Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — direct orders
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw direct orders matul is-sena 2010 mill-Ministeru, dipartimenti u entitajiet oħra fid-dikasteru tiegħu, xahar b'xahar? Jista' jgħid fiex kienu jikkonsistu u f'kemm kienu jammontaw? Jista' jgħid ukoll għal kull każ lil min ingħataw?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-informazzjoni mitluba qed tinvolvi ħafna xogħol u hija vasta, li probabilment tinkludi informazzjoni li mhux neċessarjament hija dik li jrid l-Onorevoli Interpellant. Għaldaqstant nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jispeċifika rigward liema entità partikolari jixtieq l-informazzjoni u għal-liema perjodu.
Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — karozzi
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm karozzi użati mill-Ministeru u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista' jgħid ta' liema ditta huma? Jista' jgħid ukoll liema huma dawk il-karozzi li jintużaw fil-weekends u fil-festi? Min jagħmel użu minnhom?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — service contract agreements
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru service contract agreements mill-1 ta' Jannar 2011 f'kull dipartiment\uffiċċju li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, u jagħti d-dettalji relattivi u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra sample contract ta' kull kategorija ta' kull service contract li sar?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid min huwa intitolat għal eco-contribution meta jħallas il-kont tad-dawl u l-ilma u meta persuna ma tibqax intitolata għal dan il-benefiċċju?
Response (FENECH, TONIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-eko riduzzjoni tingħata fuq il-kontijiet residenzjali jiġifieri fuq dawk il-kontijiet li hemm il-persuni reġistrati għas-sussidju. M’hemm l-ebda eko riduzzjoni fuq kontijiet domestic u non-residential.
L-eko riduzzjoni tinħadem:
A. Jekk ma jkun hemm l-ebda individwu reġistrat għas-sussidju, l-eko riduzzjoni mhix eliġibbli.
B. Jekk ikun hemm individwu wieħed biss reġistrat fuq Servizz Residenzjali, l-istess servizz ikun eliġibbli għal-eko riduzzjoni ta’ 25% ta’ l-ammont kollu dovut għall-konsum ta’ l-elettriku għall-perjodu kopert mill-kont jekk il-konsum ma jaqbiżx il-konsum pro rata ekwivalenti għall-konsum annwu ta’ 2000 units.
C. Jekk ikun hemm aktar minn persuna waħda reġistrata għas-sussidju, kull persuna hija ntitolata għall-1750 units fis-sena jinqasmu 1000 unit b’eko riduzzjoni ta’ 25% u 750 units b’eko riduzzjoni ta’ 15%. F’kelma waħda, fejn il-konsum hu inqas minn 1750 units kull persuna, it-tnaqqis ta’ 25% fil-kont japplika għall-ewwel 1000 unit għal kull persuna u 15% oħra fuq kull persuna japplikaw fuq il-kumplament tas-750 unit li jibqa’.
D. Jekk il-konsum ta’ perjodu partikolari, jaqbeż il-kwota msemijja hawn fuq, tintilef l-eliġibiltà tal-eko riduzzjoni.
E. L-eko riduzzjoni tiġi kkalkolata abbażi ta’ qari attwali li jsir minn rapreżentant tal-korporazzjoni jew fuq qari tal-konsumatur.
F. Jekk għal perjodu kopert mill-kont ma jkunx hemm qari attwali jew qari tal-konsumatur, l-eliġibilità ta’ l-eko riduzzjoni għall-perjodu kopert mill-kont tintilef għal kollox. L-eko riduzzjoni tiġi kkalkolata fuq bażi pro rata tal-konsum annwali relattiv.
Ninsab infurmat illi hemm 145,512 kont residenzjali li huwa eliġibbli biex jirċievu eko riduzzjoni. Matul l-2010 ingħataw €11.3 miljun ewro f’eko riduzzjoni. Sa Lulju ta’ din is-sena ngħataw €6.3 miljun.
Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — infiq f'manutenzjoni
Question
Jista' l-Ministru jipprovdi statistika dettaljata ta' kemm intnefaq f'manutenzjoni fis-setturi kollha li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu, inkluż korporazzjonijet, dipartimenti u awtoritajiet, mis-sena 2008 sa Awwissu 2011?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm huma r-riservi tal-pajjiż f’dak li huwa deheb? Jista’ jgħid kemm kienu dawn ir-riservi fl-1987 u kemm kienu sena b’sena mill-2003 sal-lum il-ġurnata?
