B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7196, jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess tat-talba għall-kustodja tal-binja tal-Kappella tas-Sanċier, ir-Rabat Malta?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li fejn jidħlu talbiet għal "Guardianship deeds" hemm proċess li jinvolvi ħidma konġunta bejn is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali u l-Awtorità tal-Artijiet.
Din it-talba qed tiġi proċessata.
Persuni reġistrati bħala self-employed mas-Segretarjat Parlamentari għall-Gvern Lokali
Question
Jista’ l-Ministru, permezz tas-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, jgħid kemm hemm persuni reġistrati bħala self-employed mas-Segretarjat Parlamentari kkonċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-Ministeru ma jkunux irreġistrati persuni self-employed. Meta jkun hemm contracts for service dawn jingħataw skont regolamenti tax-xiri pubbliku (public procurement).
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni għad-dewmien fil-proċess biex Il-Batterija tal-Qolla l-Bajda, li bħalissa tinsab fi stat avvanzat ta’ deterjorazzjoni, tkun trasferita lill-NGO Din l-Art Ħelwa, u jgħid meta huwa previst li jitlesta l-proċess?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li fejn jidħlu talbiet għal "Guardianship deeds" hemm proċess li jinvolvi ħidma konġunta bejn is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali u l-Awtorità tal-Artijiet.
Din it-talba qed tiġi proċessata.
Il-Fgura – Restawr tal-Knisja l-qadima u tal-Kunvent
Question
Jista' l-Minsitru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 7766, li oriġinarjament saret lill-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar u li issa ġiet riferuta lilu, u ċjoè: B’referenza għall-knisja l-qadima li tinsab fi Triq il-Karmelitani, il-Fgura, u li nbniet fil-bidu tas-snin 50 fuq pjanti tal-Perit Ġużè D’Amato, jista’ l-Ministru jikkonsidra li l-faċċata ta’ din il-knisja u l-kunvent aġġunt jiġu restawrati peress li dawn huma landmark ewlenin tal-lokalità?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li d-Direttorat tar-Restawr jagħmel proġetti ta’ restawr fuq bini storiku fil-lokalitajiet permezz ta’ Skema għall-Kunsilli Lokali li toħroġ darba fis-sena.
Infurmat ukoll li l-Kunsilli Lokali jkollhom l-opportunità li jressqu proġetti fil-lokalitajiet tagħhom għall-konsiderazzjoni taħt din l-iskema.
Intant, infurmat li l-proġetti jiġu magħżula fuq kriterji stabbiliti mill-istess Skema.
Kuntratti ta’ kirjiet ta’ proprjetà konklużi bejn il-Gvern u każini tal-baned
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7765, jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija fl-intier tagħha u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt tal-kirjiet li ġew konklużi s’issa ma’ dawk il-każini/soċjetajiet?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi preżentament għadu ma ġie ffirmat l-ebda kuntratt ta’ kiri mal-każijiet/soċjetajiet relattivi u dan stante li f’dan l-istadju qegħdin jiġu konklużi b’mod definittiv l-akkwisti finali tal-propjetajiet ikkonċernati li dwarhom ġie ffirmat konvenju. Ghaldaqstant, id-domanda hija wahda intempestiva.
Madanakollu dan il-Gvern, bħala parti mill-impenn car u kontinwu li għandu lejn il-każini/soċjetajiet msemmija, diġà ta commitment ċar lill-istess każini/soċjetajiet illi ser ikunu jistgħu jkomplu b’titolu ta’ kera fil-fondi rispettivi u b’hekk ser ikunu protetti minn kwalsiasi theddida ta’ żgumbrament illi seta’ kellhom.
Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali — impjegati ġodda f'awtoritajiet u entitajiet
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 5778 u 6787 u jagħti rendikont ta' kemm ġew impjegati persuni ġodda fl-awtoritajiet u l-entitajiet kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu minn Marzu 2022 sal-lum, f'liema awtorità/entità ġew ingaġġati u minn liema lokalitajiet huma dawn il-ħaddiema?
