fi stat tajjeb ta’ manutenzjoni. Irid ikun hemm dawk il-faċilitajiet fid-djar biex jiġi assigurat l-għoti ta’ kura neċessarja u t-tqassim tal-mediċina preskritta. L-ambjent fid-dar irid ikun b’tali mod li jassigura li r-resident ikollu l-privatezza, sigurtà, rikrejazzjoni, kif ukoll fejn jista’ jipparteċipa soċjalment. Min imexxi d-dar għandu dmir li jieħu dawk il-miżuri kollha biex jevita r-riskju ta’ xi inċidenti li jistgħu jinqalgħu lir-residenti. Kull dar ta’ l-anzjani għandu jkollha tabib li jkun jista’ jiġi msejjaħ skond il-bżonn u li jinkludi f’każ ta’emerġenza L- istandards jinkludu wkoll dawk għal prevenzjoni minn mard infettiv u li jkun hemm il-faċilitajiet fid-djar f’każ ta’nar. Biex il-Gvern jassigura li l- istandards qed jigu milħuqa isiru spezzjonijiet għall-għarrieda kemm f’ħinijiet differenti tal-ġurnata fid-djar residenzjali kollha biex jiġi assigurat li r-residenti jingħataw servizz tajjeb.

Djar Residenzjali — ilmenti

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 24936, jista' l-Ministru jgħid fuq liema kriterji dar tal-anzjani tkun eleġibbli biex tiġi liċenzjata? Fuqiex kienu s-27 ilment li rċieva d-Dipartiment għall-Standards fis-Servizzi tas-Saħħa u liema huma dawk id-Djar tal-Anzjani li kellhom ilment/i u jekk dawn l-ilmenti ġewx ikkoreġuti minn dawn id-Djar?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l- kriterji biex dar tal-anzjani tkun eleġibbli biex tiġi liċenzjata japplikaw għad-djar tal-anzjani kollha jiġifieri kemm dawk tal- knisja, privati kif ukoll dawk tal- Gvern. Id-djar għandhom ikunu konformi mal-liġijiet u r-regolamenti sanitarji u li jinkludu dawk fuq l-iġjene tal-ikel. Id-djar iridu jinżammu ndaf u fi stat tajjeb ta’ manutenzjoni. Irid ikun hemm dawk il-faċilitajiet fid-djar biex jiġi assigurat l-għoti ta’ kura neċessarja u t-tqassim tal –mediċina preskritta. L-ambjent fid-dar irid ikun b’tali mod li jassigura li r-resident ikollu l-privatezza, sigurta’, rikrejazzjoni, kif ukoll fejn jista’ jipparteċipa soċjalment. Min imexxi d-dar għandu dmir li jieħu dawk il-miżuri kollha biex jevita r- riskju ta’ xi inċidenti li jistgħu jinqalgħu lir- residenti. Kull dar ta’ l-anzjani għandu jkollha tabib li jkun jista’ jiġi msejjaħ skond il-bżonn u li jinkludi f’każ ta’emerġenza Il- kriterji jinkludu wkoll dawk għal prevenzjoni minn mard infettiv u li jkun hemm il-faċilitajiet fid-djar f’każ ta’ nar Biex dar tibda topera dar irid ikollha l-liċenzja maħruġa mid-Dipartiment tas-Saħħa wara li jkun hemm il-permess neċessarju tal-MEPA. L-ilmenti li rċieva id-Dipartiment tal-Istandards ivarajaw minn allegazzjonijiet ta’ abbuż fuq anzjani, nuqqas ta’ iġjiene, ilmentu fuq l-ikel, irwejjaħ, lmenti fuq servizzi provduti kif ukoll ilmenti li jirrigwardjaw it-temperaturi tad-djar. Kull ilment jiġi investigat u fejn ikun hemm bżonn isiru spezzjonijiet għall-għarrieda kemm bin-nhar kif ukoll filgħaxija. F’każ li l-ilment ikun ikkonfermat Id-Dipartiment għall- Istandards jagħmel ir-rakomandazzjonijiet meħtieġa biex jiġu ndirizzati dawn in-nuqqasijiet u jġiegħel lil min hu responsabbli mid-dar biex isegwi dawn ir-rakomandazzjonijiet.

