Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn persuni liċenzjati biex iżommu u jew jużaw arma tan-nar? X'età għandhom? X'inhu s-sess tagħhom? Minn liema lokalitajiet huma?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi bħalissa hawn 15,985 persuna, 15,571 rġiel u 414 nisa, li għandhom liċenzja sabiex iżommu jew jużaw arma tan-nar li l-età tagħhom hija 'l fuq minn 18-il sena. Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta' lokalitajiet mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Attachments:10106 Licensed-Use of firearms -locality.doc
Immigranti illegali li joħorġu mill-closed centres
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk jinżammx xi forma ta' kuntratt ma' l-immigranti illegali wara li dawn joħorġu mill-closed centresu jmorru joqogħdu f'area residenzjali, fejn ikollhom il-libertà li jitħalltu mar-residenti ta' l-inħawi fejn ikunu qed joqogħdu? Skond l-informazzjoni li jista' għandu l-Ministeru, f'liema nħawi imorru joqogħdu dawn l-immigranti?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi dawk l-immigranti li jiġu rilaxxjati miċ-Ċentri Magħluqa ‘Closed Centres’ jiġu offruti lilhom akkomodazzjoni temporanja f’Ċentri msejħa ‘Open Centres’, li xi wħud minn dawn iċ-ċentri jinstabu f’żoni residenzjali. Persuna rilaxxjata mid-detenzjoni, li bosta drabi tkun qed tgawdi minn protezzjoni, għandha dritt tagħżel li tgħix għal rasha fil-komunità. Ma tinġabarx statistika dwar l-inħawi li jmorru joqogħdu fihom dawn l-immigranti iżda hu mifhum li hemm bosta jgħixu f’lokalitajiet mferrxin ma' Malta kollha.
Kull immigrant li jkun jgħix għal rasu fil-komunita' huwa mistenni li minn żmien għal żmien, jirrapporta fl-Uffiċċju Ċentrali tal-Immigrazzjoni tal-Pulizija. Kull minn jirresjedi fl-
‘Open Centres’
hu mistenni jirrapporta fiċ-ċentru fejn ikun ġie alloġġat.
Barra minn hekk, dawk l-immigranti kollha li jgawdu minn xi forma ta’ protezzjoni jmorru minn rajhom fl-Uffiċċju tal-Kummissarju għar-Refuġjati sabiex iġeddu ċ-ċertifikati meta jaslu biex jiskadu. L-uffiċċju tal-AWAS iżommu wkoll kuntatt ma' numru ta' każijiet soċjali li jimmeritaw attenzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex se jimplimenta r-rakkmdanazzjonijiet tar-rapport dwar il-ġustizzja riparatriċi? Qabel ma dan ir-rapport se jiġi implimentat, jaf il-Gvern kemm hija l-ispiża biex jiġu attwati l-64 rakkmandazzjoni magħmula mit-Task Force?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li, bi preparazzjoni għal-proċess ta’ implementazzjoni, il-Ministeru bħalissa qed jagħmel analiżi dettaljata ta’ l-implikazzjonijiet kollha tar-rakkommandazzjonijiet li saru fir-rapport. L-analiżi qed tħares lejn l-aspetti l-aktar rilevanti li jinkludu l-impatt fuq il-qasam organizzattiv, dak operattiv kif ukoll dak finanzjarju.
Peress li l-maġistrat anzjan li ismu qed jintbagħat separatament ġie jew ser jiġi elevat għal imħallef, jista' l-Ministru jikkonferma li ser tiġi segwita l-prassi li l-maġistrat li l-aktar ilu fis-servizz jiġi appuntat il-maġistrat anzjani? Jekk fin-negativ, jista' jagħti ġustifikazzjoni?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Nitlob lill-Onorevoli Membru jirreferi għall-Artiklu 7 (2)(3) tal-Kodiċi ta' Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' anzjani li għamlu rapporti f'kull għassa din is-sena? X'kienet in-natura tar-rapporti f'kull każ u fejn saru?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Awwissu ta' din is-sena kien hemm 4503 persuna anzjana, minn 60 sena 'l fuq, li għamlu rapporti ta' natura kriminali fid-diversi Għasses tal-Pulizija madwar Malta u Għawdex.
Qed inqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba fl-aħħar domanda tal-mistoqsija.
Rapporti ta' stupru, attaki sesswali u attivitajiet indiċenti
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru rapporti ta' stupri, attakki sesswali jew attività indiċenti din is-sena? Fejn kienu? Kemm tressqu persuni l-qorti din is-sena fuq reati simili?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant huwa kif ġej:
Numru ta' każi rappurtati
Numru ta' persuni imressqa quddiem il-Qorti
Stupri
18
10
Attakki sesswali
35
21
Atti indiċenti fil-pubbliku
40
40
Dawn seħħew f’dawn il-lokalitajiet:-
Żebbug; Luqa; Fgura; B’Buġia; Sliema; San Ġiljan; Wied iż-Żurrieq; Marsa; Baħar iċ-Ċagħaq; Kalkara; Dellimara; Ta’ Xbiex; Msida; Dingli; St Luċia; Xewkija; Victoria; Munxar; Nadur; Għajnsielem; Xlendi.