Response (BONNICI, OWEN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tabella t'hawn taħt b’rendikont ta’ kemm ġew impjegati persuni ġodda fl-entitajiet jew awtoritajiet li jaqgħu taħt dan id-dekasteru tiegħi minn Marzu 2022 sal-aħħar ta’ Jannar 2023. Dawn ġejjin mil-lokalitajiet: Pieta’, Żabbar, Santa Venera, Paola, Naxxar, Qormi, Tarxien, Birgu, Xemxija – San Pawl il-Baħar, Żejtun, Kalkara, Balzan, Attard, Msida, Gżira, Cospicua, San Lawrenz, Dingli, Qrendi, Ħamrun, Mġarr, Birżebbugia, Siġġiewi, Qawra, Żurrieq, Marsascala, Birkirkara, Mellieħa, Għaxaq, Lija, Għargħur, Kappara.
Fl-istess ħin qed nipprovdih ukoll b’rendikont tal-ħaddiema li, f’dan l-istess perjodu, spiċċaw mill-istess entitajiet/awtoritajiet minħabba raġunijiet varji.
Entità/Awtorità
Ħaddiema ngaġġati
Ħaddiema li spiċċaw
ACM
3
8
Fondazzjoni Ċentru Kreattivita
1
2
Heritage Malta
16
23
MICAS
2
0
St Johns Co Cathedral
10
2
SCH
1
2
Teatru Manoel
5
6
National Archives
4
5
PBS
11
3
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' kemm-il stone marker, li saru fi żmien il-perjodu tal-ħakma tar-Renju Unit, jafu bihom l-awtoritajiet kompetenti tal-Gvern, kif ukoll jipprovdi lista tal-indirizzi ta' fejn dawn jinsabu kemm f'Malta kif ukoll f'Għawdex?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li dan il-Ministeru m’għandux fil-pusses tiegħu l-informazzjoni li qiegħda tintalab.
Il-Belt Valletta – Triq San Ġwann– tiswijiet taċ-ċangatura
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5686, li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali u li issa ġiet riferuta lilu, u jara li l-ħsara li hemm fiċ-ċangatura fi Triq San Ġwann il-Belt Valletta, fil-parti li tibda minn Triq ir-Repubblika sa Strada Stretta, tiġi msewwija billi hija ta’ inkonvenjent u periklu kbir għal min jagħmel użu minnha?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta illi ċ-ċentru pedonali mhux responsabbiltà tal-Kunsill lokali. Għalhekk, nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi d-domanda tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid x’kienet il-ħsara li ġiet imġarrba kaġun tax-xita ġewwa Bighi, il-Kalkara, u jekk huwiex previst li x-xogħlijiet relattivi jibdew tul din is-sena?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-akbar ħsara li ġarrbet il-penisula ta’ Bighi fil-parti amministrata minn Heritage Malta, wara l-maltemp tad-9/10 ta’ Frar 2023, huwa tiġrif ta’ parti mill-ħajt għoli li jdawwar il-perimetru tal-penisula. Infurmat li bħalissa qed isiru l-istudji meħtieġa, anke ma’ entitajiet oħra kompetenti, sabiex jiġi stabbilit l-aħajr mod ta’ kif jista' jiġi kkonsolidat il-blat biex sussegwentement ikun jista’ jinbena l-ħajt.
Intant infurmat ukoll li għadu prematur f’dan l-istadju li tiġi kommessa data meta ser jinbeda dan ix-xogħol.
Finalment infurmat li bħalissa qiegħed jitkompla wkoll ix-xogħol ta’ ‘waterproofing’ fil-bjut tal-binjiet u qed jinbeda x-xogħol ta’ restawr f’partijiet tal-kumpless.
Jista’ l-Ministru jgħid liema xogħlijiet saru jew hemm il-ħsieb li jsiru tul dawn ix-xhur sabiex il-bajja tar-Rinella ġewwa l-Kalkara jsirilha x-xogħol neċessarju sabiex tkun tista’ tintuża tul is-sajf li ġej?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Kalkara li r-responsabilità tal-bajja ma taqax uffiċjalment fir-responsabilità tal-istess Kunsill. Madanakollu, infurmat illi l-Kunsill Lokali tal-Kalkara talab għall-għajnuna sabiex il-bajja u ż-żona ta' Rinella tiġi riġenerata.