Trasferiment għal San Vinċenz de Paule

Question

Jista' l-Ministru jara fiex wasal il-każ tal-individwu, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, li jinsab ġewwa Sptar Mount Carmel u jixtieq li jidħol ġewwa San Vinċenz de Paule? Jista' jgħid fejn qiegħed fil-waiting list?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-applikazzjoni tal-persuna li qiegħed jirreferii għaliha l-Onor. Interpellant waslet fid-Dipartiment għall-Anzjani u Kura fil-Komunità fl-14 ta’ Jannar 2011. Din l-applikazzjoni ġiet approvata mill-Bord tal-Ammissjoni għar-Residenza San Vinċenz de Paule bħala high priority fl-24 ta’ Marzu 2011 u reġgħet ġiet konfermata bħala high priority fil-21 ta’ April, 2011. Dan il-każ qiegħed fil-lista ta’ stennija mal-każijiet l-oħra li huma high priority.

Privatizzazzjoni taċ-ċimiterju

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jiġi privatizzat iċ-ċimiterju? Jekk iva, meta huwa l-ħsieb? Saru laqgħat? Kien hemm min hu nteressat? Hemm il-ħsieb li tidħol is-sistema tal-kremazzjoni? Jekk iva, tkun volontarja? Saru xi taħdidiet? Ma' min? Meta hemm il-ħsieb li tidħol?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-Gvern qiegħed fil-proċess sabiex jiffinalizza l-politika tiegħu rigward il-qasam taċ-ċimiterji, inkluż dik dwar kremazzjoni.

Policies u programmi ta' żvilupp

Question

Jista' l-Ministru jagħti elenku ta' policies u programmi ta' żvilupp sostenibbli u komunitajiet sostenibbli li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu inkluż dak tas-Segretarju Parlamentari? Jista' jindika d-dipartimenti u l-aġenzji li huma responsabbli minn dawn il-programmi? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokumenti li jiddiskrivu dawn il-policies u programmi?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità — ħaddiema ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda mad-Dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul is-sena 2010, xahar b'xahar? Jista' jgħid ukoll xi grad kien kull impjieg? Kif sar l-ingaġġ, jekk hux b'sejħa pubblika jew mod ieħor?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 23,527.

Ċimiterju tal-Addolorata — abbużi ta' serq

Question

Jista' l-Ministru jara li n-numru ta' abbużi ta' serq li saru miċ-Ċimiterju tal-Addolorata ma jerġgħux iseħħu u jara li jekk hemm bżonn tiżdied aktar is-sigurtà u jidħlu l-cameras għax dawn ir-rapporti ma waslux biss mill-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, imma waslu ukoll minn għexieren ta' nies?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li d-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali li taħtu taqa’ t-Taqsima Amministrazzjoni Tad-Dfin, b’kollaborazzjoni mal-Korp tal-Pulizija, qiegħed jagħmel sforzi sabiex atti kriminali bħal dawk li qed jitwettqu, ta’ serq u ta’ ħsarat fiċ-Ċimiterju tal-Addolorata ma jseħħux aktar u sabiex dawk responsabbli ta’ dawn l-atti vandali jinqabdu u jiġu mġiela jwieġbu għal għemilhom quddiem il-ġustizzja. Id-Direttorat għaddej bi proċeduri oħrajn sabiex jiġi mwaħħal tagħmir bħal cameras ta’ sigurtà kif ukoll jiġu mplimentati miżuri oħra ta’ solverjanza bħal li jiżdied il-kontroll tal-aċċess fl-istess ċimiterju.