Jista' l-Ministru jgħid fiex waslet it-tħejjija tal-white paper li għandu jkollha l-iskop ta' leġislazzjoni li tħares minn kull sfruttament persuni li jgħixu flimkien?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi x-xogħol fuq il-leġislazzjoni marbuta ma' dawn is-sitwazzjonijiet qiegħed isir.
Persuni li għandhom għassa magħhom 24 siegħa kuljum
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn persuni li għandhom għassa magħhom 24 siegħa kuljum f'Malta u f'Għawdex? Jista' jgħid kemm dan is-servizz qiegħed jiġi jiswa lill-Kaxxa ta' Malta u min jrid jagħti l-ordni ħalli cittadin jingħata din l-protezzjoni?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li mhix il-prassi li tingħata informazzjoni dwar min għandu protezzjoni u l-modalitajiet ta' tali protezzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru rapporti kontra membri tal-Korp tal-Pulizija dwar allegati atti ta' aggressjoni matul din is-sena 2009 u x'passi ttieħdu?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi matul din is-sena saru 13-il rapport kontra membri tal-Korp tal-Pulizija dwar atti ta' aggressjoni u abbuż ta' poter; 5 każijiet għadhom pendenti quddiem il-Qorti, 4 każijiet għadhom taħt aktar investigazzjonijiet u 4 ma rriżultawx.
Faċilità Korrettiva ta' Kordin — Attrezzar aħjar tal-kmamar
Question
Jikkonsidra l-Ministru li jattrezza aħjar u b'mod aktar diċenti ż-żewġt ikmamar li hemm fejn l-avukati iżuru lill-klijenti tagħhom fil-ħabs?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi iż-żewġt ikmamar li qed jirreferi għalihom l-Onorevoli Interpellant ser jiġu jiġu modernizzati u attrezzati għal bżonnijiet tallum fil-futur qarib.
Billi bosta residenti li joqogħdu San Pawl il-Baħar għandhom problema serja biex jaslu sa l-għassa tal-Qawra, jista' l-Ministru jara li l-għassa ta' San Pawl il-Baħar tibda tinfetah kuljum issa li din l-istess għassa ġiet irranġata?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi din l-Għassa ser tibda tkun immanjata regolarment skont il-ħtieġa u l-esiġenzi tas-servizz.
Jista' l-Ministru jgħid fl-aħħar 12-il xahar, kemm kien hemm każijiet ta' immigranti illegali li kienu ħadu l-freedom u li kellhom jidhru l-qorti u ma ttellgħux u l-kawżi ġew posposti?
X'passi ttieħdu kontra dawn l-immigranti illegali?
Kemm minn dawn l-immigranti qatt ma nstabu?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant ma tinżammx taħt forma ta' statistika.
Jista' l-Ministru jgħid:
a) Kemm persuni ġew imħarrka b'sewqan bi
speed
eċċessiv bejn l-1 ta' Jannar 2009 u l-aħħar t'Awwissu 2009?
b) Kemm persuni ġew imħarrka għax saqu bil-mod b'periklu għal sewwieqa oħra bejn l-1 ta' Jannar 2009 u l-aħħar t'Awwissu 2009?
ċ) Kemm persuni ġew imħarrka għax saqu bil-mod fuq il-karreġjata ta' barra bejn l-1 ta' Jannar 2009 u l-aħħar t'Awwissu 2009?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant huwa kif ġej:-
a) sewqan bi speed eċċessiv 244
b) sewqan perikoluż 262
c) sewqan fil-karreġjata ta' barra 15
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru hold-ups din is-sena? Fejn saru? Kemm tressqu persuni l-qorti fuq reati simili din is-sena? X'weħlu?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Awwissu ta’ din is-sena ġew irrappurtati lill-Pulizija 30 każ ta’ hold up. Dawn seħħew Wied il-Għajn, San Ġiljan, Raħal Ġdid, San Pawl il-Baħar, Swieqi, Ta’ Xbiex, Ħaż-Żebbuġ, Ħal-Balzan, Ħamrun, Attard, Birkirkara, Naxxar, Mosta, Marsa, Valletta u Gudja. Infurmat ukoll li matul l-istess perijodu ġew imressqa quddiem il-Qorti 13-il persuna b’konnessjoni ma’ 12-il każ ta’ hold up irrappurtati din is-sena u 3 każi rrappurtati s-sena l-oħra. Minn dawk li kellhom il-każ deċiż, sitta ngħataw sentenza ta’ priġunerija u wieħed ingħata sentenza sospiża.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' vejikoli u muturi li nsterqu jew inkella sar serq minn ġo fihom din is-sena?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Awwissu tal-2009 ġew irrappurtati lill-Pulizija 284 vetturi misruqa, filwaqt li kien hemm 942 rapport ta' serq minn vetturi.