San Pawl il-Baħar — Dawret in-Nawfraġju - bozza li mhux tixgħel
Question
B'referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 1418 u 7380 dwar bozoz f'Dawret in-Nawfraġju, San Pawl il-Baħar, b'mod partikolari b'referenza għal bozza li ma kinitx tixgħel, jista' l-Ministru jassigura li din il-bozza qiegħda taħdem kif suppost, hekk kif kienet mitfija, tranġat matul Marzu 2023 iżda sad-data li fiha qiegħda ssir din il-mistoqsija parlamentari reġgħet tinsab mitfija kif ġie infurmat ukoll il-Kunsill Lokali San Pawl il-Baħar?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar illi, filwaqt li l-bozza li kienet issewwiet (L386/55), irriżulta wara spezzjoni mill-kuntrattur tal-Kunsill illi hemm cable kollu ġonot u żewġ lampi oħra mitfija maġenb L386/55 li qed jaqtgħu lill-istess lampa LED.
Intant infurmat ukoll li meta sar rapport lil-Enemalta, irriżulta li l-bozoz l-oħra mhumiex reġistrati mal-Enemalta. B’hekk, infurmat li l-Kunsill Lokali beda proċess biex dawn jiġu reġistrati.
Uffiċini tal-Kunsilli Lokali – istallazzjoni ta’ lift
Question
Jista' l-Ministru jgħid meta se jiġi istallat lift jew mezz ieħor fil-Kunsilli Lokali li għandhom binjiet mhux aċċessibbli għal kulħadd sabiex l-anzjani u persuni b'diżabilità jkunu jistgħu jingħataw aċċess fil-binja kollha?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mid-Diviżjoni għall-Gvern Lokali li l-informazzjoni rikjesta, li hi pjuttost volominuża, qiegħda tinġabar u tingħata f’seduta oħra.
Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali – rapporti kriminali mis-Segretarju Permanenti
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7256, jista' l-Ministru jgħid kemm-il rapport kriminali sar mal-Pulizija mill-Permanent Secretary tiegħu fil-qadi tal-funzjonijiet tiegħu, f'dawn l-aħħar għaxar snin?
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7250, peress illi din il-kwistjoni ilha pendenti għal numru ta’ snin, u peress li r-residenti dejjem jingħataw l-istess risposta, jista’ l-Ministru jgħid meta ser tkun qed issir il-laqgħa tal-Kunsill Lokali ta’ Ħad-Dingli li fiha se tkun diskussa l-problema ta’ dawl fi Trejqet is-Sagħtar bl-iskop li fl-aħħar tkun indirizzata?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħad Dingli li l-laqgħa li qed tirreferi għaliha l-Onor. Interpellant saret fl-14 ta’ April 2023.
Jista’ l-Ministru jgħid meta huwa previst li tkun lesta Triq Dun Ġużepp Demicoli ġewwa Ħal Għaxaq, u kemm ser tkun l-ispiża biex tiġi rranġata?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Għaxaq li x-xogħlijiet mexjin skont id-deadlines stipulati mill-entità kkonċernata.
Intant nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi d-domanda tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2315, jista’ l-Ministru jgħid jekk ġietx stabbilita l-ġurnata li fiha ser jibda x-xogħol f’Misraħ Karmnu Grima ġewwa ż-Żejtun?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali taż-Żejtun illi l-Kunsill ħejja lista ta’ prijoritajiet ta’ toroq sabiex jiġu mwettqa minn l-entità kkonċernata fis-sena 2023. Dawn infurmat li kienu magħżula mis-Sindku bl-approvazzjoni tal-Kunsill skont l-urġenza u l-kundizzjoni tal-wiċċ tat-triq.
Infurmat ukoll li Misraħ Karmnu Grima hi elenkata mal-lista li ser tgħaddi lill-entità kkonċernata aktar tard din is-sena sabiex issir fl-2024.
Rigward il-parti tad-domanda dwar ġurnata li fiha ser jibda definittivament ix-xogħol fl-imsemmi misraħ, nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.