Faċilità Korrettiva ta' Kordin — Persuna li korriet tarbija

Question

B'referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 25086 u 24496, jista' l-Ministru jgħid x'sar mill-fetu sħiħ li skont ma qalet l-omm, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, ratu ffurmat bir-ras, bl-idejn u saqajn?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 25086.

Sptar Mater Dei — ward ġdida għall-pazjenti

Question

Jista' l-Ministru jagħti rendikont tal-ispiża li se jidħol fiha l-gvern biex ibiddel l-istoring space tal-uniformijiet tan-nurses f'level 1 Sptar Mater Dei f'ward bis-sodod għall-pazjenti? Kemm se jkun hemm sodod għall-pazjenti f'dan l-ispazju? Huwa ppjanat li jitpoġġew ukoll xi stretchers f'dan l-ispazju kif qed ikun hemm fl-emerġenza?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li bħalissa għaddej proċess sabiex ikun magħruf jekk spazji li jeżistu ġewwa l-Isptar Mater Dei jistgħux jintużaw aħjar. Aktar informazzjoni tkun tista’ tingħata meta dan il-proċess jiġi konkluż.

Dipartiment tal-Orthotics — riġel artifiċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex id-Dipartiment tal-Orthotics, f'każ ta' tiswija ta' prosthesis bħal riġel artifiċjali mhux sostitwibbli, jiddependi mill-miġja ta' tekniċi barranin f'pajjiżna tant ġimgħat wara, aktar milli jieħu ħsieb li minnufih jinbdew it-tiswijiet meħtieġa, anke billi f'każijiet eċċezzjonali jintbagħtu għat-tiswija fiċ-ċentri barranin speċjalizzati?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li d-Dipartiment tal-Orthotics u Prosthetics jiddependi fuq numru ta’ visti li jsiru matul is-sena minn tekniċi barranin. Fost il-ħafna xogħol li jagħmlu relatat ma’ prosthetics, dawn it-teknici jagħmlu wkoll tiswijiet ta’ prosthesis. Dan ix-xogħol ta’ tiswijiet isir ġeneralment hawn Malta. Fil-preżent f’dan id-dipartiment m’hemmx ħaddiema residenti li huma kwalifikati biex jagħmlu dan ix-xogħol. Il-Ministeru beda proċess biex numru ta’ tekniċi jiġu mħarrġa biex ikunu jistgħu jagħmlu t-tiswijiet meħtieġa kemm fuq prostheses kif ukoll fuq orthoses.

Prodotti impurtati mill-Ġappun — livell ta' radjuattività

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema prodotti impurtati mill-Ġappun u kemm fi kwantità inżammu milli jiddaħħlu f'pajjiżna għax instabulhom livelli radjuattivi sinifikanti mal-wasla tagħhom f'pajjiżna? F'liema punt ta' dħul instabu dawn il-prodotti każ b'każ? F'liema minn dawn il-postijiet qiegħed isir dan l-iscreening? B'liema apparat u minn liema ħaddiema?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed titipoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Care Works — full-time bħala relievers

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm care workers impjegati mal-kuntrattur, iżda li jagħtu servizz fl-isptarijiet tal-gvern u residenzi tal-anzjani tal-gvern fuq bażi full-time bħala relievers eċċ.? Jista' jgħid min huma l-kuntratturi li qed jipprovdu dan is-servizz lill-Gvern? Kemm qed jitħallsu l-kuntratturi għal dan is-servizz? Jista' jgħid jekk id-Dipartiment tas-Saħħa jew tal-Finanzi jew xi dipartiment ieħor tal-gvern, bħad-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali, skrutinizzax il-kuntratti li għandhom dawn il-ħaddiema, għal dawk li huma pagi u kundizzjonijiet? Jekk iva, xi stabbilixxa? Jekk le, hux se jagħmel dan?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li fil-preżent hemm l-ekwivalenti ta’ 433 careworkers impjegati fulltime mal-kuntratturi li qed jagħtu servizz fl-isptarijiet tal-Gvern u residenzi tal-anzjani tal-Gvern. Il-kuntratturi li qed jipprovdu dan is-servizz lill-Gvern huma l-Health Care Services Ltd., Support Services Ltd. u NOVITAS. Il-kuntratturi qed jitħallsu bejn €5.62 sa massimu ta’ €5.76 kull siegħa għal xogħol fost il-ġimgħa u bejn €8.60 sa massimu ta’ €9.32 fil-Ħdud u Festi Pubbliċi. Hija r-responsabilta’ tad-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali sabiex jiskrutinizza l-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ dawn il-ħaddiema, u ninsab infurmat li dan il-proċess diġa inbeda.