F’każ li r-riserva tad-deheb tul is-snin naqset, jista’ l-Ministru jispjega x’ġara minn dan id-deheb?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Wiehed irid japprezza li għal ħafna snin mill-1987 ‘l hawn, il-prezz tad-deheb kien relattivament stabbli, u allura investiment fid-deheb ma jaqlax interessi. Matul dawn is-snin, il-Bank Ċentrali ta’ Malta naqqas, billi biegħ bi profitt u b’mod gradwali, il-holdings tad-deheb u qiegħed il-fondi li rċieva f’medda ta’ investimenti finanzjarji b’ratings għolja li taw rati tal-imgħax sodisfaċenti. B’hekk id-diversifikazzjoni mid-deheb sarfet fi dħul sostanzjali li kabbar ir-riservi tal-Bank.
Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — spazji tal-bjut tal-binjiet
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il metru kwadru ta' spazju għandu l-gvern fid-dipartimenti/agenziji/awtoritajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru, fil-bjut tal-binja tiegħu? Kemm minn dan l-ispazju f'persentaġġ għandu photovoltaic cells? X'titjib kien hemm minn sentejn u nofs 'il hawn?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk dik l-area ta' art li hemm biswit il-fabbirka Jet Class fl-Industrial Estate San Ġwann u fejn fuq parti minnha hemm xi parking space għall-vetturi, hijiex tal-Malta Industrial Parks u/jew amministrata minnha? F'każ li din l-art hija tal-Malta Industrial Park u/jew amministrata minnha, jista' l-Ministru jgħid:
a) x'arranġamenti hemm mal-propretarju tal-kjosk li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament biex dan jitħalla jarma kuljum fuq din l-art;
b) għall-ħabta ta' Ġunju/Lulju 2010 l-Malta Industrial Park ordnat lil din il-kjosk biex ma jibqax jarma f'din l-area u wara li waqaf jarma għal xi tliet ġimgħat, reġa' beda jarma u għadu jarma hemmhekk sal-lum? X'ċirkustanzi hemm illum bejn l-Malta Industrial Park u dan il-proprjetarju li qabel Ġunju 2010 ma kenux jeżistu;
ċ) indipendentement minn jekk hemmx arranġament bejn l-Malta Industrial Park u l-proprjetarju tal-kjosk, x'inhi r-raġuni li dan il-kjosk jarma kuljum mingħajr tfixkil u kjosks oħra (wieħed tal-imqaret u ieħor tal-ħaxix li ukoll huma hawkers bħalu) ma tħallewx jarmaw u twaqqfu?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi s-sit imsemmi huwa effettivament amministrat mill-Malta Industrial Parks Limited (MIP). Il-propjetarju tal-kjosk in kwistjoni għandu fil-pussess tiegħu liċenzja ta’ street hawker u allura m’hemm bżonn ta’ ebda arranġament mal-MIP. Huwa minnu illi fl-2010 l-MIP kienet harġet ordni amministrattiva fil-konfront tal-kjosks kollha illi kienu qed jarmaw fuq art amministrata mill-MIP. In segwitu ta’ tali azzjoni xi sidien ipproduċew il-liċenzja fuq imsemmija u b’hekk komplew jarmaw. Sidien oħrajn ma pproduċew ebda liċenzja.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża li għamlet Arms Ltd biex tittrasferixxi l-uffiċċji tagħha minn Ħal Luqa għal Blata l-Bajda? Għal kemm snin hu l-kuntratt ta’ kiri li għamlet l-Arms Ltd. għall-post fi Blata l-Bajda?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat li l-kirja tal-propjetà l-ġdida f’Gattard House hija fuq perijodu ta’ tmien (8) snin, validu mill-1 ta’ Jannar 2011.
L-ispiża totali li għamlet l-ARMS Ltd. għar-ristrutturar tas-sit il-ġdid tagħha ġewwa Gattard House, kif ukoll it-trasferiment tal-uffiċini minn Ħal Luqa għal-Blata l-Bajda, kienet ta’ €1.18-il miljun. Il-kuntrattur għal dawn ix-xogħolijiet kien Kalaxlokk Co. Ltd.
Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — vetturi
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm vetturi mad-dipartiment u entitajiet oħra li jaqgħu taħtu? Jista' jgħid għal kull vettura skont in-numru, x'inhu l-użu tagħha u min jużaha?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni dwar id-dipartimenti għandha tkun riferuta għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari nru. 23477, filwaqt li dik dwar l-entitajiet qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — below the line account
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 28919, u b'referenza għat-tweġibiet parlamentari li taw il-maġġoranza tal-Ministri kollegi tiegħu għall-istess mistoqsija, jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 28919 u jgħid kemm kien il-below the line account f'kull l-aħħar tax-xahar matul l-2011 fid-dekasteru tiegħu? Jista' jgħid kif qed jintużaw il-fondi li qegħdin fil-below the line account?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Fabbriki u kumpaniji li ma baqgħux joperaw f'pajjiżna
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm fabbriki/kumpaniji li ma baqgħux joperaw f’pajjiżna matul l-ewwel għaxar xhur tal-2010 u kemm kienu jħaddmu ħaddiema magħhom kull fabbrika/kumpanija?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 30717.
Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — faċilitajiet għall-persuni neqsin mis-smigħ u mid-dawl
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'faċilitajiet hemm disponibbli fid-dipartimenti u uffiċini kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu biex jiġu moqdija persuni neqsin mis-smigħ u persuni neqsin mid-dawl?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
B'referenza għall-Fortizzi ta' San Leonardu, Tas-Silġ, Delimara u Bengħajsa, jista' l-Ministru jgħid jekk humiex:
a) mikrija jew taħt forma oħra ta' xi kuntratt jew fil-proċess li jiġu mgħoddija lil xi ħadd;
b) lil min huma mikrija jew se jiġu mgħoddija;
ċ) id-data minn meta saru jew se jsiru dawn il-kuntratti u meta jiskadu;
d) għal liema skop ġew mikrija; u
e) għal kemm-il Euro huma mikrija fis-sena?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Fortizzi ta' San Leonardu, Tas-Silġ, u Delimara huma mikrija, filwaqt li t-tliet kirjiet li kien hemm fil-Fortizza ta’ Bengħajsa, ma reġgħux ġew imġedda din is-sena u se jinbeda l-proċess biex dan il-Forti jiġi żgumbrat u jgħaddi lura f’idejn il-gvern.
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, id-dettalji kollha dwar dawn il-fortizzi kif mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Ministru jinvestiga għaliex il-persuna, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li applikat għas-servizz tal-ilma fid-dar imma sal-lum għad ma tawhiex servizz meta din ħallset l-applikazzjoni u s-sidien l-antiki ħallsu l-kontijiet pendenti f'din id-dar? Jista' jgħid għaliex dan id-dewmien li qed jikkawża inkonvenjent għal din il-persuna peress li jista' jiskadilha l-compliance certificate?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat li s-servizz tal-ilma fid-dar imsemmija ingħata fis-7 ta’ Novembru, iżda biżvista il-konsumatur ma ġiex mgħarraf mill-ewwel li ngħata s-servizz. Id-dewmien minn meta saret l-applikazzjoni ġara għaliex il-konsumatur dam ma ħallas il-kontijiet li kien hemm pendenti.
Importazzjoni ta' ħaxix, frott u laħam minn Sqallija
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlet importazzjoni ta' ħaxix, frott u laħam ieħor minn Sqallija fuq il-vapuri li qasmu bejn Malta u Sqallija matul l-ewwel għaxar xhur tas-sena 2011 u matul is-sena 2010?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li Sqallija hija parti mill-Italja u l-figuri miġbura mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika dwar l-importazzjoni huma biss fuq bażi nazzjonali, jiġifieri ma jistgħux jingħataw fuq Sqallija biss.
Public Administration Collective Bargaining Unit — entitajet - taħdidiet ta' negozjati kollettivi
Question
Jista' l-Ministru jindika liema entitajiet pubbliċi, kumpaniji u aġenzija oħra huma obbligati li fit-taħdidiet tagħhom ta' negozjati kollettivi jinvolvu lill-Public Administration Collective Bargaining Unit u b'liema kriterji huwa deċiż liema entitajiet jinvolvu lill-Public Administration Collective Bargaining Unit u liema le?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-management tal-Entitajiet Pubbliċi u kull fejn il-Gvern għandu majority shareholding, għandhom jinvolvu l-Public Administration Collective Bargaining Unit (PABCU).
Public Administration Collective Bargaining Unit — ftehim kollettiv - kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema
Question
Jista' l-Ministru jispjega xi jkun l-involviment tal-Public Administration Collective Bargaining Unit f'entitajiet pubbliċi fejn ma jsirx ftehim kollettiv u b'liema mod il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema f'dawn l-entitajiet ikun regolat u x'involviment ikollu fihom il-Public Administration Collective Bargaining Unit?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Public Administration Collective Bargaining Unit (PABCU) ikun involut primarjament kull fejn ikun hemm diskussjonijiet dwar ftehim kollettiv. Kundizzjonijiet ta’ impjieg ta’ ħaddiema f’entitajiet mhux regolati bi ftehim kollettiv ikunu regolati abbażi tal-kuntratt tal-impjieg tagħhom. Ikun hemm ukoll ċirkostanzi fejn il-Public Administration Collective Bargaining Unit (PABCU) jiġi mitlub jagħti l-assistenza tiegħu fejn m’hemmx ftehim kollettiv.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' ilmenti li rċeviet l-ARMS Ltd għal dawk li huma kontijiet, matul il-perjodu Lulju - Settembru 2011? Jista' jagħti tagħrif dwar minn liema lokalitajiet kienu ġejjin dawn l-ilmenti, lokal lokal?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.