Twelid ta' trabi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' trabi li twieldu fl-ewwel tliet xhur tas-sena 2011? Kemm kienu bniet u kemm kienu subien? Kemm trabi twieldu minn ommijiet barranin residenti f'Malta?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li bejn l-ewwel ta’ Jannar u l-aħħar ta’ Frar ta’ din is-sena twieldu 674 tarbija fl-isptarijiet pubbliċi f’Malta u Għawdex. Minn dawn kien hemm 301 tifel u 373 tifla. 69 minn dawn it-trabi twieldu minn ommijiet ta’ nazzjonalità mhux Maltija. Aktar informazzjoni fuq bażi nazzjonali tista’ tinkiseb mir-Reġistru Pubbliku.

Talba għal żieda fil-Home Help

Question

Jista' l-Ministru jara li jitmexxa l-każ ta' koppja anzjana li r-raġel, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, ibati bid-dimentiau jixtiequ li jiżdiedilhom is-servizz tal-home help?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-każ tal-koppja li qiegħed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant tressaq quddiem il-Bord tal-Allokazzjoni fit-28 ta’ April 2011. Il-Bord approva sagħtejn aktar ta’ Servizz tal-Home Help fil-ġimgħa biex b’hekk din il-koppja issa għanda total ta’ erba' siegħat fil-ġimgħa.

Sptar Mater Dei — materjal mikri

Question

Jista' l-Ministru jara li jinħareġ iċ-cheque ta' anzjana, li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, li kienet kriet xi materjal mill-Isptar Mater Dei u qed tistenna dan iċ-cheque?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-anzjana li qiegħed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant irritornat il-materjal mikri fil-21 ta’ Jannar 2011. Ir-Revenue Section tal-Isptar Mater Dei ħarġu t-Treasury Voucher numru 9501003466 fil-31 ta’ Jannar 2011. Id-Dipartiment tat-Teżor ħareġ ic-cheque f’din id-data, iżda sal-lum dan iċ-cheque għadu ma ġiex imsarraf. Jekk din l-anzjana ma rċevietx iċ- cheque għandha tirrikorrii personalment fid-Dipartiment tat-Teżor fil-Furjana biex tinfurmahom f’dan ir-rigward sabiex it-Teżor iwaqqaf il-pagament. Huwa importanti li din in-notifika ssir bil-kitba u tieħu magħha l-karta tal-identità It-Teżor imbagħad joħorġulha cheque ġdid għall-ammont dovut.

Spiżerija ta' Birkirakara — prodotti gluten free

Question

Jista' l-Ministru jara li jerġa' jirrevedi l-proċedura li numru ta' anzjani qed jintalbu li jmorru l-ispizerija ta' Birkirkara biex iġibu l-gluten free meta dawn qabel kienu jġibuhom mill-ispiżerija ta' Raħal Ġdid, għax żgur ma jagħmilx sens li anzjani kbar ikunu jridu jmorru Birkirkara, fejn kien hemm anke każ ta' anzjana ta' 82 sena fost ħafna oħrajn li ntalbet tagħmel dan? Jista' jindaga għaliex inħarġet din id-direttiva u min ħarigha u jistax jerġa' jiġi kollox għan-normal?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 